Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/ 1035

Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2009

Il-Kummissjoni taġixxi biex tiżgura suq effikaċi u kompetittiv tal-enerġija madwar l-Ewropa

Il-Kummissjoni llum ħadet azzjoni serja kontra 25 Stat Membru li lill-konsumaturi Ewropej qed iżommuhom milli jgawdu l-vantaġġi ta' Suq tal-Enerġija miftuħ billi ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE. L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, Spanja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Iżvezja u r-Renju Unit se jirċievu ittri ta' tqegħid fil-mora talli ma kkonformawx mar-regolamenti applikabbli dwar il-gass u l-elettriku. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll ittri ta' tqegħid fil-mora lill-Greċja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Litwanja talli żammew sistema ta' prezzijiet regolati bi ksur tad-direttivi tal-UE dwar l-elettriku u l-gass.

Il-Kummissarju għall-Enerġija, Andris Piebalgs, saħaq li, "f'dan iż-żmien ta' kriżi ekonomika u finanzjarja, sempliċment mhuwiex aċċettabbli li l-konsumaturi u l-kumpaniji Ewropej ibatu l-piż ta' suq tal-enerġija li ma jiffunzjonax tajjeb. Il-Kummissjoni hija determinata li tieħu l-miżuri neċessarji kollha bex tiżgura li l-konsumaturi Ewropej jkunu jistgħu jgawdu mill-għażla reali, il-prezzijiet aħjar, u s-sigurtà mtejba ta' forniment li jista' jipprovdihom biss suq miftuħ u kompetittiv".

L-azzjoni li ħadet il-Kummissjoni llum tindirizza ksur ta' dispożizzjonijet differenti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti dwar l-elettriku u l-gass, l-hekk imsejjaħ it-Tieni Pakkett tal-2003. Il-Kummissjoni ffukat b'mod partikolari fuq dispożizzjonijiet li jiggarantixxu kompetizzjoni ġusta fl-interess tal-konsumaturi.

F'dan il-kuntest, każijiet ewlenija ta’ ksur li ġew identifikati mill-Kummissjoni jirrigwardaw:

  • in-nuqqas ta’ informazzjoni mogħtija mill-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku u l-gass, b’tali mod li jostakolaw l-aċċess effettiv tal-kumpaniji ta’ forniment għan-netwerks;

  • l-inadegwatezza tas-sistemi għall-allokazzjoni tal-kapaċità tan-netwerks biex jottimizzaw l-użu tan-netwerks għat-trażmissjoni tal-elettriku u l-gass fl-Istati Membri;

  • in-nuqqas ta’ koordinament u kooperazzjoni transkonfinali min-naħa ta’ operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku u l-awtoritajiet nazzjonali. Dawn huma meħtieġa biex il-kapaċità tan-netwerks tkun allokata aħjar f’interkonnessjonijiet transkonfinali, ħalli x-xibka elettrika eżistenti tkun ottimizzata fuq bażi reġjonali u Ewropea, minflok fuq bażi nazzjonali;

  • l-isforzi xejn adegwati tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni tal-gass biex jagħmlu disponibbli l-massimu tal-kapaċità, biex itejbu kemm jista’ jkun l-opportunitajiet għad-dħul fis-suq u l-kompetizzjoni. B’mod partikolari, dan jirrigwarda l-kapaċità fuq medda qasira ta’ żmien, li altrimenti tibqa’ ma tintużax, u l-kapaċità fid-direzzjoni l-oħra minn dik li fiha jimxi l-fluss fiżiku tal-gass (il-kapaċità “backhaul”);

  • in-nuqqas ta’ azzjoni effikaċi ta’ infurzar mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri meta jseħħ ksur tar-regolamenti tal-UE, inkluża l-assenza ta’ sistemi effikaċi ta’ penali fil-livell nazzjonali;

  • il-persistenza ta’ prezzijiet regolati, speċjalment għall-benefiċċju ta’ klijenti kbar, li jxekklu d-dħul ta’ operaturi ġodda fis-suq;

  • l-assenza ta’ proċeduri adegwati għar-riżoluzzjoni ta’ diverġenzi għall-konsumaturi fil-livell nazzjonali; hija premessa fundamentali tad-Direttivi tal-Elettriku u l-Gass li ċ-ċittadini kollha li jgawdu l-benefiċċji tas-suq intern għandhom ikunu jistgħu jgawdu livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Madankollu, in-nuqqas ta’ proċeduri trasparenti, sempliċi u rħas għat-trattament tal-ilmenti jista' jwassal biex il-konsumaturi joqogħdu lura milli jipparteċipaw fis-suq intern. Hemm obbligi ċari fid-Direttivi tal-Elettriku u l-Gass biex jiżguraw li proċeduri bħal dawn ikunu implimentati u li jipprovdu alternattivi reali ta’ għażla għall-konsumaturi.

Ir-regolamenti dwar is-suq intern fl-elettriku u l-gass huma essenzjali għal suq tal-enerġija ġenwin u kompetittiv fl-Ewropa. Il-leġiżlazzjoni tal-UE jeħtieġ li tkun applikata b'mod tajjeb biex is-swieq ikunu jistgħu joperaw u jiżguraw li jkunu integrati fil-fatt. Il-Kummissjoni l-ikkompletar tas-suq intern tal-elettriku u l-gass għamlitu qasam prijoritarju fl-istrateġija tagħha għal enerġija sostenibbli, kompetittiva u żgura. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-provvista sostenibbli, kompetittiva u żgura tal-enerġija ma jistax ikun li sseħħ mingħajr swieq miftuħa u kompetittivi tal-enerġija li lill-kumpaniji Ewropej iħalluhom jikkompetu madwar l-Ewropa kollha kemm hi. Il-ħolqien ta’ suq integrat Ewropew tal-enerġija se jkun fattur ewlieni biex itejjeb is-sigurtà tal-provvista u jagħti spinta lill-kompetittività fl-UE. Dan jaqdi direttament l-interessi tal-konsumaturi Ewropej.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website