IP/08/909
Brussell, l-10 ta' Ġunju 2008
“Id-diversità kulturali taċ-ċinema Ewropea u l-attrazzjoni tal-programm MEDIA tagħna wasslu biex ċinematografi mill-Amerika t'Isfel, l-Asja, ir-Russja u kontinenti oħra ripetutement talbu li jissawru ħoloq bejniethom u s-swieq awdjoviżivi ta’ l-Ewropa, biex reċiprokament jagħtu spinta lill-potenzjal tagħhom. Bl-istess mod li l-programm MEDIA jgħin biex nisfruttaw bis-sħiħ l-opportunità li joffri s-suq uniku Ewropew, programm MEDIA MUNDUS jiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni tal-films tagħna madwar id-dinja kollha u, viċe-versa, id-distribuzzjoni fl-Ewropa ta’ films minn pajjiżi sħab mill-erba’ rkejjen tad-dinja. Dan ikun ifisser li ċ-ċittadini jjkollhom aktar għażla u li jkun hemm diversità kulturali akbar ta’ films – dan kollu fl-ispirtu tal-Konvenzjoni ta’ l-UNESCO dwar id-diversità kulturali,” qalet Viviane Reding, il-Kummissarju Ewropew għall-Midja.
F’Diċembru 2007, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri tal-Kultura, diġà kienet varat l-azzjoni ta’ tħejjija “MEDIA International”. B’baġit ta’ €2 miljun fl-2008, l-azzjoni “MEDIA International” għandha l-għan li ssaħħaħ l-iskambji bejn il-professjonijisti ta’ l-awdjoviżiv fl-UE u f’pajjiżi terzi li lid-diversità kulturali jagħtuha l-istess prijorità. L-azzjoni se ddum għaddejja sa tliet snin, u se teżamina l-modi ta’ kif tiffaċilita l-arranġamenti kummerċjali u twessa’ n-netwerks bejn il-professjonisti ta’ l-UE u tal-pajjiżi terzi, għall-ġid reċiproku tagħhom. Fost l-azzjonijiet appoġġati fl-2008 hemm taħriġ kontinwu konġunt (li fis-snin li ġejjin għandu jitwessa’ biex jinkludi l-kooperazzjoni bejn l-iskejjel taċ-ċinematografija); kampanji konġunti ta’ promozzjoni għad-distribuzzjoni kummerċjali ta’ xogħlijiet ċinematografiċi; u appoġġ għal proġetti bejn netwerks tas-swali taċ-ċinema – ilkoll azzjonijiet li jinkoraġġixxu lill-pubbliku f’pajjiżi terzi biex jaraw aktar films Ewropej fis-swali taċ-ċinema tagħhom, u viċe-versa.
Il-konsultazjzoni pubblika varata mill-Kummissjoni dwar programm possibbli MEDIA MUNDUS qed jitlob ir-reazzjonijiet tal-persuni interessati għall-idea li l-programm MEDIA għall-promozzjoni, l-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-films Ewropej (baġit annwali: madwar €100 miljun) ikun ikkumplementat bi programm ġdid internazzjonali. Il-persuni interessati huma kkonsultati fuq kwistjonijiet speċifiċi bħalma huma:
Abbażi tal-kontributi li jidħlu mid-dibattitu pubbliku, il-Kummissjonise tiddeċiedi, qabel tmiem l-2008, dwar proposta għal programm possibbli MEDIA MUNDUS. Din l-idea diġà tawha appoġġ kbir il-Ministri tal-Kultura li fid-19 ta’ Mejju ħadu sehem f’Jum l-Ewropa 2008 waqt il-Festival tal-Films ta’ Cannes.
L-isfond:
Il-programm MEDIA diġà jgħin liċ-ċinematografi minn 32 pajjiż biex ikollhom aċċess għall-finanzjament għad-distribuzzjoni madwar id-dinja tax-xogħlijiet awdjoviżivi tagħhom. Fil-perjodu 2007-2013, qed jipprovdi €755 miljun lill-industrija awdjoviżiva ta’ l-Ewropa (IP/07/169).
Ix-xahar li għadda, erba’ films iffinanzjati mill-MEDIA rebħu premjijiet prestiġjużi fil-Festival tal-Films ta’ Cannes, inklużi l-Palme d’Or (Entre Les Murs) u l-Grand Prix du Jury (Gomorra) (IP/08/800). Dawn il-films kienu fost l-14 li ntwerew fil-Festival u li kienu żviluppati jew distribwiti b’għajnuna ta’ aktar minn €900 000 mill-programm MEDIA ta’ l-Unjoni Ewropea (IP/08/741). Films li ngħataw appoġġ mill-MEDIA diġà kellhom suċċess kbir fiċ-ċerimonja ta’ l-Oscars, bl-għoti ta’ premjijiet Oscar lil The Counterfeiters (Die Fälscher/l-Awstrija-il-Ġermanja) u La Vie en Rose (La Môme/Franza) (IP/08/298).
Aktar
tagħrif dwar il-konsultazzjoni pubblika bl-internet:
http://ec.europa.eu/information_society/media/mundus/index_en.htm
Aktar tagħrif dwar is-seduta pubblika:
http://ec.europa.eu/information_society/media/mundus/public_hearing/index_en.htm
Aktar tagħrif dwar MEDIA International:
http://ec.europa.eu/information_society/media/prep_action/index_en.htm
Aktar
tagħrif dwar il-programm MEDIA u l-premjijiet Cannes 2008:
http://ec.europa.eu/avpolicy/media/index/en.htmlhttp://ec.europa.eu/information_society/media/overview/news/cannes_2008/index_en.htm