Navigation path

Left navigation

Additional tools

14-il film iffinanzjat mill-UE jerħulha lejn Cannes

European Commission - IP/08/741   14/05/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/08/741

Brussell, l-14 ta' Mejju 2008

14-il film iffinanzjat mill-UE jerħulha lejn Cannes

14-il film, li bejniethom jirrappreżentaw total ta' €900 000 ta' kofinanzjament mill-programm MEDIA ta' l-Unjoni Ewropea, intgħażlu biex jintwerew fil-61 Festival Internazzjonali tal-Films ta' Cannes, li jiftaħ illum. Din il-viżibbiltà kbira tal-films Ewropej se tiġi ċċelebrata fid-19 ta' Mejju, fil-Jum Ewropew f'Cannes, meta l-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso, il-Kummissarju Ewropew tal-Midja Viviane Reding, u l-President tal-Festival Gilles Jacob, lill-ministri Ewropej tal-Politika Awdjoviżiva sejrin jistidnuhom jiddiskutu l-kooperazzjoni internazzjonali fil-films, u jagħtu ġieħ speċjali lir-reġista Portugiż Manoel de Oliveira. Il-Jum Ewropew din is-sena se jkun taħt il-patroċinju tar-reġista Rumen Cristian Mungiu, ir-rebbieħ tal-premju Palme d'Or fl-2007.

"L-Ewropa tista' tkun kburija bid-diversità kulturali u l-attrazzjoni dinjija taċ-ċinema vibranti tagħha", qal José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea. "Produzzjonijiet Ewropej bħal 'La Môme", 'Das Leben der Anderen', 'Belle Toujours' u 'Kontroll' gawdew suċċessi kbar fil-festivals internazzjonali tal-films, u rawhom miljuni ta' nies, u b'hekk madwar id-dinja xandru l-messaġġ li l-Ewropa hija 'Magħquda fid-Diversità'."

"Il-films Ewropej huma prominenti fil-programm ta' Cannes fl-2008," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju Ewropew għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u l-Midja. "Imma l-industrija Ewropea tal-films għadha tħabbatha ma' sfidi importanti fl-Ewropa u fis-swieq dinjija. Għaldaqstant, matul Jum l-Ewropa f'Cannes, sejrin nesploraw kif nistgħu nsawru sħubijiet internazzjonali bbażati fuq il-koooperazzjoni u r-reċiproċità biex nippromwovu aktar attivament il-koproduzzjoni u d-distribuzzjoni tal-films."

Il-President Barroso sejjer jiftaħ il-laqgħa tal-Ministri fid-19 ta' Mejju taħt il-bandarola multilingwi "Cinema, Dianying yan, Kino, Chalchitra, Cine: nibnu dinja ta' skambji".Ministri, reġisti u parteċipanti mill-industrija tal-films sejrin jiddiskutu dwar kif nistgħu nintensifikaw l-iskambji awdjoviżivi bejn il-pajjiżi ta' l-UE u nisfruttaw ftehimiet ġodda bejn l-UE u reġjuni oħra tad-dinja. Sejrin jesploraw ukoll modi kif jistimulaw inizjattivi konġunti bejn id-distributuri tal-films, l-operaturi tas-swali taċ-ċinema u ċ-ċentri tat-taħriġ mill-Ewropa u minn pajjiżi oħra.

Tnax-il Ministru diġà kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom, partikolarment minn Franza, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Portugall, ir-Renju Unit, is-Slovenja u l-Ungerija. Il-Kroazja, li aktar kmieni din is-sena saret l-ewwel pajjiż kandidat li daħal fil-programm MEDIA (IP/08/450),ukoll sejra tibgħat għal-laqgħa l-Ministru tal-Kultura tagħha.

Filgħaxija tad-19 ta' Mejju, se jintwera fil-Croisette il-film "Douro, Faina, Fluvial (1930)" b'turija ta' ġieħ lir-reġista Portugiż Manoel de Oliveira. "Qed nistenna bil-ħerqa dan l-avveniment kulturali speċjali ħafna, minħabba li minn dejjem ammirajt ix-xogħlijiet ta' Manoel de Oliveira, u wkoll minħabba li l-film jiżvolġi fir-reġjuni fejn għaddejt tfuliti," qal il-President tal-Kummissjoni Barroso.

Sfond:

Films appoġġati mill-MEDIA diġà kienu trijunfanti fl-Oscars din is-sena, fejn il-film The Counterfeiters (Die Fälscher/Awstrija-Ġermanja) rebaħ il-premju għall-aqwa film b'lingwa barranija u La vie en Rose (La Môme/Franza) rebaħ il-premjijiet għall-aħjar attriċi u l-aħjar irtokk (IP/08/298). Fis-selezzjoni tal-Festival ta' Cannes tas-sena li għaddiet kien hemm 11-il film li kienu rċevew appoġġ mill-UE (IP/07/676).

Ara l-Anness għal dettalji fil-qosor dwar fil-ms iffinanzjati mill-UE li se jintwerew f'Cannes fl-2008.

Għal aktar tagħrif dwar il-programm MEDIA ta' l-UE are:

http://ec.europa.eu/avpolicy/media/

Dwar il-Festival tal-Films ta' Cannes, ara:

http://www.festival-cannes.fr/

Anness: L-14-il film iffinanzjat mill-UE f'Cannes 2008

Il-Kompetizzjoni Uffiċjali:

Gomorra, reġija ta' Matteo Garrone (finanzjament ta' l-UE mill-MEDIA: €45 000) – Dramm dwar il-Mafia Naplitana bbażat fuq rumanz ta' Roberto Saviano.

Delta, reġija ta' Kornél Mundruczó (€100 000) – Mihail jerġa' lura d-dar għall-funeral ta' missieru. Jiltaqa' ma' oħtu għall-ewwel darba, u jinħabbu.

La frontière de l'Aube, reġija ta' Philippe Garrel (€50 000) – Fotografu żagħżugħ f'viżjoni jara lill-eks maħbuba tiegħu, attriċi li qatlet lilha nnifisha wara li jkun barriha minn ħajtu, u li issa ġiet tidhirlu.

Le silence de Lorna, reġija ta' Luc u Jean-Pierre Dardenne (€202 500) – Mara Albaniża biex tikseb permess ta' residenza fil-Belġju tiżżewweġ raġel ivvizzjat bid-droga.

The Palermo Shooting, reġija ta' Wim Wenders (€50 000) – Fotografu Ġermaniż jaqtagħha li jgħaddi vaganza f'Palermo, fejn jiltaqa' ma' żagħżugħa u ħajjitha hekk differenti minn tiegħu.

Turijiet speċjali:

Sangue pazzo, reġija ta' Marco Tullio Giordana (€111 600) – Atturi famużi taċ-ċinema Faxxista, li kienu parti mir-Repubblika ta' Salò, kienu akkużati li kkollaboraw mar-reġim u li wettqu t-tortura, u nqatlu mill-Partiġani wara l-liberazzjoni ta' l-Italja.

Entre Les Murs, reġija ta' Laurent Cantet (€30 000) – L-istorja ta' għalliem Franċiż fi skola sekondarja ġewwa żona diffiċli.

Un Certain Regard:

Tulpan, reġija ta' Sergey Dvortsevoy (€40 000) - Bulat spiċċa s-servizz militari tiegħu fil-Marina Russa, u jerġa' lura fl-isteppa tal-Każakstan biex isir ragħaj. Ikun jeħtieġlu jitgħallem is-sengħa u jiżżewweġ.

Il-ġimagħtejn tar-Reġisti:

Eldorado (magħruf ukoll bl-isem Léa), reġija ta' Bouli Lanners (€51 500) - Yvan jiżviluppa affezzjoni stramba għal Elie, adolexxenti li jidħollu f'daru biex jisirqu, u jaqtagħha li jwasslu lura għand il-ġenituri tiegħu.

Elève libre, reġija ta' Joachim Lafosse (€82 500) – Il-ħolm ta' Jonas li jsir plejer professjonali tat-tenis jisfgħu fix-xejn meta jeħel mill-eżamijiet. Idur fuq Pierre għall-għajnuna. Ir-relazzjoni paterna tagħhom ta' mgħallem u student bil-mod il-mod issir waħda kumplessa u ambigwa ta' dipendenza u manipulazzjoni.

Salamandra, reġija ta' Pablo Aguero (€26 000)It-tfajjel ta' sitt snin Inti jkun qed jgħix ma' nanntu meta tiġi lura Alba biex tkaxkru magħha fi vjaġġ miġnun lejn wied leġġendarju fil-Patagonja.

Les Bureaux de Dieu, reġija ta' Claire Simon (€16 000) – Il-funzjonament ta' kuljum taċ-ċentru ta' l-ippjanar tal-familja fejn in-nisa jiġu biex jiksbu tagħrif dwar għażla li jkollhom jew li jkunu jridu jagħmlu.

Il-Ġimgħa tal-Kritiċi Internazzjonali:

Better Things, reġija ta' Duane Hopkins (€90 500) – Grupp ta' żgħażagħ jikbru flimkien fil-Cotswolds, u jesperjenzaw l-ewwel tqanqiliet sesswali, it-telqa bla interess ta' xejn u l-użu tad-drogi.

Home, reġija ta' Ursula Meïer (€50 000) – L-istorja ta' ponn nies li bil-mod il-mod jinqatgħu mid-dinja u jispiċċaw jinqaflu ġewwa għal rashom.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website