Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/ 09/1214

Brussell, il-31 ta’ Lulju 2009

Ir-riforma tal-PAK: L-aħħar stadju tar-riforma tal-inbid tal-UE jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu

L-aħħar stadju tar-riforma tal-inbid tal-Unjoni Ewropea, maqbula mill-ministri tal-agrikoltura f'Diċembru 2007 1 ,tidħol fis-seħħfl-1 ta' Awwissu 2009. Ir-riforma b'firxa wiesgħa, li l-ewwel stadju tagħha beda japplika fl-1 ta' Awwissu tas-sena l-oħra, għandha ġġib bilanċ fis-suq tal-inbid, tneħħi gradwalment il-miżuri ta’ intervent fis-suq li huma ta’ ħela u għoljin, u tippermetti li l-baġit jintuża għal miżuri iktar pożittivi u proattivi li jagħtu spinta lill-kompetittività tal-inbejjed Ewropej. Ir-riforma tipprovdi għar-ristrutturar mgħaġġel tas-settur tal-inbid billi tinkludi skema volontarja ta’ tliet snin għall-qlugħ tad-dwieli biex tipprovdi alternattiva għall-produtturi mhux kompetittivi u biex jitneħħa mis-suq l-inbid żejjed u li mhuwiex kompetittiv. Se jitneħħew bil-mod il-mod is-sussidji għad-distillazzjoni fil-każijiet ta’ kriżi u għad-distillazzjoni tal-alkoħol għax-xorb, u l-flus allokati għall-pakketti nazzjonali jistgħu jintużaw għal miżuri oħra bħall-promozzjoni tal-inbid fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, ir-ristrutturar u l-investiment fil-modernizzazzjoni tal-vinji u l-kantini. Ir-riforma se tikkontribwixxi għall-ħarsien ambjentali fir-reġjuni li jipproduċu l-inbid, tipproteġi l-politiki tradizzjonali u ta’ kwalità li huma stabbiliti sew u tissimplifika r-regoli tal-ittikkettar, kemm għall-benefiċċju tal-produtturi kif ukoll tal-konsumaturi. Mill-1 ta' Jannar 2016 'il quddiem, is-sistema restrittiva tad-drittijiet tat-taħwil ukoll se titneħħa f'livell ta' UE iżda tibqa' l-possibbiltà li l-Istati Membri jżommuha sa Diċembru 2018 jekk iridu.

Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali , qalet: "L-Istati Membri u l-produtturi għandhom opportunità tad-deheb biex japprofittaw mir-reġim il-ġdid tal-inbid u b'hekk itejbu r-reputazzjoni internazzjonali tal-Ewropa għal waħda eċċellenti. Nemmen verament li dan se jimmarka bidu ġdid fl-istorja tas-settur tal-inbid. Iżda jkolli ninsisti mal-Istati Membri biex inħeġġiġhom jużaw bla dewmien il-fondi l-ġodda disponibbli. Il-flus mil-pakketti nazzjonali iridu jintużaw sal-15 ta' Ottubru, jew inkella jintilfu."

It-tieni fażi tar-riforma tinkludi tliet settijiet ta' regoli li jikkonċernaw

  • id-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini (DPO) u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP), termini tradizzjonali, tikkettar u l-preżentazzjoni tal-inbid

  • il-prattiki tal-produzzjoni tal-inbid u

  • ir-reġistru tal-vinji, dikjarazzjonijiet obbligatorji u l-ġbir ta' informazzjoni biex jiġi sorveljat is-suq tal-inbid, id-dokumenti li jakkumpanjnaw il-kunsinni tal-prodotti tal-inbid u r-reġistri li għandhom jinżammu tas-settur tal-inbid;

Ir- regoli l-ġodda dwar l-ittikkettar u l-preżentazzjoni se jtejbu l-komunikazzjoni mal-konsumatur. Ir-Regolament jistabilixxi r-regoli għall-protezzjoni tad-DPO/IĠP u t-termini tradizzjonali. Jinkludi wkoll il-proċeduri għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal-protezzjoni, l-oġġezzjoni u l-annullament u l-modifka tagħhom. Il-leġiżlazzjoni tiżgura li l-politiki ta' kwalità nazzjonali li huma stabbiliti sew jiġu mħarsa. Barra minn hekk, ċerti termini tradizzjonali u għamliet tal-fliexken jistgħu jibqgħu jiġu protetti. L-indikazzjoni tal-vendemmja u tal-varjetajiet tal-għeneb issa hija possibbli mingħajr id-DPO/IĠP.

Ir-Regolament adottat dwar i - prattiki tal-produzzjoni tal-inbid jiżgura ż-żamma tal-aqwa tradizzjonijiet fil-produzzjoni tal-inbid Komunitarju filwaqt li jħalli lok għall-innovazzjoni.

Il-proċedura biex jiġu adottati prattiki enologiċi ġodda u biex isir bdil fit-tekniki eżistenti saret iktar flessibbli. Il-Kummissjoni issa ħadet ir-responsabbiltà mill-Kunsill biex tevalwa l-lista tal-prattiki enoloġiċi approvati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dwieli u tal-Inbejjed (OIV), ħlief għal dawk dwar l-arrikkiment u l-aċidifikazzjoni u se żżid dawn il-prattiki mal-lista tat-tekniki approvati mill-UE fejn meħtieġ.

L-ewwel fażi tar-riforma tal-inbid diġà ġiet implimentata. Din tikkonċerna l-programmi ta' appoġġ nazzjonali li jużaw il-pakketti finanzjarji nazzjonali, kummerċ ma' pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni li jinkludi l-iskema ta' qlugħ tad-dwieli u kontrolli fis-settur tal-inbid.

Fondi previsti fil-pakketti finanzjari għall-2009 u li ma jintużawx sal-15 ta' Ottubru jintilfu. Sa issa, ftit iktar minn 30% tal fondi disponibbli għal din is-sena biss intużaw. Il-fondi Ewropej huma allokati għal kull pajjiż produttur tal-UE, biex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati l-miżuri marbutin mal-ħtiġijiet lokali. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu mill-miżuri li ġejjin:

  • skema ta' ħlas ta' darba (ħlasijiet diretti lill-produtturi), promozzjoni fi swieq ta' pajjiżi terzi, ħsad ekoloġiku, fondi mutwi, assikurazzjoni tal-ħsad u investimenti; strutturar mill-ġdid tal-konverżjoni tal-vinji, distillazzjoni ta’ prodotti sekondarji, distillazzjoni ta' alkoħol għax-xorb, distillazzjoni fil-każ ta' kriżi u għajnuna għall-użu ta' most konċentrat tal-għeneb. Jista' jingħata appoġġ għad-distillazzjoni tal-alkoħol għax-xorb, id-distillazzjoni fil-każ ta' kriżi u għall-użu tal-most tal-konċentrat tal-għeneb mill-pakketti nazzjonali sa mhux iktar tard mill-31 ta' Lulju 2012.

Il- baġit disponibbli għall-miżuri ta' appoġġ jiżdied minn sena għal oħra, jibda minn EUR 794 miljun fl-2009 u jilħaq il-EUR 1 231 biljun fl-2013.

Skema volontarja ta' qlugħ tad-dwieli hija mifruxa fuq żmien ta' tliet snin u tinkludi total ta' erja indikattiva ta' 175 000 ettaru. L-allokazzjonijiet finanazjarji għal-miżura tal-qlugħ tad-dwieli għall-2009 sal-2011 huma ta' EUR 464 miljun 334 miljun u 276 miljun, rispettivament. Minħabba sottoskrizzjoni eċċessiva, din is-sena ingħatat prijorità qabel kollox lil dawk il-produtturi li qalgħu d-dwieli kollha mill-vinja tagħhom u lil dawk li għandhom iktar minn 55 sena.

http://ec.europa.eu/agriculture/capreform/wine/index_en.htm

1 :

ippubblikata fir-Regolament (KE) Nru. 479/2008 (ĠU L 148, 6.06.2008, p. 1)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website