Navigation path

Left navigation

Additional tools

Għajnuna mill-Istat Il-Kummissjoni taġġorna r-regoli għall-finanzjament mill-istat ta' xandara tas-servizz pubbliku

European Commission - IP/09/1072   02/07/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/ 1072

Brussell, 2 ta’ Lulju 2009

Għajnuna mill-Istat Il-Kummissjoni taġġorna r-regoli għall-finanzjament mill-istat ta' xandara tas-servizz pubbliku

Il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni ġdida dwar l-għajnuna mill-istat għall-finanzjament ta' xandara pubbliċi. Il-Komunikazzjoni tipprovdi qafas ċar għall-iżvilupp tas-servizzi tax-xandir pubbliku u ttejjeb iċ-ċertezza legali għall-ivestiment kemm mill-midja pubblika kif ukoll minn dik privata. Il-Komunikazzjoni l-ġdida tieħu post il-Komunikazzjoni tal-2001 tal-Kummissjoni dwar ix-Xandir (ara IP/01/1429 ). Il-bidliet prinċipali jinkludu iktar attenzjoni fuq ir-responsabbiltà u l-kontroll effettiv fuq il-livell nazzjonali, inkluż evalwazzjoni ġenerali trasparenti fuq l-impatt ta’ servizzi ġodda tal-midja li huma ffinanzjati mill-fondi pubbliċi.

Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet: “Il-Komunikazzjoni l-ġdida tikseb il-bilanċ ġust bejn l-interessi tal-midja pubbliċi u privati biex tiżgura kompetizzjoni b’saħħita fl-ambjent tal-midja, li qed jiżviluppa tant malajr,,għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Ewropa. Ix-xandara pubbliċi se jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-iżvilupp tat-tekonoliġija diġitali u servizzi bbażati fuq l-internet biex joffru servizzi ta’ kwalità għolja fuq il-pjattaformi kollha mingħajr ma jfixklu l-kompetizzjoni bla raġuni b’detriment għal operaturi oħra fil-qasam tal-midja.”

Il-Kummissarju għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja Viviane Reding qalet: “L-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni ser tagħti ċertezza legali addizzjonali lis-settur tal-midja fl-Ewropa u tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn ix-xandir pubbliku u l-midja privata. Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Kummissjoni hu li tippreserva xenarju tal-midja mimli enerġija fl-ambjent online, notevolment billi tiżgura li l-offerti online tax-xandara pubbliċi ma jfixklux il-kompetizzjoni b'detriment għall-offerti minn servizzi online u mill-midja stampata. Il-Komunikazzjoni adottata llum tirrispondi għal dan l-objettiv b’mod ċar u effettiv.”

It-tibdiliet ewlenin fil-Komunikazzjoni l-ġdida jitrattaw:

  • il-kontroll ex-ante ta’ servizzi ġodda sinifikanti mnedija mix-xandara tas-servizz pubbliku (jibbilanċaw l-impatt fuq is-suq ta' tali servizzi ġodda mal-valur pubbliku tagħhom)

  • kjarifikazzjonijiet rigward l-inklużjoni ta’ servizzi bi ħlas fil-mandat tas-servizz pubbliku.

  • kontroll iktar effettiv tal-kumpens żejjed u superviżjoni tal-missjoni tas-servizz pubbliku fuq livell nazzjonali

  • iktar flessibilità finanzjarja għax-xandara tas-servizz pubbliku.

Il-Komunikazzjoni hija ddisinjata biex tiżgura livell għoli ta’ servizzi ta’ xandir pubbliku fuq varjetà ta’ pjattaformi, li jvarjaw mill-internet sa skrins f’postijiet pubbliċi. Barra minn hekk, ċittadini Ewropej u l-partijiet involuti jkunu jistgħu jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom waqt konsultazzjonijiet pubbliċi qabel ma kwalunkwe servizz ġdid jitpoġġa fis-suq mix-xandara tas-servizz pubbliku. Fl-aħħar nett, bħala kontributuri fiskali, iċ-cittadini ser jibbenefikaw minn użu iktar responsabbli, trasparenti u proporzjonat tal-finanzjament pubbliku f’dan is-settur.

L-adozzjoni tal-Komunikazzjoni saret wara konsultazzjoni pubblika estensiva (ara IP/08/24 , IP/08/1626 u IP/09/564 ) u tibni fuq il-prinċipji fundamentali tal-finanzjament tas-servizz tax-xandir pubbliku fil-Protokoll ta’ Amsterdam (ara hawn taħt, tagħrif eżistenti). Partikolarment, il-Komunikazzjoni tagħraf id-diskrezzjoni tal-Istati Membri biex jiddefinixxu l-missjoni tax-xandara tas-servizz pubbliku u tiffoka fuq id-dmir tal-Kummissjoni li tipproteġi l-kompetizzjoni ġusta.

It-Test tal-Komunikazzjoni huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/specific_rules.html #broadcasting

Il-verżjoni finali ser tkun ippubblikata fuq il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u tidħol fis-seħħ mid-data ta’ dik il-pubblikazzjoni.

Tagħrif eżistenti

Ix-xandara tas-servizz pubbliku Ewropej jirċievu iktar minn €22 biljun annwalment minn ħlasijiet tal-liċenzji jew għajnuna diretta mill-gvern, li jpoġġuhom fit-tielet post, wara l-agrikultura u l-kumpaniji tat-trasport, fost ir-riċevituri ta’ għajnuna mill-istat.

Il-Protokoll għat-Trattat ta’ Amsterdam 1 jikkjarifika li s-sistemi ta’ xandir pubbliku nazzjonali huma direttament relatati mal-bżonnijiet demokratiċi, soċjali u kulturali tas-soċjetà. Huwa jiggarantixxi d-dritt tal-Istati Membri li jiffinanzjaw is-servizz tax-xandir pubbliku sakemm tali finanzjament ikun mogħti biex jissodisfa l-mandat tas-servizz pubbliku kif konferit, definit u organizzat minn kull Stat Membru, u sakemm tali finanzjament ma jaffettwax bla bżonn il-kummerċ u l-kompetizzjoni fl-UE.

Biex tikkjarifika l-fehim tagħha ta’ dan il-Protokoll, il-Kummissjoni l-ewwel adottat Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna mill-istat għas-servizz tax-xandir pubbliku fl-2001 (ara IP/01/1429 ). Minn dakinhar, il-Kummissjoni adottat iktar minn 20 deċiżjoni, li komplew jikkjarifikaw l-applikazzjoni tar-regoli. Din il-każistika tejbet il-prinċipji tal-Kommunikazzjoni 2001 f'numru ta’ aspetti. Deskrizzjoni qasira ta’ dawn id-deċiżjonijiet individwali hija disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/competition/sectors/media/decisions_psb.pdf

L-iktar deċiżjonijet riċenti dwar l-għajnuna mill-istat għax-xandir tas-servizz pubbliku fil- Ġermanja (see IP/07/543 u MEMO/07/150 ), l- Irland a ( ara IP/08/317 ) u l- Belġju (ara IP/08/316 ) jirriflettu l-aproċċ tal-Kummissjoni partikolarment fir-rigward tad-definizzjoni tal-mandat tas-servizz pubbliku fl-ambjent tal-midja l-ġdida, pereżempju fejn ix-xandara joperaw siti web u jxandru permezz ta’ telefowns ċellulari.

1 :

http://europa.eu/eur-lex/en/treaties/selected/livre347.html


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website