Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE ES IT PT EL

IP/09/1294

Brussell, id-9 ta’ Settembru 2009

Il-Kummissjoni tirrakkomanda l-appoġġ temporanju mill-UE għall-proposta ta' Monaco sabiex it-tonn tal-Atlantiku jitniżżel fil-Konvenzjoni CITES

Il-Kummissjoni Ewropea taqsam ħafna mill-ħsibijiet espressi minn Monaco dwar l-istat tal-istokkijiet tat-tonn tal-Atlantiku, u qablet li l-UE tista' tappoġġa b'mod temporanju l-proposta ta' Monaco li titlob sabiex it-tonn tal-Atlantiku jitniżżel fil-lista tal-appendiċi 1 tas-CITES (Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta' Speċijiet Ipperikolati ). L-Istati Membri se jkunu kkonsultati dwar din il-proposta fil-21 ta' Settembru . Fil-każ ta' qbil, il-vot tas-CITES li se jittieħed f'Marzu 2010 għandu jirriżulta fi projbizzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali tat-tonn tal-Atlantiku . Madankollu, il-proposta sabiex l-UE tappoġġa l-inizjattiva ta' Monaco hija temporanja peress li hija msejsa fuq parir xjentifiku li ġej mill-2008 biss . Il-pożizzjoni tal-UE se tkun analizzata qabel il-laqgħa tas-CITES f'Marzu 2010 u se tqis l-aktar dejta reċenti kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-laqgħat annwali tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) f'Novembru 2009 .

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Stavros Dimas, qal: "Din id-deċiżjoni timmarka pass importanti fil-protezzjoni tat-tonn tal-Atlantiku . Għandna naġixxu fuq l-aqwa evidenza xjentifika disponibbli – u x-xjentisti qed jgħidu li neħtieġu azzjoni urġenti sabiex il-futur ta' wieħed mill-aktar kreaturi emblematiċi tal-oċean ikun protett.

Il-Kummissarju għas-Sajd tal-UE, Joe Borg, qal : "Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna jirriflettu t-tħassib serju tal-Kummissjoni dwar l-istat tat-tonn . Se jkun importanti ħafna li wieħed jara x'se jkun l-aħħar parir xjentifiku. Inħeġġeġ lit-48 Parti Kontraenti mal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku sabiex janalizzaw il-pjan ta' rkupru multiannwali għat-tonn fid-dawl tal-aħħar rakkomandazzjonijiet xjentifiċi. Jekk l-ICCAT taqdi r-rwol tagħha b'mod effikaċi u aħna nistgħu niżguraw konformità sħiħa, tista' tiġi evitata projbizzjoni totali tal-kummerċ.

Il-Kummissjoni se tipprovdi analiżi tal-impatti soċjoekonomiċi fuq l-għażliet diversi li għandhom jitqiesu meta tipprepara proposta għall-pożizzjoni finali tal-KE .

It-tonn tal-Atlantiku

It-tonn tal-Atlantiku jpassi ħafna u jinstab fit-Tramuntana tal-Oċean Atlantiku kollu kif ukoll fl-ibħra tal-madwar, partikolarment il-Baħar Mediterran. L-ispeċi hija partikolarment fil-mira fejn ibid (il-Baħar Mediterran għall-Istokk tal-Lvant u l-Golf tal-Messiku għall-Istokk tal-Punent). Il-ħsad ta' ħafna minn dan it-tonn isir mill-pajjiżi Mediterranji. L-attivitajiet tas-sajd żdiedu sostanzjalment f'nofs is-snin disgħin u laħqu l-quċċata fl-1996 b'qabdiet rappurtati li ammontaw għal 50 000 tunnellata . Il-massa tal-attivitajiet huma bħalissa magħmula minn purse-seiners kbar, li jittrasferixxu l-qabdiet ħajjin lejn farms tat-tonn li jitimgħu it-tonn għal diversi xhur, qabel ma jinqatel u jiġi esportat lejn is-suq Ġappuniż.

L-esportazzjonijiet lejn il-Ġappun jammontaw għal madwar 80% tal-volum tal-ħsad tat-tonn tal-Atlantiku fil-Mediterran (madwar 30 000 tunnellata fl-2007). Il-volum għoli stmat ta' sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat (IUU) għat-tonn tal-Atlantiku jimplika li l-volum ta' qabdiet x'aktarx huwa ogħla mill-volum ta' qabdiet li huwa effettivament rappurtat. Bħala riżultat kemm tal-qabdiet legali kif ukoll dawk illegali, matul id-deċennji li għaddew l-ispeċi esperjenzat tnaqqis qawwi u l-istatus ta' konservazzjoni tagħha bħalissa huwa ħażin ħafna .

CITES

CITES, il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta' Speċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi Ipperikolati, hija ftehim internazzjonali bejn il-gvernijiet. L-għan tagħha huwa li tiżgura li l-kummerċ internazzjonali ta' kampjuni ta' annimali u pjanti selvaġġi ma jheddidx is-sopravivenza tagħhom . Hija tagħti gradi ta' protezzjoni li jvarjaw lil aktar minn 30,000 speċi ta' annimali u pjani . Is-CITES taħdem billi tpoġġi ċerti kundizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali ta' kampjuni ta' speċijiet magħżula . Dawn jeħtieġu li l-importazzjoni, l-esportazzjoni, ir-riesportazzjoni u l-introduzzjoni mill-baħar ta' speċijiet koperti mill-Konvenzjoni jkunu awtorizzati permezz ta' sistema ta' liċenzjar . L-ispeċijiet koperti mis-CITES huma mniżżla fi tliet Appendiċijiet, skont il-grad ta' protezzjoni li jeħtieġu

ICCAT

Il-ġestjoni tat-tonn tal-Atlantiku ilha fil-kompetenza tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) mill-1969. L-organizzazzjoni tgħaqqad 48 Parti Kontraenti, inkluża l-UE . Matul dawn l-aħħar snin, l-UE insistiet dwar titjib fil-ġestjoni u r-reġim ta' konservazzjoni fi ħdan l-ICCAT . Fil-laqgħa annwali tal-ICCAT f'Novembru 2008, ġie adottat Pjan ta' Rkupru Multiannwali rivedut li jinkludi, fost miżuri oħrajn, tnaqqis fil-Qabdiet Totali Permessibbli, tqassir fit-tul tal-istaġun tas-sajd, mekkaniżmi ġodda dwar il-kontroll u l-konformità u t-tnedija ta' programm lejn tnaqqis fil-kapaċità . Il-laqgħa li jmiss se ssir f'Recife, il-Brażil, mis-6 sal-15 ta' Novembru 2009 .

Għal aktar dettalji dwar ic-CITES : http://www.cites.org/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website