Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità 2009: 'Intejbu l-Klima fil-Bliet'

European Commission - IP/09/1317   15/09/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1317

Brussell, il-15 ta' Settembru

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità 2009: 'Intejbu l-Klima fil-Bliet'

Mis-16 sat-22 ta' Settembru 2009, mijiet ta' bliet Ewropej se jieħdu sehem fit-tmien edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità u se jistiednu liċ-ċittadini tagħhom għal sensiela wiesgħa ta' attivitajiet li jippromwovu l-mobilità sostenibbli. It-tema tal-kampanja tal-2009 – Intejbu l-Klima fil-Bliet – tenfasizza l-importanza ta' sforzi fil-livelli lokali sabiex jiġi ttrattat it-tibdil fil-klima u titjieb il-kwalità tal-ħajja permezz tal-promozzjoni ta' modi ta' trasport alternattivi għall-karozza bħalma huma l-użu tar-roti, il-mixi u t-trasport pubbliku kif ukoll skemi bħalma huma l- car-sharing u l-car-pooling .

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, responsabbli għat-trasport, qal: "Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità hija eżempju ċar ta' kif inizjattivi fil-livell Ewropew jistgħu jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-azzjoni fil-livell lokali. Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar il-mobilità urbana li għandi l-ħsieb nipproponi dalwaqt isegwi eżattament dan il-ħsieb. Il-pjan ta' azzjoni se jipprovdi lill-awtoritajiet tal-bliet b'sett ta' għodod prattiċi sabiex jgħinuhom jindirizzaw it-tibdil fil-klima u l-mobilità urbana jibdluha f'mobilità li tkun aktar sostenibbli."

Il-Kummissarju għall-Ambjent Stavros Dimas qal: "Il-karozzi privati jipproduċu kwantitajiet kbar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima, u jaffettwaw b'mod serju l-kwalità tal-ħajja urbana. Għalhekk huwa importanti li l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini madwar l-Unjoni Ewropea jadottaw modi ta' trasport li huma aktar sostenibbli. Jekk dan iseħħ inkunu qed ngħinu fit-tnaqqis tal-impatt tat-tibdil fil-klima u ntejbu l-kundizzjonijiet tal-għixien fil-bliet tagħna."

Intejbu l-Klima fil-Bliet

L-2009 għandha tkun sena kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fejn il-mexxejja dinjin, f'Kopenħagen, f'Diċembru, għandhom l-għan li jaslu għal qbil dwar ftehim ta' segwitu għall-Protokoll ta' Kjoto fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP15). Meta jitqies li aktar minn 70 % tal-popolazzjoni Ewropea bħalissa tgħix f'żoni urbani, l-awtoritajiet lokali għandhom potenzjal sinifikanti sabiex itaffu t-tibdil fil-klima, billi jfasslu politiki pubbliċi konsistenti mal-għanijiet globali u jimmobilizzaw liċ-ċittadini sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra (carbon footprints). Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar il-fatt li meta jitqies li madwar terz tal-konsum totali tal-enerġija u aktar minn kwint tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ġejjin mit-trasport, modi alternattivi ta' trasport jistgħu jibdlu dawn iċ-ċifri b'mod sinifikanti.

L-avvenimenti l-aktar importanti tul il-Ġimgħa tal-Mobilità 200 9

F' Almada , il-Portugall, fit-18 ta' Settembru, iċ-ċittadini se jirċievu "vjaġġi għall-iskart" (trips for trash) – biljetti għat-trasport pubbliku li jitpartu ma' oġġetti riċiklabbli bħalma huma laned, fliexken tal-plastik, u batteriji. Ċinema fil-miftuħ se joffri wirjiet b'xejn ta' bosta films magħrufa dwar it-tibdil fil-klima.

Il-belt ta' Budapest , fl-Ungerija se torganizza tlitt ijiem mingħajr karozzi fid-19, l-20 u t-22 ta' Settembru. L-Avenue Andrássy iddikjarata mill-UNESCO bħala sit protett ta' Wirt Dinji se tingħalaq għat-traffiku ta' vetturi motorizzati u se tinbidel fi 'Triq Ħajja' kompluta b'ħaxix aħdar fuq il-bankini, turnewijiet sportivi, teatru tat-triq, wirjiet ta' vetturi nodfa, tlielaq bir-roti, u tpinġija fit-triq għat-tfal.

Il-belt ta' Salzburg fl-Awstrija, se torganizza jum ta' azzjoni – Salzburg-Anders Mobil – sabiex tqajjem kuxjenza dwar mobilità sostenibbli u modi ta' trasport alternattivi, b'wirjiet ta' vetturi elettriċi, dawriet bir-rikxo madwar il-belt, u laqgħat mal-NGOs lokali ambjentali u għat-trasport.

Parteċipazzjoni dejjem akbar

L-għadd ta' bliet li jipparteċipaw fil-ġimgħa tal-mobilità żdied b'sitt darbiet minn meta tvarat fl-2002. Is-sena l-oħra, bit-tema fokali ta' 'Arja Nadifa għal Kulħadd', rekord ta' 2 102 awtorità lokali ffirmaw il-karta tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità (EMW) u/jew irreġistraw l-attivitajiet tagħhom fis-sit tal-kampanji www.mobilityweek.eu . F'termini ta' popolazzjoni, dan jissarraf f'220 miljun ċittadin f'39 pajjiż potenzjalment involuti fl-EMW 2008.

Din kienet żieda ta' kważi 4 % fuq ir-rati tal-2007, b'parteċipazzjoni tajba min-naħa tal-Istati Membri l-qodma u dawk ġodda, il-Pajjiżi li se jissieħbu u l-pajjiżi taż-ŻEE u l-EFTA. Il-mudell tal-organizzazzjoni ta' suċċess tal-kampanji tal-EMW qed jiġi adottat dejjem aktar minn pajjiżi lil hinn mill-Ewropa inklużi l-Brażil, il-Venezwela, il-Kolombja, il-Kanada, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel, u t-Tajwan u l-bliet ewlenin ta' Seoul, Rio de Janeiro, Taipei, Montréal, Yokohama u Quito kollha ħadu sehem fl-EMW 2008.

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità tiġi kkoordinata minn tliet organizzazzjonijiet mhux governattivi li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet ambjentali urbani: Eurocities, Energie-Cités u Climate Alliance. Id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea jipprovdi appoġġ finanzjarju u jorganizza l-Għotja tal-Premjijiet tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità għall-aqwa programm ta' attivitajiet u miżuri

Wirt li jibqa' għal ħafna snin

Il-Ġimgħa tal-Mobilità għandha l-għan li tibdel l-imġiba marbuta mal-mod kif il-bniedem jivvjaġġa billi toffri alternattivi għall-karozza li jkunu favur l-ambjent. Il-pubbliku jingħata ċ-ċans jipprova forom alternattivi ta' trasport u l-awtoritajiet lokali jkollhom l-opportunità jittestjaw u jħaddmu servizzi u infrastrutturi ġodda. Dan jiżgura wirt li jibqa' għal ħafna snin minħabba li l-bliet li jipparteċipaw jiġu inkoraġġuti jvaraw tal-anqas miżura prattika waħda permanenti. Eżempji reċenti jinkludu dak fejn fi Frankfurt tingħata garanzija ta' rimborż lill-konsumaturi jekk it-trasport pubbliku jittardja b'aktar minn għaxar minuti u eżempju ieħor huwa s-sit tal-internet tal-belt ta' Edinburgh ( www.educatedtravel.info/ ) li jinkoraġixxi lin-nies iqisu l-alternattivi tal-ivvjaġġar tagħhom, speċjalment jekk dawn ikunu għadhom kemm daħlu ġodda fi skola, kulleġġ jew università. F'ħafna bliet, l-avveniment ewlieni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità jkun ġurnata mingħajr karozzi.

Għal aktar tagħrif żur is-sit tal-internet tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità:

www.mobilityweek.eu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website