Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/09/1245

Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2009

L-aħħar sejħa għall-implimentazzjoni volontarja ta’ sistema tas-sikurezza tal-karozzi

Illum, il-Kummissjoni Ewropea għamlet l-aħħar sejħa lill-pajjiżi kollha tal-UE biex iħaffu l-implimentazzjoni volontarja tat-teknoloġija ġdida tal-komunikazzjoni minn ġol-karozza, l-‘eCall’, li tista’ ssalva 2 500 ħajja fis-sena. Is-sistema eCall iċċempel 112, in-numru uniku ta’ emerġenza tal-Ewropa awtomatikament meta jseħħ aċċident serju b’karozza u tibgħat il-lokazzjoni tagħha lill-eqreb servizz ta’ emerġenza. Dan jista’ jnaqqas bin-nofs il-ħinijiet ta’ rispons għall-emerġenza, inaqqas il-gravità tal-korrimenti u jsalva ħajjet in-nies li ma jafux fejn qegħdin jew ma jistgħux jispjegaw fejn qegħdin. Sa issa, l-użu tal-eCall mill-awtoritajiet pubbliċi, il-kumpaniji tal-karozzi u l-operaturi tat-telefon mobbli huwa volontarju. Sal-lum, is-sistema għadha ma hix operattiva fl-ebda pajjiż tal-UE. Il-Kummissjoni twissi, f’dokument ta’ politika adottat illum, li jekk ma jsir ebda progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tas-sistema sa tmiem l-2009, tista’ tipproponi miżuri regolatorji biex din it-teknoloġija li ssalva l-ħajja issir disponibbli madwar l-Ewropa kollha kemm jista’ jkun malajr. Fl-2008, kien hemm aktar minn 1.2 miljun aċċident fuq it-toroq Ewropej li kkawżaw madwar 39 000 mewt u aktar minn 1.7 miljun korriment.

"Għad hemm wisq nies li qed imutu fuq it-toroq Ewropej. Kull ġimgħa nisma’ b’aċċidenti tat-triq fejn l-eCall setgħet tgħin. Wasal iż-żmien li l-Istati Membri u l-industrija jgħaddu mill-kliem għall-fatti," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja tal-UE. "Fil-livell tal-UE, partikolarment bis-saħħa tal-appoġġ kontinwu tal-Parlament Ewropew, is-sehem tagħna tax-xogħol għamilnih: ġew stabbiliti l-istandards ewlenin rilevanti kollha sabiex l-eCall issir possibbli. L-Ewropej ma għandhomx jistennew iżjed għal sistema li tista’ ssalva ħajjithom minħabba li l-gvernijiet tagħhom ma jiħdux azzjoni. Irrid nara l-ewwel karozzi bis-sistema eCall fuq it-toroq tagħna s-sena d-dieħla: Jekk ma jkunx hemm żieda fl-implimentazzjoni tal-eCall, il-Kummissjoni hija lesta biex tistipula regoli ċari li jorbtu lill-gvernijiet, l-industrija u s-servizzi tal-emerġenza biex jirrispondu.”

Illum, il-Kummissjoni ppreżentat dokument ta’ politika bi strateġija għall-introduzzjoni ta’ sistema ekonomika ta’ sejħiet mill-karozzi f’każ ta’ emerġenza, fil-vetturi l-ġodda kollha fl-Ewropa sal-2014, mis-sena d-dieħla. L-eCall, li taħdem awtomatikament, jekk il-passiġġieri ma jistgħux jużawha, tista’ ssalva sa 2 500 ħajja fis-sena fl-UE meta tintuża bis-sħiħ, u tnaqqas il-gravità tal-korrimenti minn 10 sa 15 %. Il-miżuri li qed tipproponi l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li l-eCall taħdem fil-pajjiżi kollha tal-UE u fil-karozzi ta’ kull marka u pajjiż ta’ oriġini.

L-implimentazzjoni tal-eCall teżiġi l-kollaborazzjoni sħiħa tal-industriji tal-karozzi u t-telekomunikazzjoni kif ukoll tal-amministrazzjonijiet nazzjonali fil-pajjiżi kollha tal-UE li għandhom jiżguraw li s-servizzi tal-emerġenza tagħhom huma mgħammra biex jieħdu l-eCalls.

Għalkemm it-teknoloġija hija lesta u hemm qbil fuq l-istandards komuni tal-UE mill-industrija, sitt pajjiżi tal-UE (id-Danimarka, Franza, l-Irlanda, il-Latvja, Malta u r-Renju Unit) għadhom mhumiex lesti li jagħtu l-impenn tagħhom għal dan il-proġett, minħabba

tħassib dwar ir-riżorsi relatati meħtieġa. Il-preparazzjoni tan-netwerks tat-telefon u s-servizzi tal-emerġenza għall-implimentazzjoni tal-eCall ġol-karozzi madwar l-Ewropa għandha l-appoġġ sħiħ tal-Parlament Ewropew u ta’ 15-il pajjiż tal-UE li ffirmaw il-Memorandum ta’ Ftehim dwar l-eCall (l-Awstrija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Olanda u l-Iżvezja) u ta’ tliet pajjiżi Ewropej oħra (l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera).

Sitt pajjiżi oħra (il-Belġju, il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Lussemburgu, ir-Rumanija u l-Polonja) jappoġġaw l-eCall u huma lesti li jiffirmaw il-ftehim fi ftit żmien.

Qabel mal-eCall issir totalment operattiva madwar l-UE, il-pajjiżi jridu jaqblu dwar standards u linjigwida komuni għall-użu armonizzat tas-sistema u jwettqu testijiet fil-post biex jipprattikawha (testijiet pilota tnedew f’xi pajjiżi tal-UE, inkluż il-Finlandja, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Italja, l-Olanda). Permezz tal-Programm tagħha tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni l-Kummissjoni tista’ tappoġġa finanzjarjament dawn il-proġetti pilota, kif ukoll il-kampanji ta’ għarfien pubbliku dwar kif taħdem it-teknoloġija.

L-aċċidenti tat-triq jiswew lill-ekonomija tal-UE aktar minn €160 biljun fis-sena. Jekk il-karozzi kollha tal-UE jiġu mgħammra bis-sistema eCall jistgħu jiġu ffrankati €26 biljun fis-sena filwaqt li s-sistema hija stmata li se tqum inqas minn €100 għal kull karozza. Bl-introduzzjoni ta’ dan it-tagħmir mhux biss se jibbenefikaw il-konsumaturi, iżda wkoll in-negozji billi l-industriji tal-karozzi u tat-telekomunikazzjoni jkunu jistgħu joffru applikazzjonijiet u servizzi ġodda aġġornati (bħal takografi diġitali jew ħlasijiet elettroniċi) ibbażati fuq l-eCall, li se tiġi stallata fil-vetturi kollha u tuża t-teknoloġija tas-satellita tal-lokalizzazzjoni.

L-isfond

Oriġinarjament, il-Kummissjoni għamlet sejħa biex l-eCall tinfirex volontarjament madwar l-Ewropa sal-2009 (IP/05/134, IP/06/1720) iżda kien hemm dewmien fis-sistema minħabba nuqqas ta’ appoġġ minn minorità ta’ pajjiżi tal-UE.

Il-Kummissjoni appoġġat il-ħidma fuq l-eCall permezz ta’ finanzjament ta’ riċerka għal proġetti li jassiguraw li t-teknoloġija taħdem minn fruntiera għall-oħra (E-MERGE u GST-Rescue) u ta’ kooperazzjoni bejn industriji fi ħdan l-Inizjattiva eSafety. L-eCall hija waħda mill-prijoritajiet tal-Inizjattiva għal Karozzi Intelliġenti u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport li jippromwovu l-użu ta’ teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni (ICT) biex jinkiseb trasport aktar intelliġenti, aktar sikur u aktar ekoloġiku (IP/06/191).

Fl-aħħar sentejn, l-UE pprovdiet madwar €160 miljun għal riċerka fl-ICT għat-trasport, li tkopri sistemi ta’ sikurezza, sistemi ta’ vetturi intelliġenti u servizzi ta' mobbiltà.

L-istrateġija tal-Kummissjoni tal-lum għal sistema ta’ eCall madwar l-UE kollha u l-ftehim komuni ffirmat minn 15-il Stat Membru tinstab:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/esafety/ecall/index_en.htm

Aktar tagħrif dwar l-eCall, inkluż silta vidjo, tinsab ukoll f’dan is-sit.

http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/news.cfm?item_type=library&item_subtype=audiovisual&tpa_id=144

Annex

Kif taħdem l-eCall

European Countries that have signed the eCall Memorandum of Understanding

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Side Bar