IP/08/786
Brussell, it-23 ta’ Mejju 2008
Intejbu s-sigurtà u l-prestazzjoni
ambjentali tal-vetturi
Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li mill-2012
il-karozzi ġodda kollha jkollhom sistemi ta’ Kontroll Elettroniku
ta’ Stabbiltà (KES), biex is-sigurtà tal-vetturi titjieb
drastikament. B'żieda ma' dan, mill-2013 it-trakkijiet u
vetturi tqal oħrajn għandhom ikunu mgħammra bis-Sistema Avvanzata
għal Ibbrejkjar f'Emerġenza (SAIE) u s-Sistemi ta’ Twissija dwar
Ħruġ mil-Lejn (TĦL). Is-sena li għaddiet il-Kummissjoni
diġà pproponiet it-twaħħil obbligatorju ta’ Sistemi
ta’ Għajnuna fil-Brejk (SGB) fil-karozzi tal-passiġġieri
biex jitħarsu persuni fit-triq. Dawn il-miżuri jnaqqsu l-imwiet
fit-toroq b'madwar 5000 fis-sena. Fl-istess waqt il-Kummissjoni tipproponi
l-introduzzjoni obbligatorja fl-2012 ta’ tajers b’reżistenza
baxxa ta’ tidwir, li minbarra li jaħlu anqas fjuwil u jarmu anqas
emissjonijiet ta’ CO2 jistgħu jnaqqsu wkoll l-istorbju, filwaqt li
jżommu livell għoli ta’ sigurtà. Tajers
b’reżistenza baxxa ta’ tidwir jnaqqsu sa 7 grammi
ta’ CO2 għal kull km, għalhekk jikkontribwixxu mhux ftit
għall-istrateġija ta’ tnaqqis fis-CO2 għall-karozzi,
adottata fi Frar 2007. Il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet ta’ CO2
se jkomplu jitnaqqsu bl-introduzzjoni proposta ta’ Sistemi
għall-Monitoraġġ tal-Pressjoni tat-Tajers. Il-proposta
tal-Kummissjoni se tħassar aktar minn 150 Direttivi eżistenti u
minflok tfassal Regolament wieħed, li huwa direttament applikabbli fl-UE u
jirreferi għal standards armonizzati tan-NU.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Günter Verheugen,
responsabbli mill-Intrapriżi u l-Industrija, saħaq li: “Qed
nissimplifikaw il-leġiżlazzjoni. Intejbu s-sigurtà fit-toroq.
Nippromwovu l-effiċjenza tal-fjuwil. Qed nippreżentaw strateġija
ta’ politika integrata u moderna ta’ benefiċċju
għaċ-ċittadini, għall-ambjent u
għall-industrija.”
1. Il-Kummissjoni tipproponi li jiġu introdotti r-rekwiżiti
ta’ sigurtà li ġejjin:
- Sistemi ta’ Kontroll Elettroniku ta’ Stabbiltà (KES)
obbligatorji għal sensieli ta’ karozzi ġodda u vetturi
kummerċjali li għandhom jidħlu fis-seħħ mill-2012, biex
sa l-2014 il-karozzi l-ġodda jkunu kollha mgħammra bihom. Il-KES
jaħdem fuq is-sistemi ta' l-ibbrejkjar jew tas-saħħa ta'
vetturi sabiex jgħin lis-sewwieq fiż-żamma tal-kontroll
tal-vetturi f'qagħdiet kritiċi (ikkawżati, pereżempju, minn
kundizzjonijiet ħżiena fit-toroq jew veloċità
eċċessiva waqt tidwir ta’ kantunieri). Barra li jevita l-imwiet,
l-użu wiesa’ tal-KES fil-vetturi jista’ jnaqqas sinifikament
it-traffiku kkawżat minn inċidenti li jinvolvu vetturi kbar.
- Is-Sistema Avvanzata għal Ibbrejkjar f'Emerġenza (SAIE) fuq
vetturi kbar, li tħaddem sensers li javżaw lis-sewwieq meta l-vettura
tkun qrib wisq tal-vettura quddiemha, u f’ċerti sitwazzjonijiet,
tħaddem l-ibbrejkjar ta’ emerġenza biex tipprevjeni ħabta,
jew tnaqqas il-konsegwenzi ta’ ħabta (mill-2013).
- Sistemi ta’ Twissija dwar Ħruġ mil-Lejn (TĦL)
fuq vetturi kbar bħala għajnuna għas-sewwieqa billi
javżawhom meta l-vettura tkun f’periklu li toħroġ mil-lejn
b’mod mhux intenzjonat, l-aktar minħabba nuqqas ta’ attenzjoni
min-naħa tas-sewwieq (mill-2013).
- B’żieda ma’ dan,
f'Ottubru 2007 il-Kummissjoni pproponiet li mill-2009 il-karozzi
tal-passiġġieri jeħtieġ li jkunu mgħammra
bis-Sistemi ta' Għajnuna fil-Brejk (SGB). Kieku l-karozzi Ewropej
kollha kellhom ikunu mgħammra bl-SGB, jafu jiġu evitati ma'
l-1100 mewta kull sena. L-użu ta' l-SGB tista' tnaqqas b'mod
konsiderevoli d-distanza ta' waqfien ta' vettura f'każ ta' emerġenza
bl-effett li l-ħabta ma' persuna tkun evitata kompletament jew ta’
l-anqas isseħħ b'veloċità wisq anqas qawwija (ara IP
/07/1453).
- F’konformità mar-rakkomandazzjoni tar-rapport CARS 21, se
jitħassru aktar minn 50 Direttiva eżistenti u aktar minn
100 Direttiva ta' emenda se jinbidlu fejn ikun possibbli b’referenzi
għal Regolazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.
2.
Rekwiżiti ġodda għat-tajers
- Tajers b’Reżistenza Baxxa ta’ Tidwir (TRBT) se jsiru
obbligatorji mill-2012. Dawn inaqqsu il-konsum tal-fjuwil billi jnaqqsu
r-reżistenza għall-moviment li sseħħ meta jdur it-tajer,
ikkawżata l-aktar mid-diformazzjoni tar-rota jew tat-tajer jew minn toroq
ħżiena. Ir-reżistenza għat-tidwir tiddependi ħafna fuq
il-materjal tar-rota jew tat-tajer u tista’ titnaqqas pereżempju
bl-użu ta’ silica fil-kompożizzjoni tal-parti tat-tajer li tmiss
l-art. Biex jiġu evitati impatti negattivi fuq is-sigurtà, se
jiġu introdotti rekwiżiti espliċiti dwar is-sigurtà flimkien
ma' standards ġodda dwar l-istorbju.
- Is-Sistemi għall-Monitoraġġ tal-Pressjoni tat-Tajers
(SMPT), li se jsiru obbligatorji mill-2012, javżaw lis-sewwieq meta
t-tajer ikun minfuħ sinifikament anqas mill-pressjoni ideali.
Iż-żamma ta' tajer minfuħ tajjeb huwa essenzjali kemm
għall-effiċjenza tal-fjuwil kif ukoll għal prestazzjoni tat-tajer
aħjar. Tajers baxxi jistgħu joħolqu żieda ta’ 4 %
fil-konsum tal-fjuwil filwaqt li jnaqqsu l-ħajja tat-tajer
b’45 %. It-tajers jistgħu jitilfu 3-6 % mill-pressjoni
fix-xahar, u jista' jkun li s-sewwieq lanqas biss jinduna b'dan. Tajers baxxi
huwa fattur importanti li joħloq l-inċidenti
fit-toroq.
Riċerka li saret mit-TNO fl-Olanda sabet li
l-potenzjal ta’ konsum anqas ta’ fjuwil ta' TRBT u SMPT
f'karozzi tal-passiġġieri huwa ta' 3 % u 2.5 %
rispettivament. Għal karozzi ġodda bi prestazzjoni mistennija
taċ-ċiklu ta’ l-ittestjar tal-magna ta’ 130 g CO2/km
dan ikun ifisser tnaqqis addizzjonali ta' aktar minn 7 g CO2/km
(3.9 TRBT u 3.25 SMPT). Il-potenzjal għat-tnaqqis tas-CO2
tal-TRBT u SMPT fuq karozza attwali (b’ċiklu ta’ ittesjtar
ta’, pereżempju, 160g) ikun akbar minn 7kg/tunnellata.
Sistemi ta’ Sigurtà Avvanzati
Stimi preliminarji jissuġġerixxu li l-proposti l-ġodda
għat-twaħħil ta’ sistemi avvanzati f’vetturi tqal
fl-aħħar mill-aħħar jista’ jsalva sa
2500 ħajja fis-sena (madwar 500 bil-KES u 1000 kull wieħed
bis-SAIE u t-TĦL) u ħafna aktar ħajjiet barra mill-UE
minħabba li l-leġiżlazzjoni tinkoraġġixxi
lill-manifatturi biex iwaħħlu l-KES bħala standard għal
firxa usa’ ta’ swieq. It-twaħħil tal-KES fil-karozzi jaf
isalva madwar 2000/2500 ħajja fis-sena. Il-proposta tippermetti
t-twaħħil b’għażla tas-SAIE u t-TĦL fil-karozzi,
dan sakemm jintlaħqu ċertu standards.
Għal aktar tagħrif:
http://ec.europa.eu/enterprise/automotive/safety/new_package.htm