Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/ 1771

Brussell, it-22 ta’ Lulju 2009

Il-Kummissjoni żżid l-azzjoni fil-qasam tal-marda ta' Alzheimer u kundizzjonijiet newrodeġenerattivi oħra

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposti konkreti biex tindirizza l-marda ta' Alzheimer, id-dimenzji u kundizzjonijiet newrodeġenerattivi oħra. Dawn l-isfidi soċjali u għas-saħħa fl-Ewropa jesiġu azzjonijiet koordinati sabiex jiġu żgurati prevenzjoni, dijanjożi, trattament u kura effiċjenti għal dawk milquta. Barra minn hekk, il-pajjiżi Ewropej huma mistiedna wkoll jiġbru flimkien ir-riżorsi tagħhom u jikkoordinaw aħjar l-isforzi tar-riċerka tagħhom fil-qasam tal-mard newrodeġenerattiv, u b'mod partikolari l-marda ta' Alzheimer, billi għall-ewwel darba jipprogrammaw l-investimenti tar-riċerka tagħhom b'mod konġunt, minflok kulħadd għal rasu. Attwalment fl-Ewropa hemm aktar minn 7 miljun ruħ bil-marda ta' Alzheimer u mard relatat u huwa previst li din iċ-ċifra se tirdoppja fl-għoxrin sena li ġejjin. Huwa essenzjali li f'dan il-qasam illum ikun hemm l-ippjanar, l-investiment u l-kooperazzjoni kemm sabiex jiġi kkontrollat il-kost soċjali ta' dan il-mard kif ukoll sabiex dawk il-miljuni li jsofru minn dan il-mard u l-familji tagħhom jingħataw tama, dinjità u ħajja ta' saħħa aħjar. L-azzjonijiet tal-lum huma s-simbolu ta' passi ġodda importanti kemm fil-'Kampanja l-Ewropa għall-Pazjenti' tal-Kummissjoni kif ukoll fl-approċċ il-ġdid ta' Programmazzjoni Konġunta fir-riċerka.

Il-Kummissarju tal-UE responsabbli għas-Saħħa, Androulla Vassiliou stqarret: "It-telf tal-kapaċità mentali minħabba d-dimenzja mhuwiex sempliċiment parti mill-proċess normali tax-xjuħija. Hekk kif il-popolazzjoni Ewropea tixjieħ, jeħtieġ li naħdmu lkoll flimkien sabiex nifhmu aħjar u nipprevjenu dawn il-kundizzjonijiet. Jeħtieġ li nuru s-solidarjetà tagħna man-nies bid-dimenzja billi naqsmu l-aqwa prattiki f'dak li għandu x'jaqsam mal-kura tagħhom u nirrispettaw id-drittijiet u d-dinjità tagħhom."

Il-Kummissarju tal-UE responsabbli għax-Xjenza u r-Riċerka Janez Potočnik stqarr: 'Irridu ngħinu sabiex ir-riċerka jkollha rwol akbar fit-trattament ta' dan it-tip ta' sfidi għas-soċjetà bħalma huma l-marda ta' Alzheimer u l-mard relatat. Il-Kummissjoni diġà għandha rekord tajjeb f'dak li għandu x'jaqsam mal-appoġġ għall-proġetti tar-riċerka Ewropej bl-aqwa xjentisti f'dan il-qasam. Iżda għandna naraw pass kbir 'il quddiem jekk l-Istati Membri issa jibdew jikkoordinaw il-programmi nazzjonali tagħhom skont aġenda komuni. Permezz tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Programmazzjoni Konġunta tar-riċerka li qegħdin nipproponu llum, qegħdin nistiednu lill-Istati Membri jimpenjaw rwieħhom b'approċċ prammatiku għall-ġbir flimkien tar-riżorsi u l-investimenti fir-riċerka sabiex il-marda ta' Alzheimer u mard newrodeġenerattiv ieħor jiġu indirizzati aħjar. Din hija opportunità għax-xjenza Ewropea u reazzjoni għal sfida għas-soċjetà moderna tagħna. "

Piż soċjali u ekonomiku dejjem akbar

Minħabba li t-tul tal-ħajja dejjem qiegħed jitwal u l-proporzjon tal-popolazzjonijiet li jaħdmu ma' dawk li rtiraw mix-xogħol dejjem qiegħed jonqos, il-piż soċjali u ekonomiku tal-mard newrodeġenerattiv qiegħed jikber. Fl-2005, l-ispejjeż totali diretti u informali tal-marda ta' Alzheimer u ta' dimenzji oħra kienu ta' madwar €130 biljun fl-UE27 (€21 000 għal kull pazjent); 56 % ta' dawn l-ispejjeż iġġarrbu għall-kura informali. It-tipi ta' dimenzja l-aktar komuni fl-Unjoni Ewropea huma l-marda ta' Alzheimer (madwar 70 % tal-każijiet), u d-dimenzja vaskulari (anqas minn 30 %).

Il-Kummissjoni tipproponi erba' oqsma prinċipali ta' azzjoni

L -għan ta' din l-inizjattiva Ewropea huwa li jiġu indirizzati l-problemi prinċipali kkawżati mill-marda ta' Alzheimer u d-dimenzji f'erba' oqsma ewlenin:

  • azzjoni bikrija fid-dijanjożi tad-dimenzja u fuq kollox fit-tnaqqis tar-riskju tad-dimenzja;

  • titjib f il-koordinazzjoni tar-riċerka bejn il-pajjiżi tal-UE;

  • qsim tal-aqwa prattiki u

  • il-provvediment ta' forum sabiex nirriflettu dwar id-drittijiet, l-awtonomija u d-dinjità tal-pazjenti.

L-ewwel inizjattiva ta' Programmazzjoni Konġunta sabiex tiġi kkoordinata r-riċerka dwar il-marda ta' Alzheimer u mard deġenerattiv ieħor

Il-marda ta' Alzheimer u mard ieħor relatat ġew identifikati mill-pajjiżi tal-UE bħala qasam fejn għandha ti ġi mnedija l-ewwel Programmazzjoni Konġunta tal-attivitajiet tar-riċerka. Il-Programmazzjoni Konġunta tindirizza l-pajjiżi tal-UE li jixtiequ jinvolvu lilhom infushom fl-iżvilupp ta' Aġenda ta' Riċerka Strateġika li tippermetilhom jipparteċipaw fuq bażi ta' ġeometrija varjabbli. 20 pajjiż fl-Ewropa diġà wrew ir-rieda tagħhom li jiġbru flimkien ir-riżorsi u jwettqu r-riċerka f'qasam fejn inizjattiva komuni toffri valur miżjud kbir meta mqabbla mal-isforzi attwali ta' riċerka frammentati fl-Ewropa.

Din l-inizjattiva pilota ta' Programmazzjoni Konġunta għandha twitti t-triq għal inizjattivi oħra ta' Programmazzjoni Konġunta fil-ġejjieni.

Sfond

Il-marda ta' Alzheimer u dimenzji oħra huma parti minn grupp ħafna usa' ta' mard deġenerattiv. Fil-livell Ewropew, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjonijiet fl-1996 u 1998 u l-istrateġija tal-Kummissjoni għas-saħħa tal-UE 2007 'Flimkien għas-Saħħa' tidentifika l-ħtieġa li nifhmu aħjar il-mard newrodeġenerattiv bħalma hija l-marda ta' Alzheimer fil-kuntest tat-tixjiħ. Fl-2008, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tipproduċi pjan ta' azzjoni sabiex jiġi indirizzat il-mard deġenerattiv u b'mod partikolari l-marda ta' Alzheimer. Il-Kummissjoni tiffinanzja proġetti ta' riċerka dwar il-marda ta' Alzheimer u l-mard ND permezz tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka.

Għal aktar tagħrif:

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta' Alzheimer u dimenzji oħra

http://ec.europa.eu/health/ph_information/dissemination/diseases/alzheimer_en.htm

L-istrateġija tal-UE għas-saħħa – Flimkien għas-Saħħa

http://ec.europa.eu/health/ph_overview/strategy/health_strategy_en.htm

Is-sit fuq l-internet L-Ewropa għall-pazjenti

http://ec.europa.eu/health-eu/europe_for_patients/index_mt.htm

Id-'Dementia Yearbook 2008':

http://ec.europa.eu/health/ph_information/reporting/docs/2008_dementiayearbook_en.pdf

Ġabra ta' proġetti ta' riċerka dwar il-moħħ iffinanzjati mill-UE:

ftp://ftp.cordis.europa.eu/pub/fp7/docs/brain-research-eu-funding_en.pdf

MEMO/09/ 346 Il-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar inizjattiva pilota ta' Programmazzjoni Konġunta għall-ġlieda kontra l-mard newrodeġenerattiv, b'mod partf’dan il-qasam illum ikun hemm l-ippjanar, l-investiment u l-kooperazzjoni ikolari l-marda ta' Alzheimer http://ec.europa.eu/research/press/2009/pdf/com_2009_0379_en.pdf

MEMO/09/ 347 Eżempji ta' proġetti dwar il-mard newrodeġenerattiv iffinanzjati mill-UE

MEMO/09/345 Questions and answers on Alzheimer's disease and other dementias


Side Bar