Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/08/564

Brussell, 11 ta' April 2008

REACH: L-industrija hija mitluba tagħmel pre-reġistrazzjoni tal-kimiċi kollha sa l-1 ta' Diċembru 2008

Xi 30,000 kimika fl-użu bħalissa (eż. aċti, metalli, solventi, surfactants, kolla) għandha ssirilhom pre-reġistrazzjoni fl-Aġenzija Ewropea tal-Kimika (ECHA) bejn l-1 ta' Ġunju u l-1 ta' Diċembru 2008. Peress li l-leġiżlazzjoni tal-kimiċi l-ġdida REACH (Registration, Evaluation, Authorisation and restriction of Chemicals) se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea u l-ECHA qed javżaw lill-kumpaniji bl-obbligi tagħhom. Għexieren ta' eluf ta' fabbrikanti jew importaturi ta' kimiċi se jkollhom jagħmlu pre-reġistrazzjoni tal-kimiċi fl-2008 jekk iridu jkomplu jiffabbrikawhom jew jimportawhom mingħajr waqfien. Ġie stmat li se jintbagħtu iktar minn 180,000 fajl ta' pre-reġistrazzjoni. Il-proċess ta' pre-reġistrazzjoni se jippermetti lill-kumpaniji li jaqsmu data dwar il-kimiċi tagħhom u jwittu t-triq għal għarfien aqwa dwar il-kimiċi. Dan huwa prerekwiżit għal sigurtà mtejba fis-snin li ġejjin.

Il-Viċi President Günter Verheugen, responsabbli għall-politika ta' Intrapriża u l-Industrija u l-Kummissarju għall-Ambjent. Stravros Dimas, stqarrew komunement: "REACH hija l-iktar leġiżlazzjoni tal-kimiċi ambizzjuża fid-dinja. Hija se tippermettilna li nżidu drasikament l-għarfien tagħna dwar l-użu tal-kimiċi u biex nużawhom b'mod sikur, b'hekk inħarsu saħħet il-bniedem u l-ambjent. REACH se tagħti kontribut imprezzabbli għal ġestjoni sikura tal-kimiċi fl-UE. Dalwaqt se nidħlu fil-fażi kruċjali tal-pre-reġistrazzjoni, u nħeġġu bil-qawwa lil kull fabbrikant u importatur ta' kimiċi, biex jagħmel il-pre-reġistrazzjoni malajr kemm jista' jkun. Biex tkunu żġuri, jekk jogħġobkom taqbżux l-iskadenza ta' l-1 ta'  Diċembru 2008."

Geert Dancet, Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija Ewropea tal-Kimika, ECHA, enfasizza li: "Il-countdown lejn il-pre-reġistrazzjoni ta' sustanzi kimiċi beda. L-ECHA ħadmet ħafna biex tipprovdi gwida u għodod li jkunu ħfief biex tifhimhom. Il-websajt multingwi tagħha u l-helpdesks ta' REACH huma lesti li jgħinu lill-kumpaniji fil-pre-reġistrazzjoni onlajn."

In-notifika tal-lum ġejja mit-tħassib li xi kumpaniji jistgħu jkunu għadhom mhumiex konxji mill-obbligi tagħhom, jew għax ma jafux bl-ambitu jew bir-rekwiżiti speċifiċi jew għax jaħsbu li REACH ma taffettwahomx, speċjalment jekk ma jkunux parti mis-settur kimiku. Il-Kummissjoni għalhekk issejjaħ lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, l-industrija, il-pajjiżi terzi u l-partijiet interessati biex jgħinu ħalli l-obbligi jsiru magħrufa mill-intrapriżi kollha kkonċernati.

Min għandu jagħmel il-pre-reġistrazzjoni?

Il-kumpaniji bbażati fl-UE kollha li jiffabbrikaw jew jimportaw sustanzi kimiċi fl-UE għandhom jagħmlu l-pre-reġistrazzjoni jekk il-kwantitajiet tas-sustanza huma ta' tunnellata jew iżjed fis-sena.

Għalfejn il-kumpaniji għandhom jagħmlu l-pre-reġistrazzjoni?

Il-pre-reġistrazzjoni hija meħtieġa jekk kumpaniji li jiffabbrikaw jew jimportaw kimiċi jridu jibbenefikaw minn skadenżi għar-reġistrazzjoni estiżi li japplikaw għall-parti l-kbira tal-kimiċi li bħalissa jinsabu fis-suq. Il-pre-reġistrazzjoni tippermetti lill-kumpaniji jibagħtu l-fajls ta' reġistrazzjoni kompluti tagħhom sa l-2010, l-2013 jew l-2018, skond il-każ.

Il-kumpaniji li ma jagħmlux il-pre-reġistrazzjoni ta' kimika ma jkunux jistgħu jkomplu jiffabbrikawha jew jimportawha wara l-1 ta' Diċembru 2008 sakemm jagħmlu reġistrazzjoni sħiħa ma' l-ECHA.

X'inhi REACH?

REACH hija Regolament ta' l-UE li jitlob li l-fabbrikanti u l-importaturi ta' kimiċi jivvalutaw u jimmaniġġjaw sistematikament ir-riskji li l-kimiċi jistgħu jponu fuq is-saħħa u l-ambjent. L-ewwel passi f'dan il-proċess huma l-pre-reġistrazzjoni u r-reġistrazzjoni.

X'inhuma pre-reġistrazzjoni u reġistrazzjoni?

Pre-reġistrazzjoni tikkonsisti f'li jintbagħat tagħrif bażiku lill-Aġenzija: dettalji tal-kumpanija u isem il-kimika kkonċernata (għal aktar dettalji ara MEMO). Il-pre-reġistrazzjoni hija bla ħlas.

Il-proċess ta' pre-reġistrazzjoni se jippermetti lill-kumpaniji li jaqsmu data dwar il-kimiċi li se jirreġistraw u b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż.

Ir-Reġistrazzjoni hija obbligu fuq il-fabbrikanti u l-importaturi ta' kimiċi introdotti minn REACH. Hija titlob lill-kumpaniji data konsolidata rigward il-proprjetajiet ambjentali u tas-saħħa u r-riskji tal-kimika tagħha u li jkunu jistgħu juru li jistgħu jintużaw b'mod sikur. Il-fajl imbagħad jintbagħat lill-Aġenzija.

Ir-reġistrazzjoni hija mistennija tolqot xi 30,000 kimika bejn l-1 ta' Ġunju 2008 u t-30 ta' Mejju 2018.

Attivitajiet ewlenin ta' tqajjim ta' kuxjenza mill-Kummissjoni Ewropea u l-ECHA

L-importanza ta' attivitajiet ta' tqajjim ta' kuxjenza li għaddejjin se tkun enfasizzata b'workshop li se jsir fi Brussell fl-14 ta' April 2008 ko-organizzat mill-Kummissjoni Ewropea u l-ECHA. Il-parteċipanti se jinkludu l-industrija u partijiet interessati oħrajn, l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri u pajjiżi terzi, li kollha kemm huma għandhom rwoli importanti fit-tqajjim ta' kuxjenza dwar REACH. Il-workshop se jiġi sstrimjat fuq l-internet u se jkun hemm verżjoni rreġistrata disponibbli wara l-avveniment (ara l-ħolqa ta' hawn taħt).

Il-workshop se jispjega l-elementi ewleniin tal-proċessi ta' pre-reġistrazzjoni u reġistrazzjoni skond REACH, b'fokus fuq aspetti u eżempji prattiċi. Dan ikun segwit minn azzjonijiet ta' kuxjenza dwar il-pre-reġistrazzjoni marbuta mal-ftuħ formali ta' l-ECHA fit-3 ta' Ġunju 2008 u minn workshop tal-partijiet interessati f'Ħelsinki fil-Ħarifa li ġejja.

Għal aktar tagħrif ara press Memo/08/240

Tagħrif dwar l-istrimjar fuq l-internet: http://ec.europa.eu/enterprise/reach/events_en.htm

Il-websajt ta' l-Aġenzija Ewropea tal-Kimika: http://echa.europa.eu/


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site