Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/ 1118

Brussell, 13 ta' Lulju 2009

L-Ambjent: Ħafna mill-ispeċijiet u mill-ħabitats l-aktar vulnerabbli tal-Ewropa jinsabu mhedda

Illum il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar il-qagħda ta' konservazzjoni ta' 'l fuq minn 1150 speċi u 200 tipi ta' ħabitats imħarsa mil-liġi tal-UE. Huwa biss proporzjon żgħir ta' dawn il-ħabitats u l-ispeċijiet vulnerabbli li laħaq qagħda tajba ta' konservazzjoni, u l-Istati Membri se jkollhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu s-sitwazzjoni. Ir-rapport, li jkopri l-perjodu 2001-2006, u li huwa l-usa' stħarriġ tal-bijodiversità tal-UE li sar s'issa, jipprovdi punt ta' referenza liema bħalha biex jitkejlu x-xejriet tal-ġejjieni. It-tipi ta' ħabitats l-aktar mhedda huma l-mergħat, l-artijiet mistagħdra u dawk tax-xatt, fuq kollox minħabba t-telf tal-mudelli tradizzjonali tal-biedja, l-iżvilupp turistiku u t-tibdil fil-klima. Madankollu, mhux l-aħbarijiet kollha huma koroh: uħud mill-ikbar ispeċijiet u dawk l-aktar emblematiċi, bħalma huma l-lupu, il-linċi tal-Eurażja, il-kastur u l-lontra bdew jikkolonizzaw mill-ġdid partijiet mill-firxiet tradizzjonali tagħhom. Ħafna Stati Membri investew somom kbar biex twettaq il-monitoraġġ iddettaljat, u minkejja għadd ta' nuqqasijiet, ir-rappurtar kien ta' suċċess kbir.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, Stavros Dimas, qal: "Aħna impenjati li nrażżnu t-telf tal-bijodiversità fl-Ewropa, u r-rapport tal-lum ma jħallix lok għal serħan il-moħħ. Biex il-ħabitats u l-ispeċijiet vulnerabbli jinġiebu lura għal qagħda tajba, jeħtieġ ħafna żmien ta' ħidma. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura, u n-netwerk ta' Natura 2000, huma l-elementi ewlenin biex jintlaħqu l-għanijiet tagħna għall-ħarsien tal-bijodiversità fl-UE. Issa li l-parti terrestri tan-netwerk hija kważi lesta, nistennew titjib sinifikanti matul l-għoxrin sena li ġejjin."

"Il-bijodiversità tal-Ewropa għadha taħt pressjoni serja u qiegħda tħabbat wiċċha ma' riskji kbar. Minkejja li se nonqsu milli nilħqu l-mira li nwaqqfu t-telf tal-bijodiversità sal-2010, xorta qiegħed isir progress. Kif qal il-Kummissarju dan l-aħħar f'Ateni, il-mira għal wara l-2010 għandha tkun waħda ambizzjuża, ċara li u li tista' titkejjel. Għandha żżomm l-enfasi fuq il-valur intrinsiku tal-bijodiversità filwaqt li tagħraf ukoll il-valur ta' ekosistemi f'saħħithom u reżistenti, u s-servizzi li dawn l-ekosistemi jipprovdu," qalet il-Professoressa Jacqueline McGlade, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Suċċessi importanti iżda limitati

Ir-rapport ikopri 216-il tip ta' ħabitat, u jiġbor tagħrif dwar 1182 speċi differenti. Minkejja l-konklużjoni globali li ħafna speċijiet u tipi ta' ħabitat ma laħqux qagħda tajba ta' konservazzjoni, hemm ħjiel li l-miżuri ta' protezzjoni qed ikollhom impatt, u li ċerti speċijiet u tipi ta' ħabitat bdew jirkupraw. Speċijiet bħall-ors kannella, il-lupu u l-kastur ġejjin lura f'tagħhom, u qegħdin jistabbilixxu ruħhom mill-ġdid f'ħafna żoni. Dan ifisser li l-ħabitats it-tajbin huma disponibbli, u li naqsu l-pressjonijiet negattivi bħall-kaċċa u t-tniġġis.

Periklu partikulari għall-mergħat, l-artijiet mistagħdra u x-xtut

Il-qagħda ġenerali tal-ħabitats tal-mergħat, tal-artijiet mistagħdra u tax-xtut hija partikolarment ħażina. Il-mergħat huma marbutin l-aktar ma' mudelli tradizzjonali tal-biedja, li qegħdin jgħibu mal-UE kollha, filwaqt li l-qagħda ta' konservazzjoni tat-tipi kollha ta' ħabitats marbutin mal-biedja hija ħafna agħar minn tipi oħra ta’ ħabitats: 7 % biss mill-verifiki tal-ħabitats imsemmija kienu favorevoli, imqabbla ma' 21 % għall-ħabitats mhux agrikoli. Dan minħabba l-moviment lejn agrikultura aktar intensiva, it-telqa tal-art u l-ġestjoni ħażina tal-art. L-artijiet mistagħdra qegħdin jinbidlu għal użi oħra, u qegħdin ibatu mill-effetti tat-tibdil fil-klima, bħalma qed ibatu wkoll il-ħabitats tal-glaċieri. Il-ħabitats tax-xtut kulma jmur qegħdin ibatu minn aktar u aktar pressjoni mis-settur turistiku.

Tagħrif mhux komplut

B’mod ġenerali, l-Istati Membri rrappurtaw bħala “mhux magħrufa” xi 13 % mill-valutazzjonijiet tal-ħabitats reġjonali u 27 % mill-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet reġjonali. L-għadd ta’ speċijiet li l-qagħda tal-konservazzjoni tagħhom ġiet ikklassifikata bħala “mhux magħrufa” kien partikularment għoli fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, b’Ċipru, il-Greċja, Spanja u l-Portugall kollha jindikaw qagħda “mhux magħrufa” għal iktar minn 50 % mill-ispeċijiet irrappurtati fit-territorji tagħhom.

L-ambjent tal-baħar huwa partikularment problematiku, b'57 % mill-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet u madwar 40 % mill-valutazzjoni tal-ħabitats tal-baħar ikklassifikati bħala "mhux magħrufa".

Sfond: Ir-Rapport dwar l-Artikolu 17

L-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Ħabitats jobbliga lill-Istati Membri jressqu tagħrif dwar l-implimentazzjoni tagħha kull sitt snin. Għall-ewwel darba, fil-perjodu ta' rappurtar 2001-2006, ir-rapporti inkludew valutazzjonijiet tal-qagħda tal-ispeċijiet u tal-ħabitats koperti mid-Direttiva u li jinsabu fit-territorju ta' kull pajjiż. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent użat dawn ir-rapporti biex tipproduċi valutazzjoni integrata għal kull reġjun ġeografiku, għal kull tip ta' ħabitat u għal kull speċi. Wara dan, il-Kummissjoni rreferiet għal dawk il-valutazzjoniiet biex ħolqot rapport globali kif mitlub mid-Direttiva.

Id-Direttiva dwar il-Ħabitats

In-natura tal-Ewropa hija mħarsa bis-saħħa ta' żewġ biċċiet ta' leġiżlazzjoni: id-Direttiva tal-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats. It-tieni waħda tobbliga lill-Istati Membri jżommu f'qagħda tajba għadd ta' tipi ta' ħabitats u speċijiet identifikati, f'siti magħżula u miftiehma mal-Kummissjoni. Flimkien ma' siti koperti mid-Direttiva tal-Għasafar, dawn is-siti saru parti minn Natura 2000, l-ikbar netwerk ekoloġiku tad-dinja. Illum hemm mat-22 000 sit identifikati skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats, li jkopru madwar 13.3 % tat-territorju tal-UE. B’kollox, in-netwerk tan-Natura 2000 jinkludi iktar minn 25 000 sit (id-Direttiva dwar l-Għasafar u dik dwar il-Ħabitats flimkien) u jkopri madwar 17 % tat-territorju tal-UE.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/environment/nature/knowledge/rep_habitats/index_en.htm

http://biodiversity.eionet.europa.eu/article17


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website