Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/09/1096

Brussell, it-8 ta’ Lulju 2009

Safar għat-tagħlim – il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni pubblika dwar l-opportunitajiet ta’ mobilità għaż-żgħażagħ

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat Green Paper dwar “Il-promozzjoni tal-mobilità għat-tagħlim fost iż-żgħażagħ” bl-għan li tiftaħ dibattitu dwar l-aħjar mod biex ittejjeb l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ fl-Ewropa sabiex jiżviluppaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom billi jsiefru. Li tqatta’ perjodu f’pajjiż ieħor għal studju, tagħlim, esperjenza ta' xogħol jew volontarjat huwa wieħed mill-modi fundamentali li bihom iż-żgħażagħ jistgħu jsaħħu l-possibbiltà tagħhom li jsibu impjieg fil-ġejjieni kif ukoll l-iżvilupp personali tagħhom. Permezz ta’ din il-Green Paper il-Kummissjoni qed tniedi konsultazzjoni pubblika li se tibqa' miftħua sal-15 ta' Diċembru 2009. It-tweġibiet se jinġabru permezz ta' kwstjonarju onlajn u kummenti bil-miktub.

Meta kien qed jikkumenta dwar il-Green Paper, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, Taħriġ, Kultura u Żgħażagħ, Ján Figel', spjega li “il-mobilità għat-tagħlim hija tajba għall-individwi, għall-iskejjel, universitajiet u istituzzjonijiet tat-taħriġ u għas-soċjetà b’mod ġenerali. Din tgħin fl-iżvilupp tal-ħiliet, l-għarfien tal-lingwi u l-kompetenzi interkulturali, u ssaħħaħ il-kapaċità tal-individwi u l-organizzazzjonijiet għall-innovazzjoni u l-kompetizzjoni f'livell internazzjonali. Jeħtieġ li nħeġġu l-mobilità, sabiex is-safar għat-tagħlim isir in-norma u mhux l-eċċezzjoni. Dan huwa importanti, kemm għas-saħħa u s-sostenibilità tal-irkupru ekonomiku tal-UE kif ukoll għall-koeżjoni soċjali tas-soċjetajiet tal-Ewropa fis-Seklu 21.”

Il-qagħda attwali

L-UE għandha storja twila ta’ appoġġ għaż-żgħażagħ permezz ta’ programmi u inizjattivi varji. Fit-22 sena kemm ilu jeżisti l-programm Erasmus, pereżempju, huwa appoġġja żewġ miljun student biex jagħmlu parti mill-istudji jew l-esperjenzi ta’ xogħol tagħhom barra minn pajjiżhom. Iżda l-appoġġ tal-UE jkopri firxa ferm usa’ ta’ oqsma, inklużi wkoll edukazzjoni ogħla għan-negozji, ir-riċerka, l-edukazzjoni vokazzjonali u l-apprendisti, l-edukazzjoni tat-tieni livell, l-iskambji taż-żgħażagħ u l-volontarjat, l-isfera kulturali, l-imprendituri żgħażagħ u s-soċjetà ċivili.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea kkontribwiet biex tiżviluppa għadd ta’ għodod biex tagħmilha aktar faċli għaż-żgħażagħ biex isiefru għat-tagħlim, inklużi l-Europass u s-Sistema Ewropea għat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni ta’ Kredits (ECTS) għal edukazzjoni ogħla.

Meta jitqiesu flimkien, il-programmi, l-għodod u l-inizjattivi attwali fil-qasam tal-mobilità jgħinu liż-żgħażagħ Ewropej f’firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet u kuntesti. Madankollu, is-safar xorta għadu l-eċċezzjoni aktar milli r-regola u huwa aktar aċċessibbli għal xi gruppi, bħalma huma studenti, milli għal oħrajn, bħal dawk f’taħriġ vokazzjonali u apprendisti. Fl-2006, madwar 310 000 żagħżugħ setgħu jsiefru bis-saħħa tal-programmi Ewropej. Dawn jirrappreżentaw biss 0.3 % ta’ dawk li għandhom bejn is-16 u d-29 sena fl-UE u dan juri li jista' jsir ferm aktar f'dan il-qasam.

Il-Green Paper – Insibu l-aħjar strateġija

Matul l-aħħar snin, fiċ-ċrieki tal-esperti u fil-livell politiku saru diversi diskussjonijiet u riflessjonijiet dwar il-benefiċċji tal-mobilità għat-tagħlim. Il-Kummissjoni tqis li ż-żmien huwa propizju għal diskussjoni pubblika wiesgħa dwar din il-kwistjoni. Billi tagħmel hekk, il-Kummissjoni qed tirreaġixxi wkoll għal talba mill-Kunsill tal-Ministri f’Novembru 2008, li stiednet lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiżviluppaw aktar il-kunċett ta' mobilità għaż- żgħażagħ kollha , f'kuntesti ta' tagħlim differenti bħall-iskola, l-edukazzjoni ogħla, it-taħriġ vokazzjonali, it-taħriġ intern, l-apprendistati jew ix-xogħol volontarju.

Il-konsultazzjoni pubblika

Il-Green Paper tistaqsi għadd ta’ mistoqsijiet u tistieden reazzjonijiet dwar kwistjonijiet bħ al:

  • Kif nistgħu nikkonvinċu aktar żgħażagħ isiefru biex jiksbu għarfien, ħiliet u esperjenzi ġodda?

  • Liema ostakli għall-mobilità rridu negħlbu?

  • Kif jistgħu l-partijiet kollha interessati – il-Kummissjoni, l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-istituzzjonijiet tal-eduazzjoni u t-taħriġ, l-NGOs – jingħaqdu fi sħubija ġdida għall-mobilità għat-tagħlim?

Il-perjodu ta’ konsultazzjoni jintemm fil- 15 ta’ Diċembru 2009 . Il-Kummissjoni mbagħad se tanalizza r-reazzjonijiet u tħejji proposta għal segwitu prattiku.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet kollha interessati biex jikkummentaw dwar il-kwistjonijiet li tqajmu fil-Green Paper u jibagħtu l-kontribuzzjonijiet tagħhom permezz ta’ email lil eac-green-paper-mobility@ec.europa.eu jew bil-posta lil:

Green Paper

DG EAC/B3

MADO 11/14

European Commission

B-1049 Brussell

Mill-15 ta’ Lulju se jkun hemm kwestjonarju b’għażla multipla onlajn f’:

http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/consult/index_en.html

al aktar tagħrif:

Il-Kummissjoni Ewropea: COM(2009)329 " Green Paper: Il-promozzjoni tal-mobilità għat-tagħlim fost iż-żgħażagħ”, it-8 ta’ Lulju 2009

Il-Kummissjoni Ewropea: Appoġġ għall-mobilità

Il-Kummissjoni Ewropea: Konsultazzjonijiet pubbliċi

Il-Kummissjoni Ewropea: Stqarrija għall-Istampa  IP/08/1126 , l-10 ta’ Lulju 2008, “ Ir-rakkomandazzjoni tal-grupp ta’ esperti: Nagħmlu l-perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż ir-regola, minflok l-eċċezzjoni


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site