Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1292

Brussel, 9 ta' Settembru, 2009

Konsumaturi: l-UE se trażżan websajts li jbiegħu merkanzija elettronika tal-konsumatur

Il-Kummissarju tal-UE għall-Konsumaturi, Meglena Kuneva, illum ħabbret ir-riżultati ta’ investigazzjoni mifruxa mal-UE kollha - li kienet tinvolvi s-26 Stat Membru u n-Norveġja u l-Iżlanda – dwar ir-reklamar qarrieqi u prattiki inġusti fuq il-websajts li jbiegħu merkanzija elettronika tal-konsumatur L-azzjoni tkopri 369 websajt li jbiegħu sitta mill-iktar prodotti elettroniċi popolari għall-konsumaturi fl-UE - kameras diġitali, mowbajls, plejers tal-mużika personali, plejers tad-DVD, tagħmir tal-kompjuter u l-konsowls tal-logħob. Din kopriet 200 fost l-ikbar websajts li jbiegħu tagħmir elettroniku kif ukoll aktar minn 100 websajt li kienu mmirati abbażi tal- ilmenti tal-konsumaturi. Ir-riżultati tal-verifiki mwettqa f'Mejju ta' din is-sena juru li 55% tal-websajt investigati wrew irregolaritajiet, b'mod partikolari dwar: informazzjoni qarrieqa dwar id-drittijiet tal-konsumatur; informazzjoni qarrieqa dwar il-prezz totali tal-prodott; jew dettalji ta' kuntatt mhux kompleti għall-kummerċjant. Il-kontrolli tal-bidu mill-awtoritajiet nazzjonali issa se jiġu segwiti minn fażi ta' infurzar fejn il-kumpaniji jkunu kkuntattjati mill-awtoritajiet nazzjonali u mitluba jikkoreġu l-websajts jew jiċċaraw il-pożizzjoni tagħhom. F'dan l-ewwel stadju, it-tliet pajjiżi - l-Iżlanda, il-Latvja u n-Norveġja - ippubblikaw l-ismijiet tal-websajts li ġew koperti mill-investigazzjoni (ara MEMO/09/379 ).

Il-Kummissarju tal-UE għall-Konsumaturi, Meglena Kuneva, qalet: "Aħna mmirajna lejn websajts li jbiegħu merkanzija elettronika għaliex naf mill-kaxxa tal-posta tiegħi stess, u nafu mil-livell ta' lmenti fiċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur li dan huwa qasam problematiku reali għall-konsumaturi. Skoprejna li aktar min-nofs il-bejjiegħa bl-imnut li jbiegħu "on-line" prodotti elettroniċi qed jiddiżappuntaw lill-konsumaturi. Din hija problema fl-Ewropa kollha li teħtieġ soluzzjoni Ewropea. Hemm ħafna xogħol xi jsir fix-xhur li ġejjin sabiex innaddfu dan is-settur; il-konsumaturi Ewropej jixirqilhom aħjar."

Is-s uq tal-oġġetti tal-elettronika

Il-valur tal-bejgħ bl-imnut "on line" ta' oġġetti elettroniċi tal-konsumatur fl-Ewropa huwa ta' madwar € 6.8 biljun (2007), u wieħed minn kull erba' konsumaturi fl-UE li qatt xtara xi ħaġa "on line", xtara prodott elettroniċi (inklużi kameras). Aktar minn terz tal-ilmenti dwar il-bejgħ "on line" li jinsabu f'idejn in-Netwerk taċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur fl-2007, jikkonċernaw ix-xiri ta' tagħmir elettroniku.

L-investigazzjoni għall-għarrieda

F'Mejju 2009, dawk li jinfurzaw fuq livell nazzjonali (koordinati mill-Kummissjoni Ewropea) ikkontrollaw websajts li jbiegħu prodotti elettroniċi għall-konformità mat-tliet liġijiet kruċjali tal-konsumatur fl-UE: id-Direttiva dwar Bejgħ mill-Bogħod, id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, u d-Direttiva dwar il-Prassi Kummerċjali Inġusti (ara MEMO/07/379 għal aktar dettalji).

L-investigazzjoni għall-għarrieda ffukat fuq 3 oqsma ewlenin:

  • 1. Informazzjoni ta' kuntatt għall-kummerċjant: Skont il-liġi tal-UE, għandu jkun hemm informazzjoni kompluta dwar l-isem, l-indirizz ġeografiku u l-indirizz elettroniku tal-kummerċjant.

  • 2. Informazzjoni ċara dwar l-offerta (prezz totali tal-prodott u deskrizzjoni ċara): Skont il-liġi tal-konsumatur tal-UE in-negozjanti "on-line" għandhom jipprovdu informazzjoni ċara dwar il-karatteristiċi tal-prodott, kif ukoll dwar l-ispiża totali (inklużi t-taxxi), l-ispejjeż kollha żejda tal-kunsinna u arranġamenti għall-ħlas Il-prezz finali tal-ħlas għandu jkun l-istess kif iddikjarat fl-informazzjoni provduta qabel ix-xiri.

  • 3. Informazzjoni ċara dwar id-drittijiet tal-konsumatur: Skont il-liġi tal-UE, il-konsumaturi għandhom ikunu pprovduti b'informazzjoni dwar id-dritt li tagħtihom l-UE "li jirritornaw" jiġifieri oġġett mixtri mill-bogħod jista' jiġi rritornat fi żmien minimu ta' sebat ijiem mingħajr ma hemm l-obligu tal-għoti ta' raġuni. L-investigazzjoni wkoll ivverifikat l-eżattezza tal-informazzjoni addizzjonali provduta dwar id-drittijiet tal-konsumatur pereżempju dwar il-garanziji tar-rifużjonijiet.

Ir-riżultati

Ir-riżultati tal-investigazzjoni għall-għarrieda kienu kif ġej:

  • 55% tat-369 websajt ikkontrollata wrew irregolaritajiet li qed jiġu investigati aktar fil-fond. 13% tas-siti problematiċi jeħtieġu kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet nazzjonali. Il-problemi l-iktar komuni li nstabu kienu:

  • Informazzjoni qarrieqa dwar id-drittijiet tal-konsumatur (66% tal-websajts problematiċi) Ix-xerrejja jew ma kinux infurmati jew kellhom informazzjoni ħażina dwar "id-dritt tagħhom li jirritornaw" - id-dritt li jikkanċellaw ordni magħmula mill-bogħod fi żmien minimu ta' sebat ijiem u jirritornaw il-prodott mingħajr ma jagħtu raġuni. Pereżempju, huma ġew infurmati li l-kummerċjant ma jaċċettax il-prodott lura, jew li jista' jkollu biss kreditu u mhux ir-restituzzjoni fi flus. Fil-każijiet l-oħra, il-konsumaturi kienu mqarrqa dwar id-dritt tagħhom li jekk jaslilhom prodott difettuż, dan għandu jissewwa jew jinbidel, sa żmien sentejn wara l-akkwist (eż. dawn qalulhom li huma kellhom dan id-dritt għal sena waħda biss).

  • Informazzjoni qarrieqa dwar il-prezz totali (45% tal-websajts problematiċi). Pereżempju, informazzjoni dwar il-ħlas ekstra tal-kunsinna kienet nieqsa jew diffiċli biex issibha. Il-flus ekstra imbagħad ġew miżjuda biss fl-istadju finali tal-pagament. Xi websajts oħra saħansitra wiegħdu "kunsinna bla ħlas" jew affari li "tkun kollha inklussiva", imma mbagħad xorta waħda ġew applikati l-ispejjeż tal-kunsinna.

  • Dettalji ta' kuntatt tal-kummerċjant li jkunu nieqsa jew mhux kompluti (33% tal-websajts problematiċi). Dettalji tal-isem tal-kummerċjant, l-indirizz ġeografiku jew l-indirizz tal-e-mail kienu nieqsa jew mhux kompleti, b'tali mod li ma setax jiġi kkuntattjat f'każ ta' problemi.

X'se jiġri issa?

Il-kummerċjanti se jiġu kkuntattjati mill-awtoritajiet nazzjonali u jintalbu jiċċaraw il-pożizzjoni tagħhom jew jikkoreġu l-problemi identifikati. Jekk il-websajt tibqa' mhix konformi mal-liġi, jista' jirriżulta li ttieħed azzjoni legali li twassal għal multi jew li l-websajts jingħalqu. Ir-riżultati tal-infurzar madwar l-UE se jiġu ppreżentati sa nofs l-2010.

Kampjuni ta' websajts tajba u ħżiena li jbiegħu prodotti elettroniċi:

http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/sweep/electronic_goods/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website