IP/08/937
Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2008.
Biex tiżgura li l-għeluq ikun effikaċi fi-prevenzjoni tas-sajd żejjed, ir-Regolament jipprojbixxi wkoll lill-operaturi ta’ l-UE milli jilqgħu ħatt l-art, it-tqegħid f’gaġeġ għat-tismin jew it-trobbija, u t-trażbord ta’ tonn maqbud minn bastimenti tas-sajd bil-purse seines, tkun xi tkun il-bandiera li jtajru (ta’ l-UE jew ta’ pajjiż terz), u dan b’seħħ minn 00:00 tas-16 ta' Ġunju, bl-eċċezzjoni ta' bastimenti Spanjoli tas-sajd bil-purse seines, li jistgħu jkomplu jħottu l-art, jittrasferixxu u jittrażbordaw sa 00:00 tat-23 ta’ Ġunju.
L-istaġun kurrenti tas-sajd għat-tonn qed ikun issorveljat permezz ta’ kampanja bla preċedent ta’ spezzjoni u kontroll min-naħa tal-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd. Din il-kampanja nbdiet wara s-sajd żejjed sostanzjali li għamlet il-flotta ta’ l-UE fl-2007, u n-nuqqasijiet serji ta’ kontroll u infurzar li kienu osservati fl-Istati Membri kollha involuti f’dan is-sajd. Is-sena li għaddiet, dan is-sajd żejjed fil-parti l-kbira tiegħu ikkawżah is-settur tal-flotta tas-sajd industrijali bil-purse seines, li huwa responsabbli għal aktar minn 70% tal-qbid totali. Minkejja l-mezzi li l-Fond Ewropew tas-Sajd qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri, u minkejja li l-kwota tagħha tnaqqset skond il-pjan ta’ rkupru ta’ l-ICCAT, fl-2008 l-kapaċità tas-settur irreġistrat tas-sajd bil-purse seines (134 bastiment) hija akbar milli kienet fl-2007 (92 bastiment). B’konsegwenza ta’ dan, kien hemm ħtieġa akbar għal azzjoni urġenti min-naħa tal-Kummissjoni biex ma jitħalliex li tinqabeż il-kwota. Fl-eqqel ta’ l-istaġun, f’Ġunju, il-flotta ta’ l-UE tas-sajd bil-purse seines f’biss tlett ijiem kapaċi taqbad 10% tal-kwota annwali totali.
Id-deċiżjoni li jingħalaq is-sajd ittieħdet abbażi ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Bażiku tal-Politika Komuni tas-Sajd, li lill-Kummisjsoni jagħtiha s-setgħa li tieħu miżuri ta' emerġenza jekk ikun hemm evidenza ta’ theddida serja għal-konservazzjoni ta’ riżorsi akkwatiċi ħajjin. L-għeluq qiegħed isir permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 530/2008, li daħal fis-seħħ immedjatament mal-pubblikazzjoni tiegħu llum. L-operaturi kollha għandhom l-obbligu jirrifjutaw tonn maqbud minn bastimenti ta’ l-UE jew ta’ pajjiżi terzi sa mid-dati msemmija hawn fuq.