Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-previżjonijiet tal-UE għal nofs it-terminu: ir-riċessjoni qed tingħeleb, imma l-inċertezza għadha kbira

European Commission - IP/09/1309   14/09/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL RO

IP/09/1309

Brussell, l-14 ta’ Settembru 2009

Il-previżjonijiet tal-UE għal nofs it-terminu: ir-riċessjoni qed tingħeleb, imma l-inċertezza għadha kbira

Il-qagħda ekonomika tjiebet notevolment mit-tieni kwart tas-sena, u dan jindika prospetti ta’ tkabbir aħjar għat-tieni nofs tas-sena. Iżda minħabba li l-attività ekonomika fi tmiem l-2008 u l-bidu tal-2009 kienet agħar milli kien stmat inizjalment, il-PDG għadu mistenni jonqos b’4% kumplessivament din is-sena, kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-ewro, kif imbassar fir-rebbiegħa. Madankollu l-inċertezza għadha għolja u filwaqt li l-irkupru jista’ jissorprendi b’mod pożittiv fil-futur qrib ħafna, għad irid wieħed jara kemm dan huwa sostenibbli. Il-previżjonijiet tal-Kummissjoni għall-inflazzjoni fl-2009 wkoll baqgħu l-istess, jiġifieri 0.9 % fl-UE u 0.4 % fiż-żona tal-ewro, hekk kif qed jgħibu l-effetti bażiċi taż-żidiet f’daqqa fil-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel, li kienu qegħdin ibaxxu l-prezzijiet, u ma jidhrux il-pressjonijiet sinifikanti mill-inflazzjoni.

“Il-qagħda tjiebet – l-aktar bis-saħħa tal-ippumpjar bla preċedent ta' ammonti ta' flus fl-ekonomija minn banek ċentrali u awtoritajiet pubbliċi, iżda l-ekonomija dgħajfa se tkompli taffettwa b’mod negattiv l-impjiegi u l-finanzi pubbliċi. Jeħtieġ li nibqgħu nimplimentaw il-miżuri ta’ rkupru mħabbra għal din is-sena u għall-2010, u li naċċeleraw it-tiswijiet fis-settur finanzjarju sabiex niżguraw li l-banek ikunu lesti jsellfu b’termini raġonevoli meta l-kumpaniji u l-individwi u l-familji jerġgħu jibdew bil-pjanijiet tal-investiment tagħhom. Jeħtieġ ukoll li niddefinixxu strateġija tal-‘ħruġ’ ċara, kredibbli u kkoordinata biex il-finanzi pubbliċi jerġgħu lura progressivament fit-triq lejn is-sostenibbiltà u li nsibu r-riżorsi meħtieġa biex inżidu l-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-impjiegi, ” qal Joaquín Almunia, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.

L-għajnuniet żdiedu fis-saħħa matul is-sajf, hekk kif l-ekonomija globali bdiet tistabbilizza, parzjalment b'riżultat ta' interventi ta' politika b'saħħithom. Bl-għajnuna ta’ kundizzjonijiet finanzjarji mtejba, il-waqgħa fil-PDG tal-UE naqqset il-pass b’mod sinifikanti fit-tieni kwart (-0.2 % minn kwart għall-ieħor (q-o-q) minn -2.4 % fl-ewwel kwart tal-2009). Fid-dawl tal-fatt li ċ-ċiklu tal-inventarju jidher li qed jibdel ix-xejriet tiegħu, u li l-fiduċja se titjieb fi kważi s-setturi u l-pajjiżi kollha, il-previżjonijiet għall-futur qrib huma favorevoli.

Abbażi ta’ dawn ix-xejriet, l-estimi tat-tkabbir għat-tieni nofs ta’ din is-sena ġew riveduti kemmxejn ’il fuq fil-previżjonijiet tal-Kummissjoni. Iżda, minħabba r-reviżjonijiet li saru għall-estimi preċedenti għall-2008 u l-ewwel kwart tal-2009, ir-rata tal-waqgħa stmata fil-PDG fl-2009 fit-totalità tiegħu tibqa’ l-istess, jiġifieri 4 % kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-ewro. Dan huwa kkalkulat fuq il-bażi ta’ estimi għal Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit li lkoll flimkien huma responsabbli għal madwar 80 % tal-PDG tal-UE.

Kundizzjonijiet esterni dejjem aktar favorevoli

L-ekonomija globali ma għadhiex sejra lura bħal granċ. Id-dejta reċenti għall-kummerċ u l-produzzjoni industrijali, kif ukoll il-fiduċja min-naħa tan-negozjanti u tal-konsumaturi, hija inkoraġġanti. L-Ażja emerġenti tidher li qiegħda minn ta’ quddiem nett fit-triq tal-irkupru, u t-tkabbir fiċ-Ċina baqa' robust, filwaqt li t-tiċkin fl-Istati Uniti wkoll sab ċertu bilanċ. Il-pakkett ta’ stimolu u l-esportazzjonijiet netti huma mistennija jippermettu lill-Istati Uniti jerġgħu lura lejn tkabbir pożittiv mit-tielet kwart 'il quddiem. Kollox ma’ kollox, il-waqgħa stmata fil-PDG dinji fl-2009 naqset bin-nofs f'dan l-aġġornament (minn -1.4 % fil-previżjoni tar-rebbiegħa għal -0.7 %). Iżda kemm se jkun sostenibbli l-irkupru globali u x'forma se jieħu għadhom żewġ affarijiet inċerti ferm.

Jekk inħarsu lejn l-Ewropa, hemm raġunijiet biex inkunu moderatament ottimisti dwar il-prospetti għall-medda l-qasira. Lil hinn minn prospetti esterni mtejba u kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar favorevoli, kemm il-konsum privat kif ukoll dak pubbliku żamm sod, filwaqt li l-korrezzjoni tal-inventarju qiegħda tavvanza u l-indikaturi ta’ frekwenza għolja jindikaw ċertu rkupru fil-kwarti li ġejjin. Dan huwa parzjalment dovut għal miżuri mdaqqsa ta’ stimolu, li xi wħud minnhom għad iridu jiġu implimentati aktar tard din is-sena, f’dieversi Stati Membri. Madankollu, l-impatt sħiħ tal-kriżi fuq is-swieq tax-xogħol u l-finanzi pubbliċi għad irid jinħass, u l-korrezzjoni fis-swieq tad-djar għada żżomm lura l-investiment fil-bini f’diversi pajjiżi. L-irkupru jista’ għalhekk jirriżulta bħala wieħed volatili u inqas mill-medja fil-ġejjieni.

L-inflazzjoni bħalissa tinsab f'livell baxx

Ir-rata tal-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-konsumaturi naqset fl-ewwel nofs tal-2009, u fl-UE laħqet l-aktar punt baxx tagħha jiġifieri ta’ 0.2 % f’Lulju (-0.7 % fiż-żona tal-ewro), imniżżla l-aktar mit-treġġigħ lura taż-żidiet f’daqqa fil-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel fl-imgħoddi. Iżda minħabba li dan l-effett qed jiġi fi tmiemu u l-prezzijiet tal-prodotti bażiċi qed jogħloew, ir-rata tal-inflazzjoni mistennija tiżdied lejn l-aħħar tas-sena. Ma hemm, madankollu, l-ebda pressjoni domestika ta’ inflazzjoni peress li għad hemm laxkezza sostanzjali fl-ekonomija u ż-żieda fil-pagi mistennija tnaqqas fil-pass. Meqjusa flimkien, il-previżjonijiet għall-inflazzjoni jibqgħu l-istess bħall-previżjonijiet tar-rebbiegħa, jiġifieri 0.9 % fl-UE fl-2009 (u 0.4 % fiż-żona tal-ewro).

Valutazzjoni tar-riskji

Ir-riskji għall-prospetti tat-tkabbir għall-2009 jidhru ġeneralment ibbilanċjati. Mil-lat mhux daqshekk pożittiv, il-possibbiltà ta’ xejriet ċikliċi negattivi oħra ta' azzjonijiet u reazzjonijiet bejn is-settur reali li qed jirkupra bil-mod u s-settur finanzjarju li għadu fraġli, ma tistax titwarrab għalkollox. Mil-lat pożittiv, l-interventi ta’ politika jistgħu jkunu aktar effikaċi milli huwa mistenni, biex , isostnu d-domanda, jtejbu l-fiduċja u jreġġgħu lura s-settur finanzjarju għal pożizzjoni soda.

Ir-riskji għall-prospetti tal-inflazzjoni wkoll jidhru ġeneralment ibbilanċjati. Prezzijiet ogħla għall-prodotti bażiċi u kundizzjonijiet ekonomiċi li qegħdin jitjiebu jagħtuna ħjiel li jista’ jkun hemm riskji pożittivi, ibbilanċjati minn laxkezza konsiderevoli fl-ekonomija, li l-inflazzjoni tista’ żżommha ’l isfel aktar milli huwa mistenni.

Rapport aktar dettaljat jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article15857_en.htm

Table 1: Real GDP growth

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Note: the quarterly figures are working-day and seasonally adjusted, while the annual figures are unadjusted.

Table 2: Consumer price inflation

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED



Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website