Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1192

Brussell, is-27 ta’ Lulju 2009

L-UE tiftaħ spettru ġdid għal servizzi mobbli ġodda u b' veloċità ikbar

Illum l-Ewropa mxiet pass importanti ’l quddiem lejn ġenerazzjoni ġdida tas-servizzi mobbli. Il-Kunsill tal-Ministri segwa l-Parlament Ewropew fl-approvazzjoni ta’ proposta mill-Kummissjoni Ewropea għall-aġġornament tal-leġiżlazzjoni Ewropea – l-hekk imsejħa Direttiva GSM – dwar l-użu tal-ispettru ta' frekwenzi tar-radju meħtieġ għas-servizzi mobbli. Id-Direttiva GSM tal-1987 tirriżerva l-użu ta’ parti mill-medda tal-ispettru ta' 900 MHz għall-GSM (Sistema Globali għal Mowbajl jew dik inizjalment imsejħa Groupe Spécial Mobile) biex ikollha aċċess għal teknoloġiji bħal telefowns mobbli. Id-Direttiva aġġornata issa tippermetti l-użu tal-medda ta' frekwenzi ta' 900 MHz biex tipprovdi servizzi pan-Ewropej u b’aktar veloċità, bħall-internet mobbli filwaqt li tiżgura l-kontinwazzjoni tas-servizzi GSM. Din il-flessibbiltà ġdida se tixpruna kompetizzjoni iktar qawwija fis-suq Ewropew tat-telekomunikazzjoni u tikkontribwixxi għal firxa usa’ u b’aktar veloċità ta’ servizzi broadband bla użu ta’ wajers, wieħed mill-mezzi ta' appoġġ għall-irkupru ekonomiku. Huwa mistenni tfaddil fl-industrija sa ammont ta’ €1.6 biljun mir-riforma tad-Direttiva GSM. Id-Direttiva emendata hija mistennija li tidħol fis-seħħ f’Ottubru li ġej. Il-Kummissjoni pproponiet li r-riforma tad-Direttiva GSM ssir fl-istess żmien tar-riforma tar-Regoli tat-Telekomunikazzjoni tal-UE. Id-Direttiva GSM riformata hija l-ewwel waħda minn bosta Direttivi importanti fis-settur tat-telekomunikazzjoni li qed jiġu nnegozjati, fejn il-ftehim tal-Parlament u l-Kunsill issa qed jifrex it-triq għal ekonomija bla użu ta' wajers aktar f’saħħitha.

" L-istandard tal-GSM kellu storja ta’ suċċess għall-Ewropa, fejn twieled. Bl-aġġornament tad-Direttiva GSM, l-UE firxet it-triq għal ġenerazzjoni ġdida ta’ servizzi u teknoloġiji fejn l-Ewropa tista’ tkun minn ta' quddiem fis-suq dinji," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju għat-Telekomunikazzjoni tal-UE. "Nixtieq nirringrazzja lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Ministri li għamlu dan possibbli billi laħqu ftehim malajr dwar ir-riforma ta’ din il-parti ferm importanti ta’ leġiżlazzjoni dwar it-telekomunikazzjoni. Din ir-riforma se tneħħi kull xkiel fuq l-operaturi sabiex ikunu jistgħu jibdew jużaw teknoloġiji ġodda fil-medda ta' frekwenzi tal-GSM biex jiżviluppaw servizzi mobbli ta' broadband u ta’ veloċità kbira. Dan għandu jagħti l-appoġġ tant mistenni lill-ekonomija Ewropea tas-servizzi bla użu ta' wajers u jixpruna l-bidu tal-Ewropa Diġitali."

F’Novembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li l-frekwenzi allokati lit-telefown mobbli jinqasmu ma’ teknoloġiji oħrajn aktar avvanzati, bħat-teknoloġija mobbli tal-broadband 3G (Universal Mobile Telecommunications System, UMTS) bħala l-ewwel esperjenza. Il-proposta kienet approvata mill-Parlament Ewropew f’Mejju b’578 vot ( MEMO/09/219 ). Permezz tal-iffirmar finali tal-lum mis-27 Ministru għat-telekomunikazzjoni tal-UE, id-Direttiva riformata issa tista’ tidħol fis-seħħ. Ir-regoli l-ġodda jippermettu wkoll adattament iktar faċli tal-allokazzjoni tal-ispettru fil-medda ta' frekwenzi ta' 900 MHz sabiex ikunu jistgħu jintużaw teknoloġiji dejjem iżjed ġodda tar-raba’ ġenerazzjoni tal-frekwenza u ta’ veloċità kbira.

Il-mowbaljs eżistenti tal-konsumaturi jistgħu jibqgħu jintużaw mingħajr problemi, iżda jistgħu wkoll jużaw teknoloġiji ġodda biex ikollhom aċċess għal servizzi ta' broadband u ta' veloċità kbira. Id-Direttiva riformata se jkollha wkoll effett ekonomiku pożittiv fuq is-settur u se tippromwovi l-bidu tal-użu tas-servizzi ġodda bla użu ta’ wajers, grazzi għal tnaqqis fil-kosti tan-netwerks li ġejjin mill-użu ta’ meded ta' frekwenzi iżjed baxxi. Dan se jwassal għal iffrankar mill-industrija tat-telekomunikazzjoni li jammonta sa € 1.6 biljun fin-nefqa kapitali għall-forniment ta’ netwerk uniku mal-Ewropa kollha.

Kuntest

Id-Direttiva GSM tal-1987 allokat ċerti frekwenzi tar-radju (fil-medda ta' frekwenzi ta' 900 MHz) lis-servizzi tal-GSM . Madanakollu, id-Direttiva kellha bżonn tiġi aġġornata biex tippermetti li teknoloġiji bla użu ta’ wajers iktar avvanzati tal-ġenerazzjoni li jmiss jużaw ukoll din il-medda tal-ispettru ta' frekwenzi tar-radju.

F’Novembru 2008, il-Kummissjoni rreaġixxiet għall-pass iktar mgħaġġel tal-bidla teknoloġika billi pproponiet li d-Direttiva tiġi mmodifikata sabiex tippermetti li teknoloġiji ġodda jeżistu flimkien mal-GSM fil-frekwenzi ta' 900 MHz. Il-medda ta' frekwenzi ta' 900 MHz se tinfetaħ għal sistemi oħrajn hekk kif tkun stabbilita l-possibbiltà teknika tal-koeżistenza mal-GSM. Dan ser jibda bis-sistema tal-UMTS li diġà ġie muri li hija kompatibbli.

Fid-diskors tagħha "Ewropa Diġitali – Lejn Irkupru Ekonomiku Malajr tal-Ewropa" tad-9 ta’ Lulju ( SPEECH/09/336 ), Reding, il-Kummissarju għat-Telekomunikazzjoni tal-UE ppreżentat "Aġenda Diġitali għall-Ewropa" li kienet tinkludi, bħala waħda mill-ewwel punti li għandha tittieħed azzjoni dwarhom, ftehim malajr fuq ir-riforma tad-Direttiva GSM.

Il-passi li jmiss

Id-Direttiva aġġornata se tiġi ffirmata mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Ministri f’Settembru, u mbagħad tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-UE. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni se tadotta Deċiżjoni, li se tidħol fis-seħħ fl-istess jum tad-Direttiva aġġornata, li se tistipula l-miżuri tekniċi li jippermettu l-koeżistenza tal-GSM (telefown mobbli 2G) u s-sistemi UMTS (telefowns 3G li jżidu internet mobbli u ta’ veloċità kbira mas-servizzi regolari tat-telefown) fuq il-frekwenzi GSM, b’konformità mad-Direttiva. Din id-Deċiżjoni se tkun ibbażata fuq id-Deċiżjoni tar- Radio Spectrum tal-UE, li tistipula mekkaniżmu għall-adozzjoni ta’ regoli tekniċi għal armonizzazzjoni abbażi ta’ suġġerimenti mogħtija mill-esperti nazzjonali fil-qasam tal-frekwenzi tar-radju. Din tipprevedi l-possibbiltà ta’ emendi biex tinkludi parametri tekniċi tal-użu għal sistemi oħrajn li mhumiex GSM li l-kumpatibbiltà tagħhom tista’ tiġi stabbilita fil-ġejjieni. L-amministrazzjonijiet nazzjonali, imbagħad se jkollhom sitt xhur biex jittrasponu d-Direttiva u biex jimplimentaw id-Deċiżjoni sabiex il-medda ta' frekwenzi tal-ispettru tal-GSM isiru effettivament disponibbli għat-3G.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website