IP/08/602
Brussell, it-18 April 2008
Dawn huma wħud mill-konklużjonijiet imfissra f'Komunikazzjoni adottata llum mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-introduzzjoni ta' l-euro f'Ċipru u f'Malta fl-1 ta' Jannar ta' din is-sena[3]. Ċipru u Malta tellgħu l-għadd ta' pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea li jużaw flimkien l-euro għal 15, u l-għadd ta' nies fl-UE li jużawh bħala l-munita tagħhom għal kważi 320 miljun. Il-Komunikazzjoni, li tkopri l-perjodu sa tmiem Frar, tippreżenta l-aspetti ewlenin tal-bidla fiż-żewġ pajjiżi u tiġbed xi lezzjonijiet importanti għal proċessi ta' bidla fil-futur fi Stati Membri oħra.
Iċ-Ċittadini huma komdi bil-flus euro
Il-Maltin u ċ-Ċiprijotti malajr adattaw irwieħhom biex jużaw il-flus euro, kif jidher mill-istħarriġ li sar matul l-ewwel ġimgħat ta' din is-sena[4]. Fl-4 ta' Jannar, aktar minn 70% tal-pagamenti bi flus kontanti diġà kienu qed isiru bl-euro, proporzjon aktar għoli minn dak li kien hemm fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi meta l-flus euro ddaħħlu l-ewwel darba fl-2002 u fis-Slovenja fl-2007.
Sal-bidu ta' Frar, kważi 90% tal-Maltin u 95% taċ-Ċiprijotti kienu qed isibuha faċli ħafna jew pjuttost faċli li jagħrfu bejn il-karti tal-flus euro, fil-waqt li 75% u 81% rispettivament qalu li ma kellhom l-ebda problema li jagħrfu minn fost il-muniti euro differenti. Madwar 84% tal-Maltin u 73% taċ-Ċiprijotti qalu wkoll li kien faċli jew pjuttost faċli li wieħed jaqleb minn liri Maltin/pounds Ċiprijotti lejn l-euro. Xahar wara l-introduzzjoni ta' l-euro, tmienja minn kull għaxar Ċiprijotti u sebgħa minn kull għaxar Maltin qalu li jifhmu l-valuri fl-euro 'tajjeb' jew 'pjuttost tajjeb'.
Madankollu, kien hemm kjuwijiet twal f'xi banek Maltin u Ċiprijotti, li turi l-importanza li jkun hemm ippjanar bir-reqqa tax-xogħol involut fil-bidla, kif ukoll tal-bżonn ta' riżorsi addizzjonali, bħal ma huma aktar spurtelli u persunal, fl-ewwel jum wara l-bidla.
Sabiex, f'bidliet fil-futur, aktar bejjiegħa bl-imnut ikunu jistgħu jingħataw il-flus kontanti ta' l-euro minn qabel, u sabiex jonqsu l-kjuwijiet fil-banek wara jum il-bidla għall-euro, il-BĊE bħalissa qed jinvestiga l-possibbiltà li jissimplifika l-linji-gwida tiegħu dwar is-sub-frontloading (jiġifieri l-forniment lill-bejjiegħa bl-imnut bi flus kontanti ta' l-euro qabel jum il-bidla għall-euro), abbażi tal-proċeduri simplifikati ta' sub-frontloading li ntużaw f'Ċipru.
Il-volumi relattivament għolja ta' muniti esportati jindikaw li s-suq ta' dawk li jġemmgħu l-muniti għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni meta tiġi ppjanata l-produzzjoni tal-muniti peress li l-ordnijiet mill-kolletturi jistgħu jvarjaw b'mod sinifikanti l-volum ta' muniti disponibbli fi żmien il-bidla, speċjalment f'pajjiżi żgħar.
L-awtoritajiet fiż-żewġ pajjiżi ħadu approċċ attiv ħafna fil-konfront tal-biża' tan-nies li jkun hemm abbużi fil-prezzijiet matul il-bidla. Malta kienet l-ewwel pajjiż li fih il-qtugħ għad-dritt tal-prezzijiet fil-konverżjoni ġie pprojbit bil-liġi. L-implimentazzjoni rigoruża ta' din il-projbizzjoni f'Malta u l-kontrolli stretti tal-prezzijiet f'Ċipru mill-Osservatorji ta' l-Euro tiegħu u mill-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi jidher li kellhom impatt pożittiv fuq il-perċezzjonijiet taċ-ċittadini dwar l-inflazzjoni, li nżammu taħt kontroll fl-ewwel xhur mindu saret il-bidla għall-euro - anki jekk l-inflazzjoni mkejla għaġġlet il-pass, kif seħħ f'pajjiżi oħra ta' l-UE.
Skond il-Eurobarometer ta' Frar 2008, 84% tal-Maltin u 55% taċ-Ċiprijotti jemmnu li l-konverżjonijiet fl-euro kienu dejjem, jew fil-biċċa l-kbira, ġusti. Fl-istess waqt, tliet kwarti tal-Maltin (77%) u żewġ terzi taċ-Ċiprijotti (68%) iqisu l-wiri ta' prezzijiet doppji bħala 'utli ħafna'. Dan huwa ħafna aktar mill-bidla ta' qabel għall-euro - fis-Slovenja fl-2007 – fejn kienu biss 47% li sabuha utli ħafna. Il-wiri ta' prezzijiet doppji huwa obbligatorju sat-30 ta' Settembru 2008 f'Ċipru, u sat-30 ta' Ġunju 2008 f'Malta.
Il-livell għoli ta' sodisfazzjon bil-bidla fost il-pubbliku in ġenerali jista' jiġi attribwit għas-suċċess tal-kampanji ta' informazzjoni u komunikazzjoni. Aktar minn disa' minn kull għaxar ċittadini fiż-żewġ pajjiżi ħassew li kienu infurmati tajjeb dwar l-euro, u kienu sodisfatti bl-informazzjoni li ngħatatilhom mill-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, l-istħarriġ tal-Eurobarometer wera li kien ikun utli kienu ngħatat aktar informazzjoni dwar il-qtugħ għad-dritt ġust u dwar il-wiri ta' prezzijiet korretti, kif ukoll dwar il-karatteristiċi tas-sigurtà ta' l-euro.
[1] Stħarriġ Flash Eurobarometer 222-223, li jinsab fi
http://ec.europa.eu/public_opinion/euro_en.htm
[2] Eurostat: Il-qalba għall-euro u l-inflazzjoni f'Ċipru u f'Malta, April 2008
[3] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni ta' l-euro f'Ċipru u f'Malta, COM(2008)204, li tinkiseb minn:
http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article12417_en.htm
[4] Stħarriġ Flash Eurobarometer 220-221, li jinsab fi: