Navigation path

Left navigation

Additional tools

Id-drittijiet tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom Il-Kummissjoni tagħti gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE għall-benefiċċju tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tal-UE

European Commission - IP/09/1077   02/07/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1077

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2009

Id-drittijiet tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom Il-Kummissjoni tagħti gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE għall-benefiċċju tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tal-UE

Il-Kummissjoni llum adottat linji gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt tal-moviment u r-residenza libera taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom. Il-linji gwida jiċċaraw id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom u joffru assistenza lill-Istati Membri dwar il-miżuri li jistgħu jieħdu sabiex jiffaċċjaw il-kriminalità, l-abbuż u ż-żwiġijiet tal-konvenjenza.

Il-viċi president Jacques Barrot, il-Kummissarju inkarigat mill-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, qal li "Il-libertà li tgħix u taħdem barra minn pajjiżek hija wieħed mill-pedamenti tal-Unjoni Ewropea . Din il-libertà taħdem favur iċ-ċittadini tal-UE, tal-pajjiżi tal-UE u tal-kompetitività tal-ekonomiji tagħna. Tmien miljun ċittadin tal-UE marru jgħixu fi Stat Membru ieħor . Illum, qed noffru l-informazzjoni liċ-ċittadini tal-UE u l-għajnuna lill-Istati Membri billi noħorġu linji gwida sabiex niżguraw traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva."

L-Istati Membri kollha adottaw liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2004/38 dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fi ħdan l-UE . F'Diċembru 2008, il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva. Ir-rapport ikkonkluda li t-transpożizzjoni ġenerali tad-Direttiva hija pjuttost diżappuntanti. Lanqas Stat Membru wieħed ma ttraspona d-Direttiva b'mod effettiv u korrett fl-intier tagħha. L-ebda Artikolu tad-Direttiva ma ġie traspost b’mod effettiv u korrett mill-Istati Membri kollha.

Il-Kummissjoni hija impenjata sabiex tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom igawdu effettivament id-dritt tagħhom tal-libertà tal-moviment. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni ddikjarat li sejra tipprovdi iktar informazzjoni liċ-ċittadini u li sejra taħdem fi sħubija mal-Istati Membri sabiex tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva.

L-adozzjoni tal-linji gwida llum hija l-ewwel riżultat tanġibbli tax-xogħol li l-Kummissjoni qed tagħmel mal-Istati Membri b'dan l-iskop. Il-linji gwida huma intiżi biex joffru informazzjoni u assistenza kemm lill-Istati Membri kif ukoll liċ-ċittadini tal-UE dwar kwistjonijiet li ġew identifikati bħala problematiċi fit-traspożizzjoni jew fl-applikazzjoni, bħad-definizzjoni ta' riżorsi suffiċjenti, dipendenza, politika pubblika u sigurtà pubblika u l-abbuż . Il-Kummissjoni sejra tkompli taħdem fuq livell tekniku mal-esperti tal-Istati Membri sabiex tiġbor l-informazzjoni u tiskambja l-aħjar prattika.

Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq verżjoni aġġornata tal-gwida simplifikata għaċ-ċittadin u fuq artiklu tal-Wikipedia dwar id-drittijiet taċ-ċittadini.

Il-Kummissjoni sejra tkompli tibqa' viġilanti fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-Direttiva tal-Moviment Liberu fost in-nies, u sejra tagħmel użu sħiħ tas-setgħat mogħtija lilha mit-Trattat biex tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jgawdu effettivament id-drittijiet tagħhom.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website