Sélecteur de langues
Chemin de navigation
IP/08/774
Brussell, l-20 ta' Mejju 2008
Il-President Barroso qal: "Dan huwa mument kruċjali għall-UE u għal Sħabna tal-Mediterran. Il-proċess ta' Barcelona wera l-valur tiegħu biex jinbnew pontijiet bejn l-imsieħba fil-Mediterran. L-impuls mill-Presidenza tal-UE Franċiża li jmiss hija opportunità biex tissaħħaħ u tkun ikkumplimentata din il-kooperazzjoni. Iżda hemm bżonn rieda politika iktar qawwija, bejn iż-żewġ naħat tal-Mediterran, biex tinħataf din l-opportunità biex jitjieb il-ftehim, il-paċi u l-prosperità fin-nazzjonijiet, kulturi u reliġjonijiet tagħna kollha għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna."
Benita Ferrero-Waldner, il-Kummissarju responsabbli mir-Relazzjonijiet Esterni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, żiedet tgħid li: Il-Proċess ta' Barcelona għandu s-sostenituri u l-kritiċi tiegħu. Waqt li nirrikonoxxu li sar ħafna xogħol fit-13-il sena ta' Sħubija, konxji wkoll li għad hemm ħafna xi jsir biex ir-riżultati futuri jilħqu l-aspettattivi. Għandna impenn qawwi lejn ir-reġjun tal-Mediterran. Il-proposti tal-lum juru dan l-impenn, u x-xewqa tagħna għal sħubija iktar koerenti bbażata fuq il-ko-proprjetà tal-proċess."
Il-Komunikazzjoni tal-lum tqis ir-riżultati tal-Proċess ta' Barcelona u tikkontempla l-iniżjattiva l-ġdida biex tkompli tirrinforza dawn is-suċċessi, waqt li tammetti wkoll in-nuqqasijiet li kkompromettew żvillupp iktar mgħaġġel.
Waqt li l-Politika Ewropea tal-Viċinat diġà tindirizza l-bżonnijiet tar-reġjun b'approċċ differenzjat fir-relazzjonijiet bilaterali ma’ l-imsieħbatal-Mediterran, il-Proċess ta' Barcelona: Unjoni għall-Mediterran għandha tikkumplimenta dan billi tkompli tibni fuq il-punti sodi bħala espressjoni ta' l-impenn politiku tar-reġjun.
Il-policy paper twieġeb għat-talba tal-Kunsill Ewropew tat-13/14 ta' Marzu, li japprova l-prinċipju ta' Unjoni għall-Mediterran u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti li jiddefinixxu l-modalitajiet tagħha. Id-Dikjarazzjoni ta' Barcelona u l-acquis tagħha jibqgħu s-sinsla ta' l-inizjattiva l-ġdida u l-miri tagħha u l-oqsma ta' kooperazzjoni jibqgħu validi.
Madanakollu, ir-relazzjoni politika mtejjba testendi u ssaħħaħ il-livell politiku u l-qafas għall-kooperazzjoni. Din tipprevedi samits tal-Kapijiet tal-Gvern darbtejn f'sena, u t-twaqqif ta' ko-Presidenza biex tieħu ħsieb dawn is-samits u l-laqgħat annwali ta' l-Affarijiet Barranin ministerjali, laqgħat settorjali ministerjali kif ukoll ta' uffiċjali għolja u laqgħat tal-Kumitat tal-Euromed. Segretarjat konġunt se jkun stabbilit biex jippromwovi u jsegwi proġetti, waqt li l-Kummissjoni tipproponi wkoll il-ħolqien ta' kumitat permanenti ta' rapprezentanti Ewro-Mediterranji.
Il-proġetti huma fil-qalba ta' l-iniżjattiva l-ġdida. Il-Kummissjoni identifikat l-oqsma possibbli għall-proġetti li jaħsbu biex jipprowmovu it-tkabbir, ix-xogħol, il-koeżjoni reġjonali u l-integrazzjoni ekonomika. Dawn l-oqsma jinkludu l-enerġija u s-sigurtà ta' l-enerġija, l-ambjent, il-protezzjoni ċivili u t-trasport.
L-implimentazzjoni ta' proġetti bħal dawn se tkun dipendenti fuq il-mobilizzazzjoni ta' fondi addizzjonali barra minn dawk allokati tradizzjonalment mill-baġit eżistenti. Riżorsi finanzjarji huma mistennija li jiġu mis-settur privat, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u kooperazzjoni bilaterali u kontribuzzjonijiet minn Stati Membri tal-UE u l-Imsieħba tal-Mediterran.
Sfond
Minn meta fl-1995, beda l-Proċess ta' Barcelona kien strument
ċentrali għar-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji, li jirrappreżenta
sħubija ta' 39 gvern u iktar minn 750 miljun persuna. Il-proċess kien
il-mutur tal-moviment lejn il-paċi, is-sigurtà u l-prosperità
komuni fir-reġjun fejn konflitti twal u sforzi ta' riforma dgħajfa
spiss irrestrinġew il-progress. F'dan l-isfond is-Sħubija tipprovdi
qafas għal djalogu, impenn u żvilupp. Il-Kummissjoni Ewropea
appoġġjat il-Proċess ta' Barcelona billi pprovdiet iktar minn
€16-il biljun mill-baġit Komunitarji mill-1995.
Għal aktar
tagħrif:
http://ec.europa.eu/external_relations/euromed/index.htm