Navigation path

Left navigation

Additional tools

Konsumaturi: L-UE-UEFA jniedu linja tat-telefon ta' għajnuna għal sapporters li se jivvjaġġaw biex jaraw l-EURO 2008

European Commission - IP/08/749   15/05/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/08/749

Brussell, il-15 ta' Mejju 2008

Konsumaturi: L-UE-UEFA jniedu linja tat-telefon ta' għajnuna għal sapporters li se jivvjaġġaw biex jaraw l-EURO 2008

Il-Kummissarju ta' l-UE għall-konsumatur, Meglena Kuneva, illum ħabbret it-tnedija ta' kampanja ta' tagħrif ta' l-UE-UEFA u l-linja tat-telefon ta' għajnuna biex jingħataw pariri lis-sapporters li se jivvjaġġaw biex jaraw l-EURO 2008 dwar il-jeddijiet tagħhom bħala konsumaturi u biex ikun offrut sostenn lil dawk li jiltaqgħu ma' problemi. Il-kampanja tittratta kwistjonijiet tal-konsumatur – minn biljetti foloz tal-logħob għal trasferiment ta' biljetti f'każ ta' mard, għal ivvjaġġar bl-ajru, l-ispejjeż tar-roaming, l-assigurazzjoni tas-saħħa ta' l-UE u l-problemi bix-xiri barra minn pajjiż il-konsumatur. Fuljett onlajn ta' l-UE-UEFA għall-konsumatur li jistabbilixxi pariri ċari għas-sapporters li se jivvjaġġaw għat-turnament hu disponibbli mil-lum fuq www.euro2008.com kif ukoll fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea fuq www.supportersrights.eu. Servizz tal-linja tat-telefon ta' għajnuna għad-drittijiet tal-konsumaturi b'xejn se jkun disponibbli – fil-lingwi kollha ta' l-UE- tul it-turnament mill-1 ta' Ġunju 2008 – linja tat-telefon ta' għajnuna b'xejn għad-drittijiet tas-sapporters 00800 6 7 8 9 10 11.

Il-Kummissarju Kuneva qalet: "Il-messaġġ tagħna huwa ċar: Bħala ċittadin ta' l-UE, għandek jeddijiet tal-konsumatur b'saħħithom ħafna. Kun afhom u użahom! Irridu li s-sapporters ikollhom l-aħjar esperjenza possibbli meta jivvjaġġaw lejn l-EURO 2008 – u li jifhmu l-jeddijiet tagħhom bħala konsumaturi se jgħinhom bil-kbir. Din il-kampanja hi dwar l-għoti lill-pubbliku ta' pariri prattiċi tal-konsumatur. Għalhekk il-fuljett jistabbilixxi 10 affarijiet li għandek tkun taf qabel titlaq u l-linja tat-telefon ta' għajnuna tinsab hemm biex issolvi l-problemi għas-sapporters meta jaslu fil-post. Gawdi t-turnament!

Il-President tal-UEFA, Michel Platini, qal: "Ninsab kuntent li l-UEFA u l-Kummissjoni Ewropea ħadmu flimkien biex joħolqu din il-linja tat-telefon ta' għajnuna u jipproduċu din il-gwida. Din l-inizjattiva se tgħin lis-sapporters mill-pajjiżi kollha biex igawdu l-mawra tagħhom fl-Awstrija u fl-Iżvizzera.

Il-linja tat-telefon ta' għajnuna

Il-linja tat-telefon ta' għajnuna għall-konsumatur ta' l-UE se tkun miftuħa tul ix-xahar sħiħ ta' Ġunju 2008, biex twieġeb għal kwalunkwe mistoqsijiet li s-sapporters jista' jkollhom dwar id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi: mill-affarijiet li huma intitolati għalihom sa jekk it-titjira tagħhom tħassritx, dwar dak li għandhom jagħmlu jekk il-prodott li jixtru hu difettuż, sa liema kopertura medika għandhom.

Il-linja tat-telefon ta' għajnuna, li hija pprovduta bis-sostenn tas-servizz ta' Europe Direct hi mingħajr ħlas[1], mill-pajjiżi ta' l-UE kollha u se tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-UE.

Is-sapporters u l-konsumaturi jistgħu jċemplu mid-9h00 sas-18h30 CET fost il-ġimgħa fuq 00 800 6 7 8 9 10 11 minn kullimkien fl-UE. In-numru standard + 32-2-299.96.96 hu disponibbli għal min iċempel minn kullimkien fid-dinja (l-ispejjeż normali japplikaw). Is-sapporters li jċemplu mill-Iżvizzera huma mistiedna jużaw l-aħħar numru.

Il-linja tat-telefon ta' għajnuna se tittratta l-kwistjonijiet tal-konsumatur – bħall-jeddijiet tal-passiġġieri ta' l-ajru, il-jeddijiet tax-xerrejja, l-ispejjeż tar-roaming tal-mowbajl u l-qtugħ tal-biljetti – kif stipulat fil-fuljett. Meta l-mistoqsijiet mhumiex relatati direttament mal-kwistjonijiet tal-konsumatur, il-linja tat-telefon ta' għajnuna sejra, fejn tista', tipprovdi punti ta' kuntatt alternattivi għal għajnuna.

Għandek bżonn ta’ aktar tagħrif?
Il-kampanja ta' l-UE-UEFA hi mmexxija bl-appoġġ tan-netwerk tas-27 Ċentru tal-Konsumatur Ewropew (ECC NET). In-netwerk taċ-ċentru ta' l-ECC se jipprovdi pariri lis-sapporters dwar il-kwistjonijiet tal-konsumatur qabel ma jitilqu u jipprovdi sostenn supplimentari – jikkuntattja lill-kumpaniji jew isegwi l-ilmenti – lis-sapporters ladarba jaslu d-dar. Il-lista tas-27 Ċentru tal-Konsumatur Ewropew tinsab fuq:

http://ec.europa.eu/consumers/redress_cons/docs/ecc_network_centers.pdf

Filwaqt li hemm Ċentri tal-Konsumatur Ewropew fil-pajjiżi bħan-Norveġja jew l-Iżlanda, parti miż-ŻEE (Żona Ekonomika Ewropea), ma hemm l-ebda ECC fl-Iżvizzera.
Iċ-Ċentru tal-Konsumatur Ewropew fl-Awstrija se jkun quddiemnett biex jgħin lis-sapporters u lill-konsumaturi li jmorru jaraw l-avvenimenti ta' l-isports hemm. Minjiera sħiħa ta' tagħrif utli dwar il-jeddijiet tal-konsumatur u dwar it-turnament tinsab bl-Ingliż u bil-Ġermaniż fuq il-websajt taċ-Ċentru dwar l-EURO 2008 fuq:

www.europakonsument.at/euro2008

Il-konsumaturi u s-sapporters fl-Awstrija jistgħu jikkuntattjaw ukoll liċ-Ċentru tal-Konsumatur Ewropew fuq il-linja diretta tiegħu (bil-Ġermaniż u bl-Ingliż – disponibbli biss fl-Awstrija) 0810 - 810 225.

Sfond: UEFA EURO 2008

L-"EURO" hu l-Kampjonat tal-Futbol Ewropew tal-UEFA, li jsir kull erba' snin. UEFA EURO 2008 se jsir fl-Awstrija u l-Iżvizzera, iż-żewġ organizzaturi bi sħab. Madwar ħames miljun sapporter tal-futbol huma mistennija jivvjaġġaw biex jaraw it-turnament, u jaraw il-logħba fi grawnds u fuq skrins kbar f'żoni mfassla speċifikament għas-sapporters.

Il-logħba tal-ftuħ se ssir fis-7 ta' Ġunju f'Basel, u l-logħba finali fis-29 ta' Ġunju fi Vjenna. Tmient ibliet fiż-żewġ pajjiżi se jorganizzaw l-avveniment. B'kollox se jieħdu sehem fit-turnament 16-il tim, maqsuma l-istess f'erba' gruppi ta' erba' timijiet. Grupp A: L-Iżvizzera, ir-Repubblika Ċeka, il-Portugall u t-Turkija; Grupp B: l-Awstrija, il-Kroazja, il-Ġermanja u l-Polonja; Grupp C: l-Olanda, l-Italja, ir-Rumanija u Franza; Grupp D: Il-Greċja, l-Iżvezja, Spanja u r-Russja.

Għal aktar informazzjoni dwar it-turnament ta' l-EURO 2008:

Mur fuq http://www.euro2008.com

Għal aktar tagħrif dwar il-jeddijiet tal-konsumatur:

http://ec.europa.eu/consumers/index_en.htm

Għal aktar informazzjoni dwar is-Servizz Europe Direct:

http://ec.europa.eu/europedirect/index_en.htm


[1] * Ċerti operaturi tat-telefon ċellulari ma jippermettux aċċess għan-numri 00800 jew dawn it-telefonati jista’ jkunu bi ħlas.

f’ċerti każijiet, dawn it-telefonati jistgħu jkunu bi ħlas mill-kabini tat-telefon jew mil-lukandi.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website