Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Is-Sistema Rapida ta’ Allarm għall-Ikel u l-Għalf aktar effiċjenti minn qatt qabel f'għeluq it-30 sena tagħha

Commission Européenne - IP/09/1155   16/07/2009

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1155

Brussell, 16 ta’ Lulju 2009

Is-Sistema Rapida ta’ Allarm għall-Ikel u l-Għalf aktar effiċjenti minn qatt qabel f'għeluq it-30 sena tagħha

Is-Sistema Rapida ta’ Allarm għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) – għodda importanti fl-isforzi tal-UE biex tkun żgurata s-sikurezza alimentari – din is-sena tagħlaq 30 sena. Iċ-ċifri jindikaw li issa hija aktar effiċjenti milli qatt kienet. Ir-rapport annwali tas-sistema għall-2008, li qed jiġi rilaxxat illum, jinnota li l-għadd ta' notifiki ta' allarm fl-2008 tnaqqsu bi kważi n-nofs meta mqabbla mal-2007. L-għadd totali ta' notifiki baqa' stabbli għal madwar 7 000. Dan ma jfissirx li kien hemm inqas problemi x'jiġu rrappurtati fl-2008. Dan pjuttost jindika li s-sistema tal-kontributuri issa tiffoka aħjar fuq ir-riskji u tikklassifikahom biss bħala "notifiki tal-allarm" meta huma kkunsidrati bħala "serji" u meta l-prodott ikun qed jiċċirkola fis-suq. Dan huwa wkoll meta azzjoni rapida hija meħtieġa mill-Istati Membri biex jitnaqqas ir-riskju. Fl-2008, kien hemm 528 allarm minn total ta' madwar 3 000 notifika.. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll madwar 4 000 notifika ta' segwitu li hija ttrasmettiet lill-Istati Membri kollha.

Il-Kummissarju għas-Saħħa tal-UE Androulla Vassiliou, waqt li llum kienet qed tagħmel diskors fil-konf erenza internazzjonali dwar l-RASFF bit-tema "Keeping An Eye on Your Food", qalet: "Is-Sistema Rapida ta’ Allarm għall-Ikel u l-Għalf hija għodda kruċjali għall-isforzi tagħna biex nassiguraw is-sikurezza alimentari fl-Ewropa. Din kibret matul il-perjodu ta' 30 sena fi strument ta' valur għoli użat mill-operaturi tagħha biex jaqsmu bejniethom informazzjoni, fi żmien reali, dwar l-azzjonijiet li jkunu ħadu biex jassiguraw is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf. Tabilħaqq, l-RASFF hija waħda mill-ħafna stejjer ta' suċċess tal-approċċ integrat tal-UE għas-sikurezza fl-ikel, li tuża sa effett massimu l-poter tal-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni.

Inċidenti importanti ta' sikurezza alimentari

Fl-2008, l-RASFF kienet mill-ġdid ittestjata permezz ta' wħud mill-aktar inċidenti sinifikanti ta' sikurezza alimentari f'dawn l-aħħar snin. Fost każijiet oħra, kien skopert żejt minerali f'żejt tal-ġirasol mill-Ukraina (39 pajjiż ikkonċernati, 99 notifika ta' segwitu), instab il-melamine f'ikel miċ-Ċina (inċident b'impatt globali, 84 notifika tal-RASFF u 101 notifika ta' segwitu) u dijossini ġew rintraċċati fil-laħam tal-majjal mill-Irlanda (54 pajjiż ikkonċernati u 230 notifika ta' segwitu).

F'kull wieħed minn dawn il-każijiet, l-RASFF għenet biex jiġu kkoordinati l-azzjonijiet tal-Istati Membri u għalhekk kienu minimizzati l-konsegwenzi tal-inċidenti ta' kontaminazzjoni. Il-każ tal-melamine kien eżempju eċċellenti tal-RASFF li tingħaqad ma' kwistjoni globali u taqsam informazzjoni man-Netwerk tal-Awtoritajiet Internazzjonali tas-Sikurezza tal-Ikel tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa INFOSAN.

Nagħmlu l-importazzjonijiet sikuri

Iktar minn erbgħa minn kull 10 notifiki fl-2008 kienu rigward prodotti rrifjutati fil-fruntiera tal-UE minħabba riskju għas-sikurezza alimentari. Meta tali prodott ikun identifikat, l-RASFF tinforma lill-pajjiż terz inkwistjoni, biex jipprevjeni r-ripetizzjoni tal-problema. Fl-2008, 2 342 nota ta' informazzjoni ġew trasmessi lill-pajjiżi terzi dwar prodotti perikolużi li oriġinaw fit-territorju tagħhom. Meta tinstab problema serja u persistenti, il-Kummissjoni tibgħat ittra lill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiż terz ikkonċernat, biex dan jimplimenta miżuri korrettivi bħat-tneħħija mil-lista tal-istabbilimenti, l-imblukkar tal-esportazzjonijiet jew iż-żieda tal-kontrolli.

Allarmi, Informazzjoni u Rifjut mal-Fruntiera

Ir-rapport annwali tal-RASFF jaqsam in-numru totali ta' notifiki fl-2008 f'notifiki ta' allarm (528), notifiki ta' informazzjoni (1 138) u notifiki ta' rifjut mal-fruntiera (1 377). Notifiki ta' allarm jintbagħtu meta l-ikel jew għalf li jippreżenta riskju serju jkun diġà fis-suq u tkun meħtieġa azzjoni immedjata. Il-maġġoranza (62 %) tan-notifiki ta' allarm fl-2008 marbuta ma' prodotti li joriġinaw fl-UE, u l-biċċa l-kbira ta' dawn il-problemi nstabu mill-kontrolli mwettqa fuq is-suq. Taħt din il-kategorija ta' notifiki, fost ir-riskji misjuba fl-ikel jew għalf li ġew l-iktar irrapportati kienu mikro-organiżmi patoġeniċi potenzjali, metalli tqal u mikotossini.

Notifiki ta' informazzjoni jintbagħtu meta jiġi identifikat riskju iżda azzjoni immedjata minn Stati Membri oħra ma tkunx neċessarja. Fl-2008, il-biċċa l-kbira tan-notifiki ta' informazzjoni (54 %) kienu jikkonċernaw prodotti li oriġinaw f'pajjiżi terzi. Taħt din il-kategorija ta' notifiki, fost ir-riskji li ġew l-iktar irrapportati kien hemm il-mikro-organiżmi patoġeniċi potenzjali, residwi ta' pestiċidi u addittivi fl-ikel.

Fl-2008, ġiet miżjuda tip ġdid ta' notifika: rifjut mal-fruntiera. Qabel, dawn kienu parti min-notifiki ta' informazzjoni. Dawn huma notifiki dwar prodotti li ġew miċħuda milli jidħlu fil-Komunità u ngħataw destinazzjoni oħra jew kienu meqruda. Sitta u ħamsin fil-mija (56 %) tal-każijiet ta' rifjut mal-fruntiera kienu jikkonċernaw prodotti li kellhom livelli wisq għoljin ta' mikotossini.

X'tagħmel l-RASFF

L-RASFF tippermetti l-iskambju rapidu u effettiv ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni meta jiġu skoperti riskji għal saħħet il-bniedem fl-ikel u fil-katina alimentari. Il-Membri kollha tal-RASFF (UE-27, il-Kummissjoni, l-EFSA u n-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Iżlanda) għandhom servizz ta' 24 siegħa biex ikunu żguri li n-notifiki urġenti huma mibgħuta, riċevuti u mwieġba fl-iqsar ħin possibbli. Bis-saħħa tal-RASFF, ħafna riskji ta' sikurezza alimentari ġew evitati qabel ma dawn setgħu jagħmlu xi ħsara lill-konsumaturi.

Għal aktar informazzjoni, ara:

http://ec.europa.eu/rasff

http://ec.europa.eu/food/food/rapidalert/report2008_en.pdf

MEMO/09/339


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site