Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE ES NL PT FI EL CS PL SK

IP/08/860

Brussell, il-5 ta' Ġunju 2008

Kontra l-ħasil tal-flus: il-Kummissjoni tieħu miżuri kontra 15-il Stat Membru għal implimentazzjoni mhux f'waqtha

Il-Kummissoni Ewropea ddeċidiet li tissokta bi proċedimenti ta' ksur kontra 15-il Stat Membru minħabba li naqsu milli jimplimentaw fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom it-Tielet Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus. Il-Kummissjoni sejra tibgħat talbiet formali lill-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja u l-Iżvezja. Dawn it-talbiet formali jieħdu s-sura ta' "opinjonijiet motivati", it-tieni pass fil-proċediment ta' ksur stabbilit fl-Artikolu 226 tat-Trattat tal-KE. Jekk ma jkun jemm l-ebda risposta sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-KummissjonI tista' tistitwixxi kawża quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Id-Direttiva kellha tkun implimentata sal-15 ta' Diċembru 2007.

It-Tielet Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus adottata fl-2005 tkompli tibni fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti ta' l-UE u tinkorpora fid-dritt ta' l-UE r-reviżjoni ta' l-2003 ta' l-Erbgħin Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force, FATF), l-entità li tistabbilixxi standards internazzjonal fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Id-Direttiva tapplika kemm għas-settur finanzjarju kif ukoll għall-avukati, in-nutara, il-kontabilisti, l-aġenti ta' l-artijiet u l-bini, il-każinojiet, il-fondi u l-fornituri ta' servizzi lill-kumpaniji. Tkopri wkoll il-fornituri kollha ta' oġġetti, meta l-ħlasijiet isiru fi flus kontanti f'ammonti akbar minn €15 000. Dawk li huma suġġetti għad-Direttiva jeħtiġilhom:

  • jidentifikaw u jivverifikaw l-identità tal-klijent tagħhom u tas-sid benefiċjarju tiegħu, u jissorveljaw ir-relazzjoni kummerċjali tagħhom mal-klijent;
  • jirrappurtaw lill-awtoritajiet pubbliċi suspetti li jista' jkollhom dwar il-ħasil tal-flus jew dwar il-finanzjament tat-terroriżmu – is-soltu, l-unità tas-sigurtà inanzjarja nazzjonali; u
  • jieħdu miżuri ta' appoġġ, pereżempju billi jiżguraw li l-persunal jingħata taħriġ adegwat u billi jistabbilixxu politiki u proċeduri preventivi interni xierqa.

Id-Direttiva ddaħħal rekwiżiti u salvagwardji addizzjonali għal sitwazzjonijiet ta' riskju akbar (pereżempju l-kummerċ ma' banek korrispondenti lil hinn mill-UE).

Għall-aħħar tagħrif dwar il-proċedimenti ta' ksur rigward l-Istati Membri kollha, ara:

http://ec.europa.eu/community_law/index_en.htm


Side Bar