Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1059

Brussell, it-30 ta' Ġunju 2009

Jirritorna l-ħjar mgħawweġ: frott u ħaxix b’forma mhix perfetta jerġa' jibda jinbiegħ mill-1 ta' Lulju

Ir-regoli tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw id-daqs u l-forma ta' ħafna frott u ħaxix mhux se jibqgħu jeżistu minn għada meta se jitneħħew l-istandards speċifiċi għat-tqegħid fis-suq ta' 26 tip ta' frotta u ħaxixa. L-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tneħħi dawn l-istandards hija element ewlieni fl-isforzi li qed tagħmel sabiex ittejjeb u tissimplifika r-regoli tal-UE u taqta' l-burokrazija żejda. L-istandards għat-tqegħid fis-suq ser jibqgħu jgħoddu għal 10 tipi ta' frott u ħaxix, fosthom it-tuffieħ, il-frawli u t-tadam. Imma anki għal dawn l-10, l-Istati Membri jistgħu għall-ewwel darba jippermettu lill-ħwienet ibiegħu prodotti li mhumiex skont l-istandards, sakemm ikollhom tikketta li tiddistingwihom mill-frott “ekstra”, “tal-ewwel klassi” u “tat-tieni klassi”. Fi kliem ieħor, bir-regoli l-ġodda l-awtoritajiet nazzjonali se jkunu jistgħu jippermettu l-bejgħ tal-frott u l-ħaxix kollu, irrispettivament mid-daqs jew il-forma tiegħu.

"Mill-1 ta' Lulju fuq l-ixkafef tagħna se nerġgħu nibdew naraw ħjar mgħawweġ u zunnarija mhux lixxa," qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. "B'mod aktar serju, dan huwa eżempju konkret tal-isforzi tagħna biex naqtgħu l-burokrazija żejda. Ma għandniex għalfejn nirregolaw dawn it-tipi ta’ affarijiet fil-livell tal-UE. Huwa ħafna aħjar li nħallu dan f'idejn l-operaturi tas-suq. Il-bidliet ifissru wkoll li l-konsumaturi se jkunu jistgħu jagħżlu mill-usa’ firxa possibbli ta' prodotti. Ma jagħmilx sens li narmu prodotti li huma perfettament tajbin, sempliċiment minħabba li għandhom il-qies jew il-forma l-'ħażina'."

Matul in-negozjati tal-2007 dwar ir-riforma tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq għall-frott u l-ħaxix, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tnaqqas il-burokrazija żejda billi tneħħi għadd ta' standards għat-tqegħid fis-suq tal-frott u l-ħaxix. Il-bidla ta' għada tfisser li dawn l-istandards se jitneħħew għal 26 prodott: il-berquq, il-qaqoċċ, l-ispraġ, il-brunġiel, l-avokado, il-fażola, il-kaboċċi taz-zokk, iz-zunnarija, il-pastard, iċ-ċirasa, il-qarabagħli, il-ħjar, il-faqqiegħ ikkultivat, it-tewm, il-ġellewż sħiħ, il-kaboċċi, il-kurrat, il-bettieħ, il-basal, il-piżelli, l-għajnbaqar, il-karfus, l-ispinaċi, il-ġewż sħiħ, id-dulliegħ, u l-indivja/iċ-ċikwejra.

Standards speċifiċi għat-tqegħid fis-suq se jinżammu għall-10 prodotti li jgħoddu għal 75 fil-mija tal-valur tan-negozju tal-UE: it-tuffieħ, il-frott taċ-ċitru, il-kiwi, il-ħass, il-ħawħ u n-nuċiprisk, il-lanġas, il-frawli, il-bżar ħelu, l-għeneb tal-mejda u t-tadam. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw dawn il-prodotti wkoll mill-istandards, jekk titwaħħlilhom tikketta xierqa meta jkunu qed jinbiegħu mill-ħwienet. Fil-prattika, dan ifisser li tuffieħa li ma tissodisfax l-istandard tista' xorta waħda tinbiegħ mingħand tal-ħanut, sakemm tkun ittikkettata "prodott intenzjonat għall-ipproċessar" jew bi kliem ekwivalenti.


Side Bar