Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/09/ 1180

Brussell, it-23 ta’ Lulju 2009

L-għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tippreżenta linji-gwida dwar l-għajnuna għar-ristrutturar lill-banek

Il-Kummissjoni Ewropea laħqet qbil dwar Komunikazzjoni li tispjega l-metodoloġija tagħha dwar kif għandha tiġi eżaminata l-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija mill-Istati Membri lill-banek. Il-metodoloġija hi bbażata fuq tliet prinċipji fundamentali: i) il-banek li jirċievu l-għajnuna għandhom għat-tul isiru vijabbli mingħajr aktar għajnuna mill-istat, ii) il-banek li jirċievu l-għajnuna, kif ukoll is-sidien tagħhom, għandhom iġorru sehem xieraq mill-ispejjeż tar-ristrutturar, kif ukoll iii) għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-Suq Wieħed. Il-linji-gwida, li huma fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2010 ifissru b’mod partikolari kif il-Kummissjoni beħsiebha tapplika dawn il-prinċipji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja sistematika preżenti, bil-ħsieb li tagħmel kontribut lejn il-vijabbiltà tas-settur bankarju Ewropew.

Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet: “Huwa minnu li l-kriżi finanzjarja għadha ma ntemmittx, iżda jeħtieġ li nibdew naħdmu b’mod serju mal-Istati Membri biex il-banek Ewropej jiġu ristrutturati. Hemm bżonn li l-banek nerġgħu nġibuhom f’qagħda li jkunu vijabbli mingħajr għajnuna mill-istat u biex nerġgħu insaħħu l-kompetizzjoni fis-Suq Uniku. Il-linji-gwida adottati llum se jkunu għodda utli għall-banek u għall-Istati Membri billi jfissru l-kriterji li l-Kummissjoni se tapplika għall-għajnuna għar-ristrutturar għall-banek fil-perjodu preżenti. Dan l-istrument jikkumplimenta d-direzzjoni li tajna qabel dwar il-garanziji mill-istat, ir-rikapitalizzazzjoni u t-trattament ta' assi fil-periklu".

Il-Kummissjoni qed ikollha tħabbat wiċċha ma' għadd kbir ta' każijiet individwali ta' ristrutturar ta' banek, li jiġu wara miżuri ta' għajnuna għas-salvataġġ tal-banek li jkunu ġew approvati bil-kundizzjoni li jiġi ppreżentat pjan ta' ristrutturar fi żmien sitt xhur. Sabiex jisseddqu t-trasparenza, il-previdibbiltà u l-ugwaljanza tat-trattament bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni ħarġet linji-gwida biex tikkjarifika l-approċċ tagħha, il-kriterji li fuqhom se tibbaża l-evalwazzjoni tagħha u t-tip ta’ informazzjoni meħtieġa biex din l-evalwazzjoni tiġi ggwidata. Dawn il-linji-gwida huma bbażati fuq l-Artikolu 87.3b) tat-Trattat tal-KE li jawtorizza l-għajnuna mill-istat fil-każ ta' tħarbit serju fl-ekonomija. Se jkunu temporanji u se jibqgħu japplikaw sa tmiem l-2010. Wara dik id-data għandhom jerġgħu jibdew japplikaw ir-regoli normali dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar, ibbażati fuq l-Artikolu 87.3c) tat-Trattat (għajnuna għall-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi jew oqsma fejn għajnuna bħal din ma tkun taffettwa ħażin il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa livell li ma jkunx fl-interess komuni).

L-istabbilità finanzjarja

Il-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-ristrutturar tal-banek tikkumplimenta l-gwida dwar l-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-istat għall-banek li l-Kummissjoni adottat mindu bdiet il-kriżi finanzjarja fejn jidħlu garanziji, rikapitalizzazzjoni u t-trattament ta' assi fil-periklu (ara, IP/08/1495 , IP/08/1901 u IP/09/322 rispettivament). Dawn il-linji-gwida ta’ qabel kienu spjegaw b’mod partikolari taħt liema kundizzjonijiet il-banek huma obbligati li jippreżentaw pjan ta’ ristrutturart. Il-Komunikazzjoni l-ġdida tfisser kif il-Kummissjoni se tuża r-regoli tal-kompetizzjoni biex issostni l-istabbiltà finanzjarja. Ir-ritorn tal-banek lejn il-vijabbiltà huwa l-aħjar garanzija għall-istabbiltà u għall-ħila sostnuta tagħhom li jsellfu lill-ekonomija.

L-ittestjar tal-istress

F’dan il-kuntest, il-Komunikazzjoni tisħaq li sabiex jitfasslu strateġiji għal futur sostenibbli, il-banek se jkollhom iwettqu testijiet tal-istress fuq in-negozju tagħhom. Dan jinħtieġ djanjożi ta' fejn il-bank hu b'saħħtu, u fejn hu dgħajjef, li tista' twassal biex il-mudell ta' negozju tal-bank jiġi rivedut, jiġu żvelati u ttrattati assi fil-periklu, attivitajiet li jwasslu għal telf jitwaqqfu jew anki tiġi kkunsidrata l-integrazzjoni ma’ kompetitur vijabbli, jew xoljiment b’mod ordnat.

Il-Komunikazzjoni tagħmilha ċara li banek li jirċievu l-għajnuna kif ukoll is-sidien tal-kapital tagħhom għandhom iġorru responsabbiltà xierqa, mir-riżorsi tagħhom, għall-imġieba tagħhom fil-passat, u jikkontribwixxu kemm jista’ jkun għar-ristrutturar tal-bank. Dan jinħtieġ b'mod partikolari li l-istat ikun remunerat kif xieraq għall-għajnuna li jkun ta. Meta dan ma jkunx possibbli immedjatament minħabba ċirkostanzi tas-suq, dan il-qsim tal-piżijiet ikun meħtieġ fi stadju aktar tard.

Fl-aħħarnett il-Komunikazzjoni tanalizza d-distorzjonijiet tal-kompetizzjoni li jiġu mill-għoti ta’ għajnuna mill-istat lill-banek u tippreżenta miżuri biex dawn jiġu mnaqqsa. Id-distorzjonijiet jistgħu jiġu jekk l-imġieba inadekwata jew risjkuża żżejjed tal-bank tiġi mtawwla u/jew jekk iżomm il-preżenza tiegħu fis-suq għad-dannu tal-kompetituri. Is-sostenn fuq skala kbira jista’ jkun jinħtieġ ċerti aġġustamenti li jkunu jinkludu miżuri ta’ ristrutturar, bħal ma huma divestimenti (li jistgħu jinfirxu fuq għadd ta’ snin fil-kriżi preżenti), jew mizuri li jbiddlu l-imġieba, bħal ma huma restrizzjonijiet fuq l-akkwisti jew fuq ipprezzar aggressiv u strateġiji ta' kummerċ li jkunu ffinanzjati bl-għajnuna mill-istat. Minħabba l-għadd ta’ każijiet simultanji ta’ ristrutturar, din l-analiżi se tagħti attenzjoni partikolari għall-istrutturi tas-suq nazzjonali, sabiex titħares l-integrità u l-kontestabbiltà tas-Suq Wieħed.

It-test sħiħ tal-Komunikazzjoni jinsab fis-sit:

http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/specific_rules.html

Għal aktar dettalji ara MEMO/09/350 .


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site