Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE EL

IP/08/6

Brussell, it-3 ta’Jannar 2008

Iċ-Ċiprijotti u l-Maltin jaqbdu jużaw l-ewro mill-ewwel

Ċipru u Malta adottaw l-ewro fl-1 ta’ Jannar. Kollox jindika li l-operazzjoni tal-bidla qed tipproċedi mingħajr intoppi u mingħajr inċidenti notevoli. Fit-2 ta’ Jannar, għadd sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet f’kontanti diġà saru fiż-żewġ pajjiżi, u madwar 40% taċ-ċittadini kellhom biss, jew kellhom l-aktar kontanti ta’ l-ewro fil-kartieri u l-portmonijiet tagħhom.

Mill-1 ta’ Jannar, l-ewro huwa l-valuta ta’ Ċipru u ta’ Malta, u l-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-ewro huma valuta legali fiż-żewġ ġżejjer.

Fit-2 ta’ Jannar, skond stħarriġ li għamlet il-Kummissjoni, il-bejjiegħa bl-imnut f’92% u 91% tat-tranżazzjonijiet kollha li seħħew rispettivament f’Ċipru u Malta, taw il-bqija f’ewro. F’Malta, il-ħlasijiet f’kontanti bdew isiru mingħajr xkiel wara l-ewwel ftit każijiet tal-bidu ta' nuqqas ta' bqija f'punti tal-bejgħ bl-imnut, partikolarment fl-1 ta' Jannar meta l-banek kienu għadhom magħluqin u ċerti klijenti kienu qed jużaw karti tal-flus nazzjonali b'denominazzjonijiet għolja biex ma jkollhomx jidħlu l-bank jibdluhom aktar tard. Il-bidu tas-sales tax-xitwa fit-2 ta’ Jannar f’Malta żied ukoll l-ammont ta’ tranżazzjonijiet f’kontanti iżda ma ġewx irrappurtati komplikazzjonijiet notevoli.

Skond l-istħarriġ tal-Kummissjoni, meta ġew mistoqsija dwar il-kontenut tal-kartieri u l-portmonijiet tagħhom fit-2 ta’ Jannar, 12% ta’ min wieġeb f’Ċipru kellu biss karti tal-flus ta’ l-ewro, filwaqt li 31% addizzjonali kellhom l-aktar, karti tal-flus ta' l-ewro. Iċ-ċifri rispettivi għall-muniti kienu ta’ 20% u 26%. F’Malta, 42% kellhom biss jew kellhom l-aktar karti tal-flus ta’ l-ewro u saħansitra 52% kellhom biss, jew kellhom l-aktar, muniti ta’ l-ewro fil-kartieri tagħhom.

Fir-rigward tal-ħlasijiet f’kontanti fit-2 ta’ Jannar, 28% taċ-Ċiprijotti qalu li ħallsu bl-ewro, filwaqt li 68% baqgħu jużaw il-valuta nazzjonali. Iċ-ċifri rispettivi għal Malta kienu ta’ 36% u 58%. Fiż-żewġ każijiet, ir-riżultati jistgħu jitqabblu b'mod favorevoli ma’ dawk ta’ stħarriġ simili li sar meta s-Slovenja adottat l-ewro fl-2007, fejn biss ċittadin wieħed minn kull ħames ċittadini Sloveni (19%) ħallas bl-ewro fit-2 ta’ Jannar 2007. Matul il-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja (li jestendi sal-31 ta’ Jannar 2008 kemm f’Ċipru kif ukoll f’Malta), iċ-ċittadini għadhom jistgħu iħallsu bil-pounds Ċiprijotti u bil-lira Maltija, flimkien ma’ l-Ewro.

Peress li n-nies huma ħerqana biex jibdlu l-kontanti nazzjonali f’ewro u li jiġbdu kontanti ta’ l-ewro, ġew rappurtati xi kjuwijiet fil-banek u fl-ATMs kemm f’Ċipru kif ukoll f’Malta. Xi banek stabilixxew punti ta’ kambju speċjali biex jiffaċilitaw il-bdil tal-kontanti u l-ġbid tal-fondi għall-klijenti fin-negozju, sabiex jitnaqqsu l-ħinijiet ta' stennija.

Il-proċess ta’ bidla jidher li mexa skond il-pjan fiż-żewġ pajjiżi. Il-karti tal-flus ta’ l-ewro ilhom disponibbli fil-magni awtomatiċi tal-flus (ATMs) fiż-żewġ pajjiżi mill-1 ta’ Jannar. Il-550 ATM f’Ċipru u l-154 kollha kemm huma f’Malta nqalbu b’suċċess biex jagħtu l-karti tal-flus ta’ l-ewro matul l-ewwel jum tas-Sena l-Ġdida, il-maġġoranza l-kbira sa nofsinhar. F’Ċipru, saru madwar 50 000 tranżazzjoni ta’ ġbid tal-flus kontanti mill-ATMs fl-1 u t-2 ta’ Jannar, fejn il-karti ta' l-ewro miġbuda ammontaw għal € 5.97 miljun. F’Malta, saru 64 800 tranżazzjoni tal-ġbid tal-flus kontanti mill-ATMs f’dawn il-jumejn, li ammontaw għal total ta’ € 7,02 miljun.

F’Ċipru, il-fergħat tal-banek fetħu eċċezzjonalment saħansitra fl-1 ta’ Jannar biex jippermettu l-bdil tal-kontanti u l-ġbid tal-kontanti ta’ l-ewro. Fl-1 u t-2 ta’ Jannar, inġibdu total ta’ € 116 miljun mill-banek. Filwaqt li l-banek kienu għadhom magħluqin f’Malta fl-1 ta’ Jannar, fetħu fit-2 ta’ Jannar, meta saru madwar 38 000 tranżazzjoni tal-ġbid jew ta’ bdil (għal total ta’ € 20.7 miljun).

Ħafna ċittadini kienu akkwistaw il-kontanti ta’ l-ewro qabel jum l-€.

Matul Diċembru, iċ-Ċiprijotti xtraw total ta’ madwar 105 000 minikit ta’ muniti ta’ l-ewro (b’valur ta’ € 17,09 kull wieħed). F’Malta nbigħu madwar 160 000 minikit (b’valur ta’ € 11.65 kull wieħed).

Fir-rigward tal-konverżjoni tal-prezzijiet f’ewro, sa issa ġew rappurtati biss ftit inċidenti limitati ta’ żidiet inġusti fl-prezzijiet fiż-żewġ pajjiżi. L-awtoritajiet qed jinvestigawhom u jekk xieraq se jieħdu l-azzjoni meħtieġa. F’Malta, pereżempju, il-prezzijiet f’ċerti car parks żdiedu. L-awtoritajiet talbu lill-persuni responsabbli biex jerġgħu lura għall-prezzijiet ta’ qabel fi żmien ġimgħa, u wissew li jimponu l-multi jekk ma titteħidx din l-azzjoni. Il-Konsumaturi huma mħeġġa biex ikunu b'għajnejhom aktar miftuħa u jasserixxu rwieħhom aktar matul dan il-perjodu milli diġà huma ġeneralment.

Għal aktar tagħrif ara s-sit tad-DĠ ECFIN

http://ec.europa.eu/economy_finance/the_euro/

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article10547_en.htm

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article10547_el.htm

(bil-Grieg)

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article10547_mt.htm

(bil-Malti)
Il-Gvern Ċiprijott stabilixxa linja tat-telefown bla ħlas għall-mistoqsijiet dwar l-ewro: 8000 2008; posta elettronika: info@euro.cy; Websajt http://www.euro.cy

Il-gvern Malti waqqaf linja ta’ għajnuna nazzjonali dwar l-ewro: Linja Ewro 154; posta elettronika: euro@gov.mt; websajt: http://www.euro.gov.mt/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website