Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Ambjent: Il-Kummissjoni tilqa’ l-adozzjoni finali tad-direttiva dwar il-kwalità ta’ l-arja

Commission Européenne - IP/08/570   14/04/2008

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/08/570

Brussell, l-14 ta' April 2008

Ambjent: Il-Kummissjoni tilqa’ l-adozzjoni finali tad-direttiva dwar il-kwalità ta’ l-arja

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ l-adozzjoni tad-direttiva dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa Id-direttiva tixbaħ ferm lill-proposta tal-Kummissjoni ta’ Settembru 2005 u tixhed l-impenn qawwi ta’ l-Unjoni Ewropea biex ittejjeb il-kwalità ta’ l-arja fl-UE billi tistabbilixxi standards vinkolanti għall-partiċelli fini PM2.5.

Stavros Dimas, il-Kummissarju għall-Ambjent, qal: “L-Unjoni Ewropea, illum għamlet pass deċiżiv biex tindirizza kawża prinċipali ta’ problemi ambjentali u tas-saħħa. Iċ-ċittadini Ewropej huma mħassba dwar it-tniġġis fl-arja. Id-direttiva l-ġdida dwar il-kwalità ta’ l-arja tindirizza dan it-tħassib billi tipprovdi standards ambizzjużi, iżda realistiċi, għat-tniġġis minn partiċelli fini PM2.5 fl-Unjoni Ewropea.”
Standards stabbiliti għat-tnaqqis fil-konċentrazzjoni ta’ partiċelli fini

Id-direttiva maqbula llum tgħaqqad erba’ direttivi u deċiżjoni tal-Kunsill f’direttiva waħda dwar il-kwalità ta’ l-arja. Tistabbilixxi standards u tiffissa dati ta' mira għat-tnaqqis fil-konċentrazzjoni ta’ partiċelli fini, li flimkien mal-partiċelli PM10, li huma ikbar fid-daqs u soġġetti għal-leġiżlazzjoni, huma fost il-forom ta' tniġġis l-aktar perikolużi għas-saħħa tal-bniedem.

Skond id-direttiva, l-Istati Membri huma obbligati jnaqqsu l-livelli ta’ esponiment għall-PM2.5 f’żoni urbani b’medja ta’ 20% sa l-2020 kif imqabbel mal-livelli ta’ esponiment fl-2010. Id-direttiva tobbligahom li sa l-2015, f’dawn iż-żoni, ibaxxu l-livelli ta' esponiment għal inqas minn 20 mikrogramma/m3. Fit-territorji kollha tagħhom, l-Istati Membri se jkollhom iħarsu l-valur limitu stipulat għall-PM2.5 ta' 25 mikrogramma/m3. Dan il-valur għandu jintlaħaq sa l-2015 u, fejn possibbli, anke sa l-2010.
Tingħata iktar flessibbiltà biex jintlaħqu l-istandards tal-kwalità ta’ l-arja.

Id-direttiva l-ġdida tintroduċi miri ġodda għall-partiċelli fini PM2.5, iżda ma tbiddilx l-istandards attwali tal-kwalità ta’ l-arja. Madankollu, tagħti iktar flessibbiltà lill-Istati Membri biex jilħqu xi wħud minn dawn l-istandards f’żoni fejn isibuha iebsa biex ikunu konformi. 25 mis-27 Stati Membri ta’ l-UE qed isibuha iebsa biex jilħqu l-valuri limitu għall-PM10 u, talanqas f’parti waħda tat-territorju tagħhom, jaqbżu dawn il-limiti (ara IP/07/1537).

L-iskadenzi għall-konformità ma’ l-istandards għall-PM10 jistgħu jiġu posposti għal tliet snin wara li din id-direttiva tiddaħħal fis-seħħ (f’nofs l-2011), inkella, għad-dijossidu tan-nitroġenu u għall-benżin, b’perjodu ta’ mhux aktar minn ħames snin (2010-2015), dejjem jekk tiġi implimentata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ l-UE, bħall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ tniġġis mill-industrija (IPPC, ara MEMO/07/441) u jittieħdu l-miżuri kollha xierqa għat-trażżin tat-tniġġis. Id-direttiva tipprovdi lista ta’ miżuri li għandhom jitqiesu.
Sfond

Id-direttiva l-ġdida dwar il-kwalità ta’ l-arja (ara IP/07/1895 u MEMO/07/571) hija waħda mill-miżuri ewlenin imsemmija fl-Istrateġija Tematika ta’ l-2005 dwar it-tniġġis ta’ l-arja, adottata mill-Kummissjoni f’Settembru 2005 (IP/05/1170). Din tistabbilixxi miri ambizzjużi u effikaċi mil-lat ekonomiku għat-titjib fil-kwalità tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent li jridu jinkisbu sas-sena 2020.

Id-direttiva se tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE f’Mejju 2008, flimkien ma’ dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-progress fl-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ miżuri oħra li jindirizzaw l-emissjonijiet minn sorsi differenti.

Diġà teżisti leġiżlazzjoni ta’ l-UE li tindirizza l-emissjonijiet ta’ exhaust minn vetturi ħfief, iżda f’Diċembru 2007, il-Kummissjoni ressqet proposta leġiżlattiva għat-titjib fl-effikaċja tal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE dwar l-emissjonijiet mill-industrija u proposta oħra dwar it-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ exhaust mill-muturi ta’ vetturi tqal.

Internazzjonalment, l-Unjoni Ewropea qed issegwi b’interess il-progress li l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) qed tagħmel fit-tnaqqis tal-kontenut massimu ta’ kubrit permess fi fjuwils marittimi.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site