Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/ 1272

Brussell, it-3 ta’ Settembru 2009

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso jipproponi sħubija ta’ progress u ambizzjoni lill-Parlament Ewropew

Illum, il-President Barroso bagħat il-linji gwida politiċi tiegħu għall-mandat tal-Kum missjoni Ewropea li jmiss lill-President tal-Parlament Ewropew.

Id-dokument jispeċifika l-għanijiet u l-ideat li l-President Barroso jemmen li għandhom jispiraw sħubija politika bejn il-Kummissjoni u l-Parlament għall-ħames snin li ġejjin.

Il-President Bar roso stqarr: “L-Ewropa għandha quddiemha għażliet assoluti fid-dinja interdipendenti tal-lum. Jew naħdmu flimkien biex naffaċċjaw l-isfidi. Jew inkella insiru irrilevanti. Se nirdoppja l-isforzi tiegħi biex isseħħ Ewropa ambizzjuża. Ewropa li tpoġġi lin-nies fil-qalba tal-aġenda tal-politika u li tittrażmetti l-valuri u l-interessi Ewropea fid-dinja. Ewropa li trawwem sorsi ġodda ta’ tkabbir u li tmexxi ’l quddiem ir-regolamentazzjoni intelliġenti ta’ swieq b’saħħithom li jaħdmu għan-nies. Ewropa tal-libertà u s-solidarjetà.”

Il-President Barroso żied: “Nixtieq naħdem aktar mill-qrib mal-Parlament għal Ewropa prospera, soċjalment avvanzata, sikura u sostenibbli, li tibni fuq il-punti pożittivi tas-suq intern ta’ UE li kibret, tal-euro u tal-mudell ta’ soċjetà Ewropew tagħna.”

Estratti mit-test tal-linji gwida politiċi

- Dwar l-Ewropa li jemmen fiha l-President Barroso

“Dawn mhumiex żmenijiet bħall-oħrajn. Dak li teħtieġ l-Ewropa hija aġenda li twassal għal bidla. Ikun biss billi taħdem għalenija li l-Ewropa tkun tista’ tikseb id-dimensjoni meħtieġa. Quddiemna għandna għażla. jew nagħtu forma għalenija lill-ordni l-ġdid, jew l-Ewropa ssir irrelevanti.”

- Dwar il-perspettiva għall-futur

“L-ewwel mandat tiegħi kien jittratta l-konsolidazzjoni tal-Ewropa ta' 27 pajjiż. Issa din l-UE mkabbra tista' tkun ta' impetu biex nużaw il-possibbiltajiet u l-kwalitajiet tagħna bl-aħjar mod. Issa ninsabu fil-pożizzjoni li nimxu b'konvinzjoni u determinazzjoni lejn fażi ġdida ta' ambizzjoni.”

- Dwar l-istabbiliment tal-prijoritajiet tagħna f’perspettiva fit-tul: Viżjoni għall-UE tal-2020

“Jeħtieġ li nirrevedu l-istrateġija ta' Liżbona attwali biex din tkun adattata għall-perjodu ta' wara l-2010, u nibdluha fi strateġija għal konverġenza u koordinazzjoni biex niksbu riżultati fir-rigward ta' din il-viżjoni integrata tal-UE għall-2020. Dan ser jirrekjedi kemm azzjoni imedjata u kif ukoll azzjoni fuq tul ta' żmien:

  • Ħruġ b’suċċess mill-kriżi;

  • Rwol ta' tmexxija fir-rigward tat-tibdil fil-klima;

  • L-iżvilupp ta' għejun ġodda ta' tkabbir sostenibbli u koeżjoni soċjali;

  • Il-promozzjoni ta' Ewropa tal-poplu;

  • Il-bidu ta' era ġdida għal Ewropa Globali.”

- Dwar ħruġ b’suċċess mill-kriżi

“Issa l-prijorità ewlenija hija li nibqgħu nsostnu l-livell tad-domanda filwaqt li titliġġem iż-żieda fil-qgħad. Fi kliem ieħor dan ifisser l-implimentazzjoni vigoruża tal-Programm għall-Irkupru Ekonomiku Ewropew, iż-żamma f'livell baxx tar-rati tal-imgħax, u l-użu tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat biex il-gvernijiet jingħataw sostenn fl-isforzi tagħhom biex jagħtu nifs ġdid lill-ekonomija mingħajr effetti negattivi fi Stati Membri oħra. Għadu kmieni biex dawn il-miżuri ta' stimulu u appoġġ lill-ekonomija u lis-settur finanzjarju jiġu rtirati, madanakollu għandha titħejja strateġija dwar dan.”

“Taħt it-tmexxija tiegħi, il-Kummissjoni ser tuża l-firxa sħiħa ta' possibbiltajiet li jinsabu fit-Trattat biex tissaħħaħ il-konverġenza tal-għanijiet u l-koerenza tal-effetti tal-politika ekonomika, partikolarment fiż-żona tal-euro. Il-koordinazzjoni msaħħa se tkun fil-qalba ta' strateġija ta' ħruġ b'suċċess mill-kriżi.”

“L-Ewropa għandha toħroġ mill-kriżi attwali kunfidenti li għandha sistema finanzjarja aktar etika, b'saħħitha u responsabbli.”

- Dwar rwol ta' tmexxija fir-rigward tat-tibdil fil-klima

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-evidenza xjentifika dwar it-tibdil fil-klima wrewna li jeħtiġilna ninvestu aktar fis-sostenibbiltà. Iżda dan ma jikkonċernax biss il-fatt li għandna nagħmlu l-aħjar għażliet għall-ġejjieni tal-pjaneta – l-Ewropa ser tibbenefika enormement mill-investiment f'teknoloġiji ġodda b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u dan f'rabta mal-impjiegi futuri u t-tkabbir. Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-għażla ta' ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju jipprovdu opportunitajiet enormi u ser isaħħu s-sigurtà tal-enerġija tagħna.”

“Jistgħu jinksibu vantaġġi ta' min jagħmel l-ewwel pass permezz tal-esplojtazzjoni tal-potenzjal ta' industriji, servizzi u teknoloġija tal-UE li jħarsu l-ambjent billi l-impriżi, speċjalment l-SMEs, jiġu mħeġġa jadottawhom, u billi jitfassal l-ambjent regolatorju xieraq. Bażi industrijali li hija modernizzata biżżejjed li tuża u tipproduċi teknoloġiji li jħarsu l-ambjent u li jesplojtaw il-potenzjal għal użu effiċjenti tal-enerġija hija fattur essenzjali għal tkabbir sostenibbli fl-Ewropa.”

“Jeħtieġ li l-Kummissjoni li jmiss iżżomm il-momentum biex tinkiseb ekonomija b'emissjonijiet baxxi, parikolarment għal dekarbonizzazzjoni tal-provvista tal-elettriku u s-settur tat-trasport tagħna - it-trasport kollu, inklużi t-trasport marittimu u l-avjazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp ta' karozzi elettriċi.”

- Dwar spinta għal għejun ġodda ta' tkabbir u koeżjoni soċjali

“(M)a nistgħux nibqgħu niddependu għal dejjem fuq stimulu fuq żmien qasir. Issa jmiss li tingħata prominenza lil għejun ġodda ta' tkabbir - għejun ta' tkabbir li huma sostenibbli.”

“Sabiex niżguraw li l-UE tuża dan il-potenzjal għal bidla u tibqa' post attraenti għall-industrija fl-2020, neħtieġu approċċ ġdid fir-rigward tal-politika industrijali, li jappoġġja l-industrija, li jitfa' enfasi fuq is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-ħiliet umani meħtieġa biex l-industrija tal-UE tibqa' kompetittiva fis-swieq dinjija. Jiena impenjat favur politika li tissokta t-tneħħija ta' piżijiet amministrattivi żejda u li tipprovdi ċ-ċertezza legali li l-kumpaniji għandhom bżonn biex jagħmlu investimenti fit-tul.”

“Il-Kummissjoni li jmiss għandha tieħu l-politika tal-UE dwar ir-Riċerka fuq livell ġdid biex tittrasformaha f'wieħed mill-muturi tal-iżvilupp sostenibbli tagħna.”

- Dwar aġenda għall-impjiegi għal post tax-xogħol li qiegħed jinbidel

“Jeħtieġ li niżguraw li l-valuri tagħna ta' inklużjoni, ugwaljanza u ġustizzja soċjali jiġu promossi f'approċċ ġdid. Aħna m'aħniex ser nippermettu li drittijiet soċjali bażiċi, bħad-dritt ta' assoċjazzjoni jew id-dritt ta' strajk, jiddgħajfu. Dawn huma fundamentali għall-mudell ta' soċjetà Ewropew. U jekk il-globalizzazzjoni tpoġġi pressjoni fuq il-kompetittività tagħna, it-tweġiba tagħna qatt m'għandha tkun li nbaxxu l-istandards. Min-naħa l-oħra jeħtieġ li nressqu l-argument lis-sħab tagħna biex huma wkoll jadottaw standards simili, fl-interess tal-benesseri tagħhom stess, u nibqgħu niddefendu standards deċenti fil-qasam tax-xogħol u f'oqsma oħra fil-partijiet kollha tad-dinja.”

- Dwar swieq globali

“Il-ftuħ huwa fattur kruċjali għall-kompetittività ġejjiena tal-Ewropa. Din mhix biss kwistjoni ta' preferenza politika. Huwa fl-interess tagħna stess bħala l-akbar esportatur fid-dinja.”

“Jeħtieġ li aħna ngħaqqdu aħjar it-truf differenti tal-politika esterna tagħna biex b'hekk inkunu nistgħu nużaw is-setgħa tal-influwenza tagħna bħala lieva biex niksbu riżultati reali għan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE. L-interess Ewropew għandu jiġi promoss b'mod koerenti u determinat.”

- Dwar in-netwerks tal-ġejjieni

“Il-Kummissjoni li jmiss ser tiżviluppa Aġenda Diġitali Ewropea (akkumpanjata minn programm leġiżlattiv immirat) biex tindirizza l-ostakli ewlenin għal suq diġitali uniku ġenwin, tippromwovi l-investiment f'Internet b'veloċità għolja u tevita qasma diġitali li hija inaċċettabbli”

“Wieħed mill-akbar proġetti Ewropej li jmiss huwa li l-Ewropa tiġi pprovduta b'sistema ġdida Ewropea ta' distribuzzjoni tal-elettriku u l-gass mill-aqwa.”

- Dwar il-bidu ta' era ġdida għal Ewropa Globali

“It-Trattat ta' Liżbona, jekk jiġi ratifikat, ser itina l-istrumenti biex nibdew era ġdida ta' projjezzjoni tal-interessi Ewropej madwar id-dinja.“

“Jiena impenjat li niżgura li l-Kummissjoni, bħala l-ixprun ta' tant politiki esterni ewlenin, tagħmel il-parti tagħha bis-sħiħ biex naħtfu l-mument li nagħtu lill-Ewropa l-piż li jixirqilha fix-xena globali. Ma nistgħux inqisu r-relazzjonijiet esterni bħala ‘kaxxa’ separata, iżda bħala parti essenzjali ta' kif aħna niksbu l-għanijiet tal-politika interna tagħna.”

- Dwar il-mezzi biex niksbu l-ambizzjonijiet tagħna

“Dan ser jirrekjedi riforma mill-qiegħ tal-baġit tal-UE.”

“Għandna naħdmu aktar mill-qrib u b'aktar immaġinazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment u s-settur privat.”

“Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll qafas ġdid għal sħubijiet bejn is-setturi pubbliċi u privati biex ikunu jistgħu jinġabru flimkien għejun differenti ta' finanzjament għall-aħjar użu tal-investiment fis-snin li ġejjin.”

Sfond

Il-President José Manuel Barroso ilu President tal-Kummissjoni Ewropea mill-2004. Wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mill-4 sas-7 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Ewropew innomina unanimament lill-President Barroso għal mandat ieħor ta’ ħames snin.

Il-President José Manuel Barroso se jippreżenta l-linji gwida politiċi tiegħu għall-mandat li jmiss qabel il-laqgħat mal-gruppi politiċi differenti tal-Parlament li se jseħħu bejn is-7 u d-9 ta’ Settembru 2009.

Dawn il-laqgħat jinżammu bi tħejjija għal dibattitu plenarju u vot parlamentari dwar in-nomina tal-President għall-mandat li jmiss, li bħalissa huma previsti mill-Parlament li se jinżammu fil-15 u s-16 ta' Settembru 2009 rispettivament.

Il-linji gwida politiċi jistgħu jinsabu fuq :

http://ec.europa.eu/commission_barroso/president/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website