IP/08/597
Brussell, 17 ta' April 2008
Il-Kummissarju għall-Affarijiet tal-Konsumatur Meglena Kuneva qalet: “Is-sajf ta’ ġbir lura wassal għal xitwa ta’ evalwazzjonijiet li wittiet it-triq għal rebbiegħa u sajf ta’ bidla. Ir-rapport RAPEX tal-lum juri li aktar u aktar prodotti qegħdin jinstabu u jinqerdu qabel ma jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-konsumaturi ta’ l-UE. Jidher ċar li l-awtoritajiet pubbliċi qegħdin isaħħu r-responsabbiltajiet tagħhom fejn għandu x’jaqsam il-ħarsien tal-konsuamtur. L-għan ta’ RAPEX u tal-mekkaniżmi ta’ sikurezza l-oħra tagħna huwa li jiżguraw li ċ-ċittadini ta’ l-UE jistgħu jagħmlu x-xirjiet mingħajr ħsibijiet, u bla ma joqogħdu jinkwetaw dwar kif se jiddistingwu l-prodotti sikuri minn dawk perikolużi.”
Iż-żieda ta’ 53 % fin-notifiki hija xejra pożittiva
L-għadd ta’ notifiki RAPEX żdied ħafna matul l-aħħar ftit snin u iżjed minn ittrippla minn 468 fl-2004 (meta daħlet fis-seħħ leġiżlazzjoni ġdida dwar is-sikurezza tal-prodotti) għal 1 605 fl-2007. Iż-żieda kostanti fit-twissijiet RAPEX tista’ tiġi attribwita għal infurzar aktar effettiv tas-sikurezza tal-prodotti mill-awtoritajiet nazzjonali, għarfien aħjar fost in-negozji dwar l-obbligi tagħhom, kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi terzi, u azzjonijiet ta' ħolqien ta' netwerks ikkoordinati mill-Kummissjoni.
It-tnaqqis tad-distakk fir-rendiment ta’ l-Istati Membri
Id-distakk bejn il-pajjiżi li jippreżentaw notifiki b’mod aktar frekwenti u dawk bl-aktar numru baxx ta’ notifiki naqas b’mod sinfikanti matul is-sena li għaddiet, u dan juri parteċipazzjoni aktar ibbilanċjata fis-sistema RAPEX fost il-pajjiżi involuti. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li s-sehem totali ta’ l-aktar ħames pajjiżi attivi laħaq il-61 % fl-2006, iżda 44 % biss fl-2007. Il-Ġermanja kienet l-aktar Stat Membru attiv fis-sistema RAPEX (163 notifika, madwar 12 %), segwita mill-Greċja (115-il notifika, madwar 8 %) u mis-Slovakkja (114-il notifika, madwar 8 %), l-Ungerija (109 notifika, madwar 8 %) u Spanja (108 notifika, madwar 8 %).
Il-ġugarelli u l-vetturi bil-mutur jinsabu fil-quċċata tal-lista
Il-ġugarelli (417), il-vetturi bil-mutur (197) u t-tagħmir elettriku tad-dar (156) waħidhom jammontaw għal aktar minn nofs in-notifiki kollha fl-2007. Aktar minn wieħed minn kull tliet prodotti notifikati kien jew ġugarell jew oġġett li jintuża fil-kura tat-tfal, u dan juri l-importanza li l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq jiddedikaw fl-iċċekkjar ta’ din il-kategorija.
Ic-Ċina għadha s-sors ewlieni ta’ oġġetti perikolużi
Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għadha l-pajjiż li minnu joriġina l-akbar għadd ta’ prodotti li joħolqu riskju serju. Din iċ-ċifra għandha titqies fil-kuntest tal-fatt li proporzjon kbir ħafna ta’ l-importazzjonijiet kollha ta’ l-UE jiġu miċ-Ċina (per eżempju, 80 % tal-ġugarelli kollha), u s-sorveljanza fuq il-prodotti Ċiniżi hija aktar stretta minn dik ta’ ħafna pajjiżi oħra. Barra minn hekk, l-għadd ta’ notifiki ta’ oriġini mhux magħrufa li saru permezz ta’ RAPEX naqas fl-2007 meta mqabbel ma’ snin ta’ qabel (20 % fl-2005, 17 % fl-2006 u 13 % fl-2007) u x’aktarx li ċerti prodotti li qabel kienu ġew notifikati bħala prodotti ta’ oriġini mhux magħrufa ġew identifikati fl-2007 bħala prodotti ta' oriġini Ċiniża.
Il-Kummissjoni intensifikat b’mod sinifikanti l-kooperazzjoni tagħha maċ-Ċina dwar is-sikurezza tal-prodotti matul is-sena li għaddiet. B’mod partikolari, minn mindu l-Kummissarju Kuneva żaret iċ-Ċina għall-ewwel darba f’Ġunju 2007, daħlet fis-seħħ sistema ta’ rappurtar kull tliet xhur dwar azzjonijiet ta’ nfurzar Ċiniżi – biex jinstab is-sors ta’ oġġetti perikolużi notifikati fi ħdan is-sistema RAPEX - Ċina. L-ewwel xejriet huma pożittivi. L-awtoritajiet Ċiniżi investigaw 184 każ RAPEX bejn Lulju u Settembru 2007 meta mqabbla ma’ 84 każ matul it-12-il xahar ta’ qabel. Azzjonijiet korrettivi ttieħdu fi 43 % tal-każijiet. Ir-rapport kull tliet xhur fil-perjodu bejn Settembru u Novembru 2007 juri li l-awtoritajiet Ċiniżi komplew l-attività ta’ segwitu u investigaw 89 notifika oħra mill-UE. Barra minn hekk, ġie rrappurtat li ċ-Ċina għamlet sforz sinfikanti biex issaħħaħ il-kontrolli fuq il-ġugarelli. F’perjodu relattivament qasir, ġew ivverifikati 3540 esportatur liċenzjat u, fejn meħtieġ, ġew obbligati jtejbu s-sistemi tagħhom ta’ kontroll tas-sikruezza. Total ta’ 701 kumpaniji tilfu l-liċenzji ta’ esportazzjoni tagħhom. (ara l-MEMO mehmuż għad-dettalji kollha dwar l-inizjattivi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fl-2007). Il-Kummissarju Kuneva se żżur iċ-Ċina f’Ġunju 2008 biex tirrevedi l-progress matul l-aħħar 12-il xahar u biex tara kif tista' tissaħħaħ il-kooperazzjoni.
Għal aktar tagħrif, ara: MEMO/08/252
U http://ec.europa.eu/consumers/safety/rapex/index_en.htm
Għal stampi ta' xi prodotti perikolużi, ara: