Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ekonomija diġitali tista' toħroġ lill-Ewropa mill-kriżi, skont rapport tal-Kummissjoni

European Commission - IP/09/1221   04/08/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1221

Brussell, l-4 ta’ Awwissu 2009

L-ekonomija diġitali tista' toħroġ lill-Ewropa mill-kriżi, skont rapport tal-Kummissjoni

Ir-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kompetittività, li ġie ppubblikat illum, juri li s-settur diġitali fl-Ewropa mexa 'l quddiem bis-sod mill-2005 'l hawn. Aktar minn nofs l-Ewropej (56 %) illum jużaw l-Internet, 80 % minnhom permezz ta' konnessjoni veloċi (imqabbla ma' terz biss fl-2004), b'tali mod li l-Ewropa tinsab fuq quddiem nett fid-dinja fl-użu ta' konnessjonijiet broadband tal-internet. L-Ewropa hija l-ewwel kontinent tabilħaqq mobbli, b'aktar abbonati tal-mowbajl milli għandha ċittadini (rata ta' adozzjoni ta' 119 %). L-Ewropa tista' saħansitra tavvanza aktar, hekk kif ġenerazzjoni żagħżugħa ta' Ewropej "midħla ta' dak kollu li huwa diġitali" ssir fattur qawwi li jimbotta s-suq fid-direzzjoni tat-tkabbir u l-innovazzjoni. Biex l-Ewropa tirkupra mill-kriżi ekonomika b'mod sostenibbli, huwa essenzjali li tibni fuq il-potenzjal tal-ekonomija diġitali. Illum il-Kummissjoni talbet lill-pubbliku biex jagħti fehmtu dwar l-istrateġija li l-UE għandha tadotta ħalli l-ekonomija diġitali tħaddimha bil-qawwa kollha.

" L-ekonomija diġitali tal-Ewropa għandha potenzjal tremend biex tiġġenera dħul enormi fis-setturi kollha, imma biex dan il-vantaġġ jissarraf fi tkabbir sostenibbli u impjiegi ġodda, il-gvernijiet jeħtiġilhom jipprovdu tmexxija siewja, billi jadottaw politiki koordinati li jxejnu l-ostakli eżistenti għal servizzi ġodda ," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja. "Jeħtiġilna naħtfu din l-opportunità ta' ġenerazzjoni ġdida ta' Ewropej li dalwaqt se jkunu qed jiddetereminaw huma x'jiġri fis-suq Ewropew. Dawn iż-żgħażagħ l-internet jużawh intensivament, u huma wkoll konsumaturi esiġenti. Biex nilliberaw il-potenzjal ekonomiku ta' dawn in-nies "diġitali mit-twelid", l-aċċess għall-kontenut diġitali jeħtiġilna nagħmluh faċli u ġust."

Ir-rapport ippubblikat illum jagħti stampa tar-riżultati ta' ħames snin ta' politiki tal-UE, taħt il-Kummissjoni Barroso, ta' promozzjoni tal-aħħar teknoloġiji tal-komunikazzjoni, netwerks u servizzi ġodda u kontenut kreattiv tal-midja. Sal-2008, 56 % tal-Ewropej kienu saru utenti regolari tal-internet, qabża ta' madwar terz mill-2004. Nofs ir-residenzi u aktar minn 80 % tal-azjendi llum għandhom konnessjoni broadband. Ħierġa fix-xena ġenerazzjoni ġdida ta' Ewropej, nies għal kollox midħla tal-web u lesti biex japplikaw l-innovazzjonijiet tal-internet. Dawn l-individwi "diġitali mit-twelid" għandhom potenzjal kbir għat-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa.

L-aktar utenti attivi tal-internet huma dawk ta' bejn is-16 u l-24: 73 % minnhom regolarment jużaw servizzi avvanzati biex joħolqu l-kontenut diġitali u jaqsmuh bejniethom, id-doppju tal-medja tal-popolazzjoni tal-UE (35 %) (ara l-anness). Sitta u sittin fil-mija tal-Ewropej taħt l-età ta' 24 sena l-internet jużawh kuljum, imqabbla ma' medja ta' 43 % għall-UE kollha. Barra minn hekk, għandhom ħiliet aktar avvanzati tal-internet mill-bqija tal-popolazzjoni, skont studju tal-Kummissjoni dwar il-litteriżmu diġitali, li wkoll ġie ppublikat illum.

Minkejja li "l-ġenerazzjoni diġitali" apparentement ma għandhiex ħerqa tħallas biex tniżżel il-kontenut diġitali jew tara l-vidjows u tisma' l-mużika onlajn (33 % jgħidu li ma jridu jħallsu xejn, id-doppju tal-medja tal-UE), fir-realtà l-proporzjon tagħhom li ħallsu għal dawn is-servizzi hija d-doppju ta' dik fil-bqija tal-popolazzjoni (10 % tal-utenti żgħażagħ, imqabbla ma' medja ta' 5 % għall-UE). Huma wkoll aktar lesti jħallsu għal offerti ta' servizz u kwalità aħjar.

L-użu tal-internet sejjer jisplodi hekk kif "id-diġitali mit-twelid" tal-Ewropa jibdew ħajjiethom tax-xogħol u jkomplu dejjem aktar jiddeterminaw u jiddominaw ix-xejriet tas-suq. Hekk kif mudelli tradizzjonali tal-kummerċ qed jogħtru, l-azjendi se jkollhom joffru servizzi attraenti lill-ġenerazzjoni li ġejja tal-utenti, filwaqt li l-leġiżlaturi għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet adatti biex jiffaċilitaw l-aċċess għal kontenut diġitali ġdid, filwaqt li jiżguraw li min ħolqu jitħallas.

L-Ewropa jeħtiġilha wkoll taġixxi aktar biex tikkompeti globalment. Minkejja l-progress li sar, terz taċ-ċittadini tal-UE l-internet qatt ma użawh. Huma biss 7 % tal-konsumaturi li qatt xtraw xi ħaġa onlajn minn Stat Membru ieħor. L-Ewropa għadha wara l-Istati Uniti u l-Ġappun fl-investimenti tar-riċerka u l-iżvilupp fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), fil-komunikazzjoni veloċi b'konnessjonijiet broadband, u fl-iżvilupp ta' swieq innovattivi bħalma huwa r-reklamar onlajn.

Jeħtieġ li t-tfassil proattiv tal-politika madwar l-UE jiżgura li kulħadd ikollu konnessjoni veloċi tal-internet, u li jkun hemm suq uniku onlajn li fih in-nies ikunu jistgħu faċilment jużaw servizzi transkonfinali onlajn.

Fil-konsultazzjoni pubblika varata llum mill-Kummissjoni, li se ddum miftuħa sad-9 ta' Ottubru 2009, jitqajmu sfidi li għandha quddiemha l-Ewropa Diġitali. Din il-konsultazzjoni hija l-ewwel pass lejn strateġija ġdida tal-ICT li l-Kummissjoni biħsiebha tippreżentaha fl-2010 bħala parti mill-mewġa li jmiss tal-Aġenda ta' Liżbona.

Sfond:

L-istrateġija "i2010" tal-UE, li l-Kummissjoni adottatha f'Lulju 2005 ( IP/05/643 ) biex tagħti spinta lill-progress tal-Ewropa fl-ICT u tisfrutta l-benefiċċji tas-soċjetà tal-informazzjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa, tasal fi tmiemha din is-sena. Approvata mill-Istati Membri kollha tal-UE u mill-Parlament Ewropew, l-istrateġija kellha l-għan li ssaħħaħ is-suq uniku għall-azjendi u l-konsumaturi, kif ukoll li tistimola r-riċerka u l-innovazzjoni fl-ICT. Din il-politika ta' stimolu tal-kompetizzjoni u li l-konsumaturi jingħataw aktar qawwa tat frott konkret u ndukrat bosta politiki innovattivi madwar l-UE.

F'diskors fid-9 ta' Lulju ( SPEECH/09/336) , il-Kummissarju Reding sejħet għal strateġija ġdida lejn "Ewropa Diġitali" bħala approċċ ta' politika favur suq uniku tal-kontenut onlajn li l-konsumaturi jkunu jistgħu jużawh faċilment u li fih l-ICT tkun qed iġġib 'il quddiem l-innovazzjoni, konnettività sħiħa u ekonomija aktar ambjentali.

Ir-rapport dwar il-Kompetittività Diġitali, skedi ta' tagħrif bir-riżultati miksuba minn kull Stat Membru u l-konsultazzjoni pubblika jinsabu fis-sit:

http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/itemlongdetail.cfm?item_id=5146

L-Istudju "Public policies and stakeholders initiatives in support of Digital Literacy" (Politiki pubbliċi u inizjattivi tal-partijiet interessati b'appoġġ għal-Litteriżmu Diġitali):

http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/benchmarking/index_en.htm

Ir-Riżultati ta' ħames snin tal-politika dwar l-ICT taħt il-Kummissjoni Barroso:

http://ec.europa.eu/i2010

Nine questions on the future of the Information Society identified for the public consultation:

  • How can ICTs be unleashed to drive economic recovery and contribute to the Lisbon growth and jobs agenda?

  • How can ICTs assist the transition to a more sustainable low carbon economy?

  • How best to create a 100% connected economy that offers open and high speed internet for all?

  • How can Europe raise its performance in crucial ICT research and innovation?

  • How to reinforce the digital single market in order to bring growth, innovation and new services?

  • How can online services and tools, such as web 2.0, better promote user creativity, content production and services provision?

  • How can the web aid modernisation of public services so that they are easily accessible to all EU citizens?

  • How can ICTs improve the quality of life of EU citizens by unlocking the storehouses of cultural heritage by bringing them on-line and by putting ICT at the centre of citizens' life?

  • How can the EU increase its weight in the international arena of the worldwide web and the global information society?

The public consultation is open until 09 October 2009.

More information:

http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/index_en.htm

Annex

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Source: Eurostat Community Survey on ICT Usage by Households and by Individuals

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Source: Eurostat Community Survey on ICT Usage by Households and by Individuals

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Source: Eurostat Community Survey on ICT Usage by Households and by Individuals

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Source: Commission services

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Source: Gartner

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Source: Annual reports of a sample of the EU top ICT companies in R&D spending representing 90% of total

R&D spending recorded by the 2008 Scoreboard

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Source: IDATE




Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website