Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/1049

Brussell, id-29 ta' Ġunju 2009

Il-Kummissjoni tilqa’ l-impenn tal-industrija biex tipprovdi ċarġer komuni għall-mowbajls

L-inkompatibbiltà taċ-ċarġers għall-mowbajls hi inkonvenjenza kbira għall-utenti u twassal ukoll għal skart bla bżonn. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lill-industrija biex toffri impenn volontarju biex issolvi din il-problema b’mod li tiġi evitata leġiżlazzjoni. Għaldaqstant, produtturi maġġuri tal-mowbajls qablu li jarmonizzaw iċ-ċarġers fl-UE. F’Memorandum ta’ Spjegazzjoni li tressaq lill-Kummissjoni llum, l-industrija impenjat ruħha li tipprovdi ċarġers kompatibbli fuq il-bażi tal-konnekter Mikro-USB. Barra minn hekk se jiġu żviluppati standards tal-UE ġodda biex jiżguraw użu sigur taċ-ċarġer sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni. L-ewwel ġenerazzjoni ta’ mowbajls ġodda b’ċarġer universali għandha tasal fis-suq tal-UE mill-2010 'l hemm.

Il-Viċi President Günter Verheugen, responsabbli mill-politika dwar l-intrapriża u l-industrija qal: “Ninsab tassew kuntent li l-industrija laħqet ftehim, li se jħaffef mhux bi ftit ħajjet il-konsumaturi”. Huma se jkunu jistgħu jiċċarġjaw il-mowbajls fejn iridu miċ-ċarġer komuni l-ġdid. Dan ifisser ukoll konsiderevolment inqas skart elettroniku, peress li n-nies mhumiex se jibqgħu jarmu ċ-ċarġers tagħhom meta jixtru telefowns ġodda. Jien tassew kuntent ukoll li din is-soluzzjoni nstabet fuq il-bażi ta’ regolament mill-industrija nfisha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tqisx meħtieġ li tintroduċi leġiżlazzjoni.

Daż-żminijiet hemm ruxxmata ċarġers għal mowbajls fl-UE. Ħafna minnhom jistgħu biss jiċċarġjaw mowbajl speċifiku. Kważi kull dar għandha għadd ta’ ċarġers li saru superfluwi biż-żmien. Attwalment, ċarġers qodma jiġġeneraw bosta eluf ta’ tunnellati ta’ skart kull sena.

Wa qt negozjati intensivi u kostruttivi mal-Kummissjoni Ewropea, il-produtturi tal-mowbajls qablu li jsolvu l-problema. F’Memorandum ta’ Spjegazzjoni li tressaq lill-Kummissjoni, l-industrija impenjat ruħha li tiżgura l-kompatibbiltà ta’ mowbajls ġodda li jippermettu t-trasferiment tad-dejta fuq il-bażi tal-konnekter Mikro-USB bħala konnessjoni li tipprovdi bażi għaċ-ċarġjar. Dan hu mistenni li jippermetti ċarġjar tajjeb. Fil-ġejjieni:

  • L-utenti se jkollhom ħajja aktar sempliċi bil-mowbajls tagħhom.

  • L-għadd ta’ ċarġers se jonqos.

  • Se jkun hemm impatt ambjentali pożittiv .

Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni se jiġi akkumpanjat minn standard ġdid tal-UE. Bl-istandard il-ġdid, se jiġi garantit l-użu sigur ta’ mowbajls ġodda kif ukoll l-evitar ta’ problemi ta’ interferenza mar-radju. Il-Kummissjoni tissokta taħdem mill-qrib mal-industrija biex tiżgura li l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni jkun operattiv dalwaqt. Il-Kummissjoni tistenna li l-ewwel ġenerazzjoni ta’ mowbajls ġodda b’ċarġer universali għandha tasal fis-suq tal-UE mill-2010 'l hemm. Dawn il-kumpaniji ffirmaw il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni: Apple, LG, Motorola, NEC, Nokia, Qualcomm, Research In Motion (RIM), Samsung, Sony Ericsson, Texas Instruments. .

Il-Kummissjoni tifhem li l-Memorandum ta' Spjegazzjoni mhuwiex se jeskludi l-innovazzjoni fis-suq mgħaġġel tal-mowbajls billi jiffissa ċerta teknoloġija għal dejjem. Għalhekk, meta jasal iż-żmien, il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni se jaddatta għat-teknoloġiji taċ-ċarġjar tal-ġejjieni.

Ara wkoll MEMO/09/301 .

Aktar tagħrif

http://ec.europa.eu/enterprise/rtte/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website