Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1241

Brussell, it-19 ta' Awwissu 2009

Kompetizzjoni: Il-Kummissjoni tippubblika r-Rapport Annwali għall-2008 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni

Ir-Rapport dwar il-Kompetizzjoni tal-2008 tal-Kummissjoni Ewropea jagħti stampa ġenerali tal-iżviluppi ewlenin fil-politika tal-kompetizzjoni tal-UE u kif ukoll tal-azzjonijiet maġġuri fil-qasam tal-infurzar. Huwa juri kif l-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni ntużaw biex tiġi indirizzata l-kriżi finanzjarja u ekonomika u jitfa' dawl fuq il-benefiċċji li l-politika tal-kompetizzjoni tipprovdi lill-konsumaturi. Din il-ħidma ma aljenatx minn infurzar ieħor b'rabta mal-kompetizzjoni: azzjoni kontra mġiba mhux kompetittiva, il-valutazzjoni ta' amalgamazzjonijiet, u l-analiżi tal-għajnuna mill-Istat kompliet bħal qabel.

Il-Kummissarju responsabbli mill-Kompetizzjoni, Nellie Kroes, qalet "l-2008 kienet sena mhux tas-soltu u diffiċli, li ppreżentat lill-Ewropa bi sfidi ekonomiċi mingħajr preċedent. Jiena nemmen li l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni kienu fattur determinanti għall-ħarsien tas-suq uniku u tal-benefiċċji tal-kompetizzjoni, filwaqt li żguraw l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Kooperazzjoni b'saħħitha bejn is-sħab kemm fil-livell Ewropew u kif ukoll f'dak nazzjonali ppermettitilna nindirizzaw il-kriżi b'mod effiċjenti u f'waqtu. Iżda l-azzjoni f'oqsma oħrajn tal-infurzar tal-kompetizzjoni ma llaxkatx: ir-regoli tal-kompetizzjoni huma tabilħaqq aktar vitali fi żminijiet ta' kriżi, u r-rekord ta' infurzar tal-Kummissjoni għadu b'saħħtu ferm."

Ir-riforma tal-politika biex jittieħdu deċiżjonijiet aħjar f'anqas żmien

L-2008 kienet sena fejn inkisbu riżultati tajbin fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, kemm f'dak li hu antitrust, fl-għajnuna mill-Istat u anke fil-kontroll tal-a malgamazzjonijiet.

Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għamlet progress lejn analiżi ekonomika bbażata aktar fuq l-effetti tal-miżuri ta' appoġġ innotifikati mill-Istati Membri permezz tal-adozzjoni ta' regolament ġenerali dwar l-eżenzjoni ta' kategorija u l-introduzzjoni ta' test ta' bilanċ.

Il-Kummissjoni addottat ukoll White Paper dwar azzjoni għad-danni għal ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Il-White Papar tirrappreżenta pass 'il quddiem biex jingħelbu l-ostakli li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom bħalissa l-vittmi ta' problemi ta' kompetizzjoni u li jżommuhom lura milli jirċievu kumpens effettiv.

Fil-ġlieda kontra l-kartelli, il-Kummissjoni introduċiet mekkaniżmu biex tinstab soluzzjoni għal każijiet ta' kartelli bi ftehim tal-partijiet involuti, permezz ta' proċedura simplifikata, li twassal biex dawn il-każijiet jiġu indirizzati aktar malajr filwaqt li jinħelsu riżorsi biex tissokta l-ġlieda kontra każijiet ta' kartelli oħrajn u biex jinfetħu investigazzjonijiet ġodda.

Enfasi fuq il-benefiċċji li l-politika tal-kompetizzjoni tipprovdi lill-konsumaturi

Għall-ewwel darba, ir-Rapport Annwali għall-2008 jinkludi kapitolu speċjali dwar suġġett li jitqies ta' importanza partikolari fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni. Is-suġġett li ntgħażel huwa "Il-kartelli u l-konsumaturi". Fl-2008, il-Kummissjoni mmultat 34 impriża f'seba' deċiżjonijiet dwar kartelli. F'każijiet bħall-Kartell tal-Banana, il-konsumaturi ntlaqtu direttament minn prezzijiet ogħla sakemm il-Kummissjoni rnexxielha tkisser dan il-kartell li kien qed jiftiehem dwar il-prezzijiet (ara IP/08/1509 ). Skont stima tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-dannu kkawżat mill-kartelli mmultati mill-Kummissjoni bejn l-2005 u l-2007 jammonta għal mill-anqas EUR 7.6 biljuni.

Il-kontroll ta' ditti dominanti

Fil-ġlieda kontra l-abbużi minn pożizzjonijiet dominanti fis-suq, fl-2008 l-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet importanti fis-setturi tal-enerġija u tal-IT. Bħala segwitu tal-inkjesta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-settur tal-enerġija u wara investigazzjonijiet kostanti mill-Kummissjoni, il-kumpanija Ġermaniża tal-enerġija E.ON volontarjament offriet li tippriva ruħha minn partijiet sinifikanti min-negozji tagħha biex tindirizza d-dubji li tqajmu matul l-investigazzjoni (ara IP/08/1774 ). Dan se jippermetti lil kompetituri oħrajn biex jidħlu fis-suq tal-enerġija Ġermaniż u b'hekk il-konsumaturi fil-Ġermanja jingħataw aktar għażla. Il-ġestjoni separata tal-infrastruttura ta' trażmissjoni se ssaħħaħ ukoll l-iffunzjonar tas-suq Ewropew tal-enerġija billi tipprovdi aċċess ugwali lill-atturi kollha. Fl-2008 ukoll, il-Kummissjoni imponiet ħlas ieħor ta' penali, li jammonta għal EUR 899 miljun, fuq Microsoft għan-nuqqas ta' konformità tagħha ma' deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2004 li kienet tobbligaha taqsam informazzjoni essenzjali dwar l-interoperabbiltà mar-rivali tagħha fuq termini raġonevoli (ara IP/08/318 u MEMO/08/125 ).

L-għoti ta' riżultati tajbin liċ-ċittadini

Kif turi l-esperjenza tal-2008, il-politika tal-kompetizzjoni la hi statika u lanqas riġida iżda hija kapaċi tikkunsidra realtajiet ekonomiċi dejjem jinbidlu, filwaqt li tiżgura ambjent ekwu fis-Suq Uniku. Din it-taħlita bejn prinċipji sodi u proċessi flessibbli wasslet biex il-politika tal-kompetizzjoni tkun fattur kostruttiv u ta' stabbiltà fis-sistema finanzjarja tal-UE u fl-ekonomija reali b'mod aktar ġenerali. B'mod partikolari, minn meta faqqgħet il-kriżi f'Ottubru tal-2008 sa tmiem is-sena, il-Kummissjoni adottat madwar 40 deċiżjoni dwar appoġġ lill-banek u lill-ekonomija reali u ħarġet tliet dokumenti ta' gwida dwar kif l-Istati Membri jistgħu jużaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jgħinu lis-settur finanzjarju u lill-ekonomija matul il-kriżi.

Ir-Rapport Annwali tal-2008 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni jinsab:

http://ec.europa.eu/competition/publications/annual_report/index.html


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website