Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/803

Brussell, it-27 ta’ Mejju 2008

Sors bla limitu ta’ indirizzi ta’ l-Internet se jkun disponibbli fl-Ewropa sa l-2010.

Id-domanda dejjem tikber għal servizzi bbażati fuq l-Internet tfisser li mhux se jkun hemm indirizzi biżżejjed biex isostnu din iż-żieda mistennija, jekk ma titteħidx azzjoni. It-tħeġġiġ ta’ l-utenti u l-fornituri ta’ l-Internet biex jadottaw il-Protokoll ta’ l-Internet l-aktar riċenti (verżjoni IP6 jew Ipv6) se jwassal għal żieda enormi fl-ispazju ta’ l-indirizzi, bl-istess mod li n-numri tat-telefown ġew imtawla fis-seklu għoxrin. Illum il-Kummissjoni Ewropea stabbilit mira għall-Ewropa li sa l-2010 25% ta’ l-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi u d-djar ta’ l-UE jkunu jużaw l-IPv6 .Sejħet għal azzjoni magħquda fil-livell Ewropew biex l-atturi kollha jitħejjew għal bidla f’waqtha u effiċjenti biex jiġu evitati spejjeż żejda għall-konsumaturi u biex il-kumpaniji innovattivi Ewropej jingħataw vantaġġ kompetittiv."

Dan huwa verament każ ta’ fejn rimedju fil-pront iħalli siwi kbir fil-ġejjieni”, qalet Viviane Reding, il-Kummissarju ta’ l-UE għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u l-Midja. "Fil-medda l-qasira, l-awtoritajiet pubbliċi u n-negozji jistgħu jagħmlu l-iżball li l-ħtiġijiet tagħhom jippruvaw jagħsruhom fil-qafas ristrett tas-sistema l-antika, iżda dan ikun ifisser li l-Ewropa qiegħda fuq pedamenti ħżiena biex tieħu vantaġġ mit-teknoloġija ta’ l-internet l-aktar riċenti, u tista’ tiffaċċa kriżi meta s-sistema l-qadima ma jkunx baqgħalha indirizzi. L-IPv6 jipprovdi aktar indirizzi fuq l-internet milli hemm frak tar-ramel fix-xtajtiet tad-dinja. Jekk l-Ewropej se jużaw l-għodod ta’ l-internet l-aktar riċenti bħas-‘smart tags’ fil-ħwienet, fabbriki u ajruporti, sistemi ta’ tisħin u tad-dawl li jiffrankaw l-enerġija, u netwerks u sistemi ta’ navigazzjoni ta’ ġol-karozzi, allura diġà qed niffaċċaw żieda tremenda fid-domanda ta’ l-indirizzi ta’ l-IP. Qed nitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi u l-industrija jkollhom IPv6 mifrux sew sa l-2010." L-IPv4, li ilu jintuża mill-1984, jipprovdi għal 4.3 biljun indirizz, li madwar 700 miljun minnhom biss jew 16% għadhom ħielsa u disponibbli għal konnessjonijiet ġodda. Il-protokoll ta’ l-Internet il-ġdid IPv6, se jagħmel disponibbli ammont kważi bla limitu ta’ indirizzi ta’ l-IP u b’hekk isostni applikazzjonijiet ġodda li jużaw għodod li huma numerużi jew għoljin wisq għall-IPv4. Dan se jagħmilha wisq aktar faċli biex l-utenti tad-djar jibnu n-netwerks privati tagħhom stess u biex jikkonnettjawhom ma’ l-Internet. L-Ipv6 ser jixpruna applikazzjonijiet ta’ l-internet aktar innovattivi, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq in-netwerk ta’ għadd kbir ta’ għodod żgħar u sempliċi. Pereżempju, il-ġestjoni ta’ l-enerġija għad-dawl tat-triq u bini intelliġenti tista’ titjieb, u l-internet jista’ jikkonnettja b’mod irħis u affidabbli s-sensuri tal-kontroll mill-bogħod f’apparat tad-dar li jintuża kuljum. Dan imbagħad għandu jipprovdi inċentiv u opportunità għal kumpaniji għal aktar innovazzjoni, u b’hekk jipproduċu l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ applikazzjonijiet ta’ l-internet.

Bosta mill-kompjuters u s-servers il-ġodda li qed jinbiegħu minn manifatturi ewlenin diġà huma kompatibbli ma’ l-Ipv6, iżda jintlaħqu biss permezz ta’ l-indirizzi qodma tagħhom ta' l-IPv4. Il-‘backbone’ tan-netwerk ta’ l-Internet ta’ l-Ewropa għar-riċerka “GEANT” diġà huwa 100% kompatibbli ma’ l-Ipv6 u wassal biex l-Ewropa kisbet l-ogħla teħid ta’ indirizzi ta’ l-Ipv6 fi kwalunkwe reġjun fid-dinja. Madankollu, dan it-titjib għadu jrid jgħaddi għal ġo l-internet pubbliku. Jeħtieġ għalhekk azzjoni magħquda madwar l-Ewropa mill-atturi ta’ l-industrija kollha biex tiżgura li l-użu ta’ l-Ipv6 jikber malajr, flimkien ma’ netwerks ‘backbone’ ta’ l-internet li jappoġġaw kemm l-Ipv4 u l-IPv6.

Sadanittant, fil-Ġappun, l-NTT (Nippon Telecom and Telegraph) diġà għandha ‘backbone’ pubbliku ta’ l-Ipv6 u ċ-Ċina qed tippjana li timplimenta netwerks li huma kompatibbli kemm ma’ l-IPv4 u l-IPv6 qabel l-Olimpjadi ta’ Beġing. Il-gvern ta’ l-Istati Uniti qed jeżiġi l-IPv6 bħala rekwiżit għall-akkwist pubbliku, iżda fuq l-art, it-teknoloġija ta’ l-internet tagħhom għadha simili għal dik ta' l-UE.

F’Komunikazzjoni adottata llum, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex ipoġġu s-settur pubbliku Ewropew fuq quddiem fl-użu tas-sistema billi jemigraw in-netwerks ta’ l-internet tagħhom stess, is-siti ta’ l-internet tas-settur pubbliku u s-servizzi tal-Gvern elettroniku lejn l-Ipv6. Il-Kummissjoni tixtieq ukoll li s-siti ta’ l-internet ewlenin ta’ l-Ewropa jkunu l-pijunieri f’dan il-proċess u għandha l-għan li tirċievi impenji minn talanqas 100 operatur ewlieni ta’ siti ta’ l-internet Ewropej, bħal xandara jew servizzi onlajn ġodda, qabel tmiem l-2008. Is-sit ta’ l-internet tal-Kummissjoni stess Europa.eu ser ikun aċċessibbli bl-IPv6 sa l-2010. L-Istati Membri, biex jixprunaw l-iżvilupp ta’ l-industrija ta’ l-IT Ewropea, għandhom jużaw il-kundizzjoni ta’ l-Ipv6 għall-akkwist pubbliku, (kif diġa għamlu l-Kummissjoni Ewropea u l-gvern ta’ l-Istati Uniti), ikabbru l-għarfien ta’ negozji u organizzazzjonijiet u jgħinuhom fit-tranżizzjoni.

Il-Kummissjoni qed tistieden l-atturi ewlenin ta’ l-industrija biex jattendu avveniment ta’ tnedija fi Brussell fit-30 ta’ Mejju fejn ser tippreżenta din l-inizjattiva biex taċċellera l-użu ta’ l-Ipv6 fl-Ewropa.

Sfond:

Il-Kummissjoni investit € 90 miljun fir-riċerka ta’ l-IPv6. Fl-2002 il-Kummissjoni Ewropea nediet pjan ta’ azzjoni biex tipprepara l-emigrazzjoni ta’ l-IPv6, inkluż l-iżvilupp ta’ grupp kbir ta’ esperti b’esperjenza fl-użu ta’ l-Ipv6 (IP/02/284). B'riżultat ta’ dan, in-netwerks Ewropej tar-riċerka huma lesti għall-IPv6 u in-netwerk Ewropew GEANT (IP/08/354) hija l-pijuniera fl-użu ta’ l-IPv6. Aktar minn 30 proġett Ewropew tar-Riċerka u l-Iżvilupp li għandhom x’jaqsmu direttament ma’ l-IPv6 ġew iffinanzjati permezz tal-oqfsa tar-riċerka ta’ l-UE.

Pakkett għall-istampa li jinkludi l-komunikazzjoni tal-lum tal-Kummissjoni dwar l-IPv6 jinstab fuq il-websajt li ġej:

http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=4133

Anness

Projezzjoni tat-tmiem ta’ l-indirizzi ta’ l-Internet (IPv4) eżistenti

[ ]

Sors:  Alex Band RIPE NCC, abbażi ta’ dejta ġġenerata minn Geoff Huston APNIC


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website