Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni lis-superkompjuters Ewropej tqabbadhom it–triq tas-sorsi sostenibbli tal-enerġija

Commission Européenne - IP/09/117   23/01/2009

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/117

Brussell, it-23 ta' Jannar 2009

Il-Kummissjoni lis-superkompjuters Ewropej tqabbadhom it–triq tas-sorsi sostenibbli tal-enerġija

Il-kooperazzjoni bejn ir-riċerkaturi dwar sors ġdid u potenzjalment enormi ta' enerġija sostenibbli u dwak dwar is-superkompjuters Ewropej tipprometti li tħaffef ħidma li tista' tforni l-bżonnijiet tal-enerġija tal-pjaneta. Illum il-Kummissjoni Ewroprea ħabbret li ser tagħti aċċess dedikat għan-netwerk tal-aktar superkompjuters nazzjonali potenti fl-Ewropa (DEISA) lil dawk ix-xjenzati madwar l-Ewropa kollha li qed jaħdmu fuq il-fużjoni nukleari, li tisfrutta l-enerġija minn reazzjonijiet bħal dawk li jsiru fix-xemx. Dan jippermettilhom jaħdmu fuq dawk il-partijiet komplessi ta' xogħolhom, bħal mhuma simulazzjonijiet tat-tħaddim ta' reattur tal-fużjoni. Sabiex l-ammonti enormi ta' dejta u l-qawwa tal-ipproċessar tas-superkompjuters tal-Ewropa jinqasmu ma' kulħadd , id-DEISA, is-servizz tal-komputazzjoni distribwita ta' prestazzjoni għolja fl-Ewropa, juża l-GÉANT tal-Ewropa (MEMO/08/133), l-akbar netwerk tal-kompjuters fid-dinja, u ser jirċievi €26 miljun mill-UE bejn l-2004-2011. Ix-xjenzati jagħmlu parti minn proġett globali attwali ta' riċerka, l-ITER (il-kelma latina għal ‘passaġġ’) li għandu l-għan li juri bil-provi l-potenzjal tal-enerġija mill-fużjoni bħala sors ta' enerġija nadif, żgur u li jservi fit-tul. Sorsi possibbli ta' fjuwil għall-fużjoni huma disponibbli fil-wisa' u gramma waħda ta' fjuwil tista' tagħti enrġija daqs 11-il tunnellata ta' faħam. Il-Kummissjoni qed tippromwovi l-aċċess għar-riċerkaturi għall-faċilitajiet Ewropej tas-superkomputazzjoni sabiex tikkontribwixxi fil-ħidma tal-ITER, l-esperiment fuq skala mondjali tal-enerġija mill-fużjoni li qiegħed jinbena fi Franza.

"Nistennew li s-sħubija l-ġdida bejn is-servizzi tas-superkomputazzjoni tad-DEISA u l-komunità Ewropea tal-fużjoni nukleari tikkontribwixxi bis-sħiħ lejn il-potenzjal tal-fużjoni nukleari bħala sors vijabbli ta' enerġija u tixpruna r-rwol tal-Ewropa f'din it-tfittxija. Dan juri kif il-ġmigħflimkien tal-aħjar xjenzati u tal-infrastruttura tagħha jgħin lill-komunità xjentifika Ewropea tibqa' fuq quddiem nett tar-riċerka mondjali", qalet Vivian Reding, il-Kummissarju tas-Soċjeta tal-Informatika u l-Medja. "Ir-relazzjoni antika ta' fiduċja bejn iċ-ċentri nazzjonali l-aktar magħrufa tas-superkomputazzjoni u l-Kummissjoni qiegħda issa tagħti riżultati fl-oqsma ewlenin tar-riċerka Ewropea. L-avvanz tal-istudju tal-enerġija mill-fużjoni jista' jressaqna lejn soluzzjoni potenzjali għall-bżonnijiet tal-enerġija tal-Ewropa."

"Xjenzati Ewropej li jaħdmu fuq il-fużjoni diġà gawdew sew u għal ħafna snin mis-servizzi Ewropej tas-superkomputazzjoni. Simulazzjonijiet essenzjali jistgħu issa jitwettqu bl-użu tal-qawwa sħiħa tas-superkompjuters moderni", qal Dr.Hermann Lederer, il-kap tal-appoġġ tal-applikazzjoni miċ-Ċentru Ġermaniż tas-Superkomputazzjoni RZG.

"Is-simulazzjonijiet fuq skala kbira tal-fużjoni nukleari u l-proprjetajiet tal-materjal bl-użu tal-aktar komputers moderni huma essenzjali għat-tħaddim u t-tfassil tal-esperimenti attwali u futuri marbuta mal-fużjoni," qal Prof.Frank Jenko mill-Istitut Max Planck għall-Fiżika tal-Plasma.

Ix-xjenzati qed jaħdmu sabiex isibu ċ-ċavetta għall-potenzjal enormi tal-enerġija mill-fużjoni nukleari biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-enerġija tal-pjaneta. L-ITER, il-proġett fuq skala mondjali biex juri bil-provi l-fattibbiltà xjentifika u teknika tal-enerġija mill-fużjoni, jinvolvi xjenzati minn 25 pajjiż Ewropew u minn madwar id-dinja kollha u qiegħed jinbena fi Franza (Cadarache, fin-Nofsinhar ta' Franza).

Illum il-Kummissjoni ħabbret li ser tagħti lil dawn ix-xjenzati aċċess għad-DEISA (Distributed European Infrastructure for Supercomputing Applications), il-konsorzju taċ-ċentri ewlenin tas-superkomputazzjoni, li ser jipprovdilhom servizzi essenzjali ta' superkomputazzjoni u appoġġ għal simulazzjonijiet marbuta mal-fużjoni. Is-simulazzjonijiet bis-superkompjuters għandhom rwol kruċjali fit-tfassil ta' impjanti tal-enerġija mill-fużjoni u jottimizzaw il-prestazzjoni tagħhom meta jitħaddmu.

Id-DEISA attwalment tħaddem 12 mill-mitt superkompjuter l-aktar b'saħħtu fid-dinja u lix-xjenzati ewlenin Ewropej tipprovdilhom ambjent ta' superkomputazzjoni potenti, unifikat u faċli biex jintuża.

Sfond:

Il-programm ta' riċerka tal-Kummissjoni Ewropea jiffinanzja sforzi biex jittejbu l-aħjar infrastrutturi Ewropej ta' riċerka, bil-għan li jgħin biex jinħoloq interess pan-Ewropew li jsostni l-ħolqien ta' infrastutturi innovattivi ta' riċerka u biex jgħin lill-industrija ssaħħaħ il-bażi tal-għarfien u l-kapaċità teknoloġika tagħha.

Aktar tagħrif dwar l-infrastrutturi ta' riċerka jinsab f'dan l-indirizz:

http://cordis.europa.eu/fp7/ict/e-infrastructure/home_en.html

Il-Kummissjoni Ewropea ffinanzjat il-proġett DEISA taħt programmi ta' riċerka mill-2002-2006 u mill-2007-2013 b'total ta' €26 miljun. Id-DEISA huwa konsorzju ta' ċentri nazzjonali ewlenin tas-Superkomputazzjoni fl-Ewropa bl-għan li jmexxi 'l quddiem ix-xjenzi tal-komputazzjoni fil-qasam tas-superkomputazzjoni. Il-konsorzju jħaddem infrastruttura kumplessa ta' komputazzjoni ta' prestazzjoni għolja madwar l-Ewropa kollha. Iktar minn 160 istitut ta' riċerka u università Ewropea (u oħrajn mill-Amerika ta' Fuq u t'Isfel, mill-Asja u mill-Awstralja) jużaw id-DEISA.

L-ITER huwa proġett konġunt u internazzjonali ta' riċerka li għandu l-għan li juri bil-provi l-fattibbiltà xjentifika u teknoloġika tal-enerġija mill-fużjoni. L-imsieħba fil-proġett huma l-Unjoni Ewropea (rappreżentata mill-EURATOM), il-Ġappun, iċ-Ċina, l-Indja, ir-Repubblika tal-Korea, ir-Russja u l-Istati Uniti. L-ITER ser jinbena fin-Nofsinhar ta' Franza (Cadarache). L-Ewropa hija s-sieħba prinċipali u tikkontribwixxi kważi nofs ir-risorsi totali, kemm dawk umani kif ukoll finanzjarji.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site