Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/750

Brussell, il-15 ta' Mejju 2008.

L-20 ta' Mejju: l-Istituzzjonijiet Ewropej jistabbilixxu Jum Marittimu Ewropew

L-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tiċċelebra l-kisbiet u l-potenzjal ta' l-oċean u l-ibħra Ewropej billi ddikjarat l-20 ta' Mejju bħala "l-Jum Marittimu Ewropew". Iċ-ċerimonja ta' tnedija uffiċjali ser issir fi Strasburgu, fejn il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso, il-President tal-Kunsill Janez Janša u l-President tal-Parlament Ewropew Hans-Gert Pöttering se jiffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta Tripartitika. Il-Jum Marittimu Ewropew se jipprovdi okkazzjoni biex jiġi enfasizzat ir-rwol kruċjali li għandhom l-oċeani u l-ibħra fil-ħajja ta' kuljum, mhux biss tal-komunitajiet fuq ix-xtut, imma għaċ-ċittadini kollha ta' l-UE, kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi b'mod ġenerali. Ibbażat fuq proposta tal-Kummissjoni, dan il-Jum Marittimu se jħeġġeġ liċ-ċitadini u l-atturi kollha involuti biex iħarsu iktar iż-żoni kostali, l-ibħra u l-oċeani.

"Il-baħar, is-setturi marittimi u r-riżorsi marittimi huma essenzjali għall-prosperità u r-riżq ta' l-Ewropa. Bit-twaqqif ta' Jum Marittimu Ewropew, bħala Ewropej irridu niċċelebraw din ir-realtà u noħolqu għarfien dwar l-opportunitajiet marittimi u l-Politika Marittima Integrata l-ġdida tagħna", qal il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso.

"L-għażla ta' ġurnata speċjali fis-sena biex titfakkar l-importanza ta' l-oċeani u l-ibħra hija mod ta' kif nippromwovu r-riżq u l-ġid ta' l-Ewropej kollha f'din l-era ta' globalizzazzjoni", iddikjara Joe Borġ, il-Kummissarju għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi. Żied jgħid: "Din hija idea li rċeviet appoġġ wiesa' matul il-proċess kollu ta' konsultazzjoni dwar il-Politika Marittima Integrata l-ġdida."

Il-Kummissjoni tispera li ċ-ċittadini u l-partijiet interessati kollha li jgħixu u jaħdmu fir-reġjuni marittimi Ewropej jaħtfu din l-okkazzjoni biex jesponu l-kontribut tagħhom lejn l-Ewropa kollha, u biex jistimulaw dibattitu wiesa' dwar l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom.

L-ewwel Jum Marittimu Ewropew fl-20 ta' Mejju 2008 se jaħbat fl-istess ġurnata ta' vot fil-Parlament Ewropew fuq rapport dwar il-Politika Marittima Integrata ta' l-UE. Ir-rapport jenfasizza, fost l-oħrajn, id-dimensjoni marittima eċċezzjonali mogħtija lill-UE mill-kosta estensiva, il-gżejjer u r-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha. Tissottolinja wkoll l-opportunitajiet uniċi offruti mis-settur marittimu bħall-innovazzjoni, ir-riċerka, l-ambjent u l-bijodiversità, u ssejjaħ biex il-Politika Marittima Integrata li qed tissawwar tqishom bis-sħiħ. Iżjed minn hekk, ir-rapport jisħaq kemm huwa essenzjali l-involviment tar-reġjuni u s-sħab lokali biex il-politika marittima tkun suċċess, u jitkellem favur kooperazzjoni eqreb fost ir-reġjuni tal-kosta ta' l-Ewropa.

B'mod parallel, il-Kummissjoni Ewropea se torganizza Konferenza tal-Partijiet Interessati, miftuħa għall-istampa, fi Brussell fid-19 u l-20 ta' Mejju. Il-programm jinkludi interventi ewlenin mill-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi Joe Borġ, il-Membru tal-Parlament Ewropew u Relatur għall-Politika Integrata Marittima Willi Piecyk, u l-ewwel Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni u Sindku u MP ta' Dunkirk, Michel Delebarre. Ser ikun hemm Bord Ministerjali mmexxi mill-Presidenza Slovena u se jieħdu sehem fih membri tal-Gvernijiet ta' Franza, il-Ġermanja, il-Portugall u n-Norveġja. Id-diskussjonijiet se jiffukaw fuq kif jista' jinġieb 'il quddiem djalogu kontinwu fost il-partijiet interessati b'appoġġ għall-iżvilupp ta' Politika Marittima Integrata u jiġi żgurat li l-politika l-ġdida tkun adattata għad-dimensjonijiet reġjonali ta' l-affarijiet marittimi.

Minn mindu l-Kummissjoni Ewropea f'Ottubru 2007 għamlet il-proposta għal Politika Marittima Integrata u l-approvazzjoni sussegwenti tagħha mill-Kapijiet ta' l-Istat u l-Gvern fil-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007, sar progress reali lejn il-bini ta' kwadru koerenti biex jippromwovi sinerġiji u jsolvi konflitti potenzjali bejn oqsma different ta' politika relatati mal-baħar. B'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni dettaljat ippubblikat f'Ottubru, il-Kummisjoni nfisha ġa ppreżentat proposti għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, għat-tisħiħ ta’ l-iżvilupp tal-portijiet ta' l-UE u l-bliet portwali, biex teżamina mill-ġdid il-qafas soċjali li jirregola x-xogħol ta’ tbaħħir, kif ukoll biex tippromwovi qbil aħjar bejn il-politika ta' l-enerġija u l-politika marittima. Għamlet ukoll eżerċizzju ta' analiżi dwar is-sistemi ta' sorveljanza marittima, u l-attivitajiet u l-kompetenzi ta' l-Istati Membri lil hinn mix-xtut.

Link għall-Jum Marittimu Ewropew

http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/maritime-day-2008_en.html


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website