Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-kriżi fis-settur tal-ħalib: Il-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tistabbilizza s-suq tal-ħalib

European Commission - IP/09/1172   22/07/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1172

Brussell, it-22 ta’ Lulju 2009

Il-kriżi fis-settur tal-ħalib: Il-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tistabbilizza s-suq tal-ħalib

Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli tagħmel dak kollu li tista' biex tgħin lill-produtturi tal-ħalib u tistabbilizza s-suq tal-ħalib. Fir-rapport tagħha dwar il-qagħda attwali tas-suq tal-ħalib, li ppubblikat illum, il-Kummissjoni tispjega l-firxa ta' miżuri disponibbli biex tittaffa l-qagħda ferm diffiċli tas-suq. Il-Kummissjoni se tibqa' tuża strumenti bħal ma huma l-interventi, l-għajnuna għall-ħżin privat u r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Se tippermetti li jsiru ħlasijiet diretti lill-produtturi minn kmieni u għadha kemm nediet serje ta' programmi li jippromwovu l-prodotti tal-ħalib. Miżuri oħra possibbli jinkludu l-użu ta' imposti fuq il-produtturi li jaqbżu l-kwota tagħhom biex tiffinanzja l-irtirar volontarju mill-produzzjoni tal-ħalib, u li l-Qafas Temporanju ta' għajnuna mill-istat minħabba l-Kriżi jiġi estiż għall-produtturi tal-ħalib. L-Istati Membri għandhom ukoll il-possibbiltà li jerġgħu jqassmu għajnuna lis-settur tal-ħalib fl-ambitu tal-ftehim tal-"Kontroll tas-Saħħa" tas-sena li għaddiet, filwaqt li permezz tal-politika tal-Iżvilupp Rurali hemm għadd ta' possibbiltajiet kif il-produtturi jistgħu jingħataw għajnuna. Il-Kummissjoni qed tkompli tevalwa l-prattiki antikompetittivi li jistgħu jintużaw fil-katina tal-forniment alimentari, speċjalment fis-settur tal-ħalib. B'konsistenza mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, il-Kummissjoni mhix se tibdel deċiżjonijiet li diġa ttieħdu dwar is-sistema tal-kwoti.

"Għandha nagħmlu kull ma hu possibbli biex ngħinu lill-produtturi tagħna tal-ħalib, li qed ibatu minn tnaqqis kbir fil-prezzijiet," qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. " Se nkomplu nużaw il-miżuri kollha li għandna biex nistabbilizzaw is-suq. Madankollu, kif iddikjara ċar il-Kunsill Ewropew, maħniex se nibdlu l-politika tagħna ta' tneħħija gradwali tal-kwoti. Il-ħolqien ta' dubji dwar dan jista' jwassal biss għall-inċertezza u ma jgħin bl-ebda mod biex is-sitwazzjoni titjieb."

Miżuri possibbli

  • Fil-bidu ta' Jannar, il-Kummissjoni fetħet l-għajnuna għall-ħżin privat għall-butir, u sa issa, din is-sena ġew maħżuna 105,800 tunnellata. Il-perjodu għall-Għajnuna għall-Ħżin Privat se jiġi estiż sa tmiem Frar 2010.

  • Għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat, ix-xiri bl-intervent beda mill-1 ta' Marzu, u issa, il-Kummissjoni pproponiet li dan jiġi estiż sat-28 ta' Frar 2010, meta jibda staġun ġdid ta' xiri bl-intervent. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tingħata s-saħħa li terġa’ tagħmel l-istess ħaġa għas-sena 2010 jekk il-qagħda tas-suq tkun teħtieġ li jsir hekk. Sa issa, inxtraw 81,200 tunnellata butir u 203,000 tunnellata trab tal-ħalib xkumat.

  • Ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti tal-ħalib reġgħu ġew attivati f'Jannar. Ir-rifużjonijiet ingħataw f'ammonti prudenti, biex jippermettu lill-esportaturi tagħna jikkompetu bla ma jwaqqgħu il-prezzijiet dinjija. Il-Kummissjoni se tibqa' tagħti rifużjonijiet sakemm dawn jibgħu meħtieġa.

  • Dan l-aħħar, l-iskema tal-Ħalib għall-Iskejjel tal-UE ġiet imtejba u bħalissa qed isiru diskussjonijiet biex jagħmluha saħansitra aktar attraenti.

  • Il-Kummissjoni se tippermetti, b'eċċezzjoni, li l-Istati Membri jħallsu sa 70 % tal-ħlasijiet diretti lill-produtturi sa mis-16 ta' Ottubru minflok mill-1 ta' Diċembru.

  • L-Istati Membri jistgħu jagħtu wkoll għajnuniet de minimis mill-istat jew self b'kundizzjonijiet tas-suq biex jgħinu lill-produtturi tal-ħalib isolvu l-problemi ta' likwidità tagħhom.

  • Tista' titqies il-possibbiltà ta' modifika fil-Qafas Temporanju ta' għajnuna mill-istat minħabba l-Kriżi.

  • Dan jista' jippermetti li jsiru ħlasijiet ta' sa €15,000 lil kull produttur sa tmiem 2010, li minnhom titnaqqas l-għajnuna de minimis li l-produttur konċernat ikun irċieva.

  • Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kummissjoni pproponiet serje addizzjonali ta' programmi li jippromwovu l-prodotti tal-ħalib.

  • Il-Kontroll tas-Saħħa introduċa l-possibbiltà li fl-Istati Membri, ċertu ammont ta' ħlasijiet diretti jerġgħu jitqassmu bejn il-produtturi u s-setturi. Pereżempju, dawn jistgħu jistabbilixxu għajnuniet speċifiċi għal tipi vulnerabbli ta' biedja fis-settur tal-ħalib.

  • Il-politika tal-Iżvilupp Rurali għandha għadd ta' miżuri disponibbli biex tgħin fir-ristrutturazzjoni tas-settur tal-ħalib. Il-Kontroll tas-Saħħa identifika r-"ristrutturazzjoni tas-settur tal-ħalib" bħala waħda mill-isfidi l-ġodda li fuqha jistgħu jintefqu fondi addizzjonali allokati għall-fond tal-Iżvilupp Rurali.

  • L-alternattivi jinkludu l-irtirar kmieni, l-appoġġ għall-investiment, il-ħlasijiet lill-produtturi tal-ħalib f'Żoni Żvantaġġati, l-appoġġ għal metodi ta' produzzjoni tal-ħalib li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u l-għajnuna għal prattiki li jtejbu l-benessri tal-annimali.

  • Il-Kummissjoni qiegħda timplimenta l-Pjan ta' Direzzjoni propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Prezzijiet tal-Ikel fl-Ewropa, u qiegħda tikkonsidra li twaqqaf sistema ġdida għall-monitoraġġ tal-prezzijiet.

  • Il-Kummissjoni qed tevalwa wkoll il-prattiki antikompetittivi li jistgħu jintużaw fil-katina tal-forniment alimentari, speċjalment fis-settur tal-ħalib.

  • Jekk il-Kummissjoni ssib li l-kompetittività mhix tiffunzjona, mhix se tibqa' lura milli tuża l-poteri kollha li jtiha t-Trattat. L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetittività għandhom rwol daqstant ieħor importanti xi jwettqu.

  • Il-produtturi tal-ħalib għandhom jiġu mħajra jikkooperaw b'mod aktar effettiv permezz ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi biex jiksbu aktar setgħa fin-negozjar.

Is-sistema tal-kwoti

Il-Kunsill Ewropew sejjaħ għal "alternattivi possibbli li jgħinu biex jiġi stabbilizzat is-suq tal-ħalib, filwaqt li jitqies ir-riżultat tal-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK".

Jekk isir tibdil fis-sistema tal-kwoti, dan ifisser nuqqas ta' rispett għar-riżultat tal-Kontroll tas-Saħħa. Għalhekk, dan jelimina l-idea ta' proposti għal tnaqqis ta' kwoti jew għal iffriżar ta' kwoti li dwarhom diġà ntlaħaq qbil li jiżdiedu.

Fi kwalunkwe każ, il-produzzjoni diġà hija 4.2 % inqas mill-kwota.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Istati Membri jistgħu jimponu superimposta fuq dawk il-produtturi li jaqbżu l-kwota individwali tagħhom u li jużaw il-flus miġbura minn din it-taxxa biex jiffinanzjaw l-irtirar volontarju mill-produzzjoni tal-ħalib jew li jqassmuhom lil gruppi prijoritarji.

http://ec.europa.eu/agriculture/markets/milk/report2009/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website