Navigation path

Left navigation

Additional tools

Twisjija lill-Konsumaturi: Kunu għaqlin fix-xemx das-sajf

European Commission - IP/09/1057   30/06/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/1057

Brussell, 30 ta’ Ġunju 2009

Twisjija lill-Konsumaturi: Kunu għaqlin fix-xemx das-sajf

Fil-bidu tal-istaġun tal-vaganzi, il-Kummissjoni Ewropea qed tiġbed l-attenzjoni tal-konsumaturi għall-importanza ta’ protezzjoni xierqa mix-xemx das-sajf u tfakkarhom biex ifittxu s-sistema aktar ċara ta’ tikketti fuq il-flixken ta' prodotti għall-protezzjoni mix-xemx. It-tikketti l-ġodda – inkluż logo jew siġill ġdid tal-UV-A fuq il-fliexken u projbizzjoni fuq termini qarrieqa bħal “li jimblokka x-xemx” jew “protezzjoni totali” – huma r-reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prodotti għall-protezzjoni mix-xemx li ġiet adottata f'Settembru 2006. Il-Kummissjoni qed tfittex ukoll biex tfakkar lill-konsumaturi li hemm diversi raġunijiet għala l-prodotti li jipproteġu mix-xemx għandhom ikunu waħda mill-għadd ta’ miżuri li huma meħtieġa biex wieħed jipproteġi lilu nnifsu mir-radjazzjoni tal-UV tax-xemx.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Meglena Kuneva, qalet: "Il-messaġġ tagħna lill-konsumaturi das-sajf hu ċar ħafna: kunu konxji bi sħiħ li l-prodotti għall-protezzjoni mix-xemx mhumiex ħlief miżura waħda mill-għadd ta’ miżuri li meħtieġa għall-protezzjoni effettiva kontra x-xemx, u oqogħdu attenti għat-tikketti l-ġodda u agħżlu b’deċiżjoni informata dwar il-prodotti li jipproteġu mix-xemx li tużaw intom u l-familja tagħkom das-sajf."

Il-Kummissarju tas-Saħħa Androulla Vassiliou qalet “Kulħadd, żagħżugħ jew anzjan, jinħtieġ li jkun konxju sew dwar il-firxa ta’ miżuri li jgħinu għall-protezzjoni mir-radjazzjoni tal-UV meta wieħed ikun qed jixxemmex. Din hi r-raġuni għala l-Kummissjoni Ewropea qed tiċċekkja l-kuntatt mar-raġġi ultravjola fl-Unjoni Ewropea u l-effetti tagħhom fuq l-inċidenza tal-kanċer tal-ġilda, kif ukoll l-iżvilupp ta’ protezzjoni rilevanti u ta’ strateġiji għat-tnaqqis tar-riskji fil-qafas tal-Programm tas-Saħħa. "

Tikketti aħjar

Ir-rekwiżiti għall-informazzjoni dwar it-tikketti ta' prodotti għall-protezzjoni mix-xemx ġew stipulati f'rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni f’Settembru 2006 dwar l-effikaċja tal-prodotti għall-protezzjoni mix-xemx u l-istqarrijiet li jkun hemm fuq il-fliexken tagħhom. Skont ir-rakkomandazzjoni:

  • Affermazzjonijiet bħal “jimblokka x-xemx” jew “protezzjoni 100%” ma għandhomx jibqgħu jintużaw. Minkejja d-dikjarazzjonijiet spissi bħal “jimblokka x-xemx” u “protezzjoni totali”, l-ebda prodott għall-protezzjoni mix-xemx ma jista’ jipprovdi protezzjoni sħiħa kontra r-radjazzjoni UV.

  • Deskrizzjonijiet verbali standardizzati (protezzjoni “baxxa” – “medja” – “għolja” u “għolja ħafna”) għandhom jintużaw flimkien mal-fatturi tradizzjonali tal-protezzjoni mix-xemx (SPF) biex joffru gwida aħjar fl-għażla tal-prodott xieraq għall-protezzjoni mix-xemx.

  • Tikketti aħjar tal-protezzjoni mill-UV-A : filwaqt li r-radjazzjoni UV-B hija l-kawża tal-“ħruq mix-xemx”, ir-radjazzjoni UV-A xxejjaħ il-ġilda qabel iż-żmien u tinterferixxi mas-sistema immunitarja tal-bniedem. Iż-żewġ tipi ta’ radjazzjoni huma kontributuri importanti għar-riskju tal-kanċer tal-ġilda. L-hekk imsejjaħ “fattur tal-protezzjoni mix-xemx” (SPF) jirreferi biss għal livelli ekwivalenti ta’ ħruq mix-xemx (ir-radjazzjoni UV-B) u mhux għal effetti simili mir-radjazzjoni UV-A. Il-prodotti għall-ħarsien mix-xemx bi protezzjoni UV-B biss jistgħu jagħtu sens qarrieqi ta’ sikurezza minħabba li dawn xorta waħda jħallu lir-radjazzjoni UV-A tasal sal-ġilda.

  • L-industrija qed tintroduċi siġill standardizzat tal-UV-A fuq it-tikketti tal-prodotti tagħha, li jindika protezzjoni minima kkwantifikata mill-UV-A li tiżdied b’mod parallel ma’ żieda tal-SPF u li hi bbażata fuq metodu ta’ ttestjar standardizzat.

Fatti dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni

Colipa (L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ li tirrappreżenta l-interessi tal-industrija tal-kożmetiċi, tal-prodotti għall-użu fil-kmamar tal-banju u tal-fwieħa) għat-tieni darba wettqet servej fost il-membri tagħha biex tinvestiga s-sitwazzjoni fis-suq tal-UE fl-2009 rigward il-livell ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni tal-UE dwar il-prodotti li jipproteġu mix-xemx.

  • Rigward il-livell meħtieġ ta’ protezzjoni UVA fi prodotti li jipproteġu mix-xemx (ratio minimu ta' 1:3 ta' portezzjoni UVA għal protezzjoni UVB) 96% tal-prodotti huma konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-UE.

  • Rigward l-użu tal-logo l-ġdid tal-UVA, 95% tal-prodotti li jipproteġu mix-xemx jużaw il-logo standardizzat tal-UVA tal-Colipa – li jgħin lill-klijenti sabiex jagħrfu malajr il-prodotti li jipprovdu protezzjoni xierqa mill-UVA.

  • B’mod ġenerali, is-servej mill-Colipa jindika li l-fatturi ta’ protezzjoni mill-UVA fir-Rakkomandazzjoni 2006 tal-KE daħlu verament fis-suq tal-UE. Prattikament il-prodotti kollha li jipproteġu mix-xemx offruti lill-konsumaturi huma konformi mal-aspettattivi tal-KE.

X’għandhom ikunu jafu l-konsumaturi das-sajf?

Il-konsumaturi għandhom ifittxu prodotti li jkollhom sistema aħjar ta' tqegħid ta’ tikketti. Fl-istess ħin, il-konsumaturi huma mħeġġa jużaw il-prodotti għall-ħarsien mix-xemx bħala miżura waħda biss mill-għadd ta’ miżuri li għandhom jittieħdu għall-protezzjoni mix-xemx . Miżuri oħrajn jinkludu:

  • Jevitaw li joqogħdu f’xemx tiżreġ fl-eqqel sigħat , li normalment ikunu bejn il-11am u t-3pm;

  • Meta ma jistgħux jagħmlu mod ieħor, jgħattu lilhom infushom sewwa fix-xemx; il-kpiepel u n-nuċċalijiet tax-xemx jistgħu jagħtu protezzjoni addizzjonali;

  • Jużaw prodotti għall-protezzjoni mix-xemx li jipproteġu kontra r-radjazzjoni UVB kif ukoll dik UVA ;

  • Jevitaw li t-trabi u t-tfal żgħar jitħallew mikxufin f’xemx diretta ;

  • Japplikaw l-prodotti għall-protezzjoni mix-xemx fi kwantità suffiċjenti . L-applikazzjoni korretta tal-prodott hi importanti daqs l-għażla tal-prodott innifsu. Biex tilħaq il-protezzjoni indikata bil-“fattur tal-protezzjoni mix-xemx”, jeħtieġ tiġi applikata kwantità ta’ 2 mg/ċm². Din hija madwar 36 gramma (6 kuċċarini mimlija) ta’ prodott għal ġisem ta’ persuna adulta . Bħalissa l-konsumaturi normalment jużaw madwar nofs din il-kwantità. Din il-kwantità għandha tiġi applikata mill-ġdid wara l-għawm jew l-ixxuttar biex tinżamm il-protezzjoni.

Ara l-istampi (li jistgħu jiġu ddawnlowdjati mil-link ta' hawn taħt) li jintużaw biex jissaħħu dawn il-fatti ewlenin u oħrajn, u ċ-ċifri dwar l-kxif fix-xemx fil-memorandum mehmuż.



Rekwiżiti ġodda fir-rigward tat-tikketti:

Kategorija tat-tikketta

Fattur ta’ protezzjoni fuq it-tikketta

Fattur minimu tal-protezzjoni mill-UVA irrakkomandat

Protezzjoni baxxa”

6

10

“Protezzjoni medja”

15

20

25

“Protezzjoni għolja”

30

50

“Protezzjoni għolja ħafna”

50+

 



Proġetti kkofinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-kanċer tal-ġilda:

http://ec.europa.eu/health/ph_information/dissemination/diseases/cancer_en.htm .


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website