Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/537

Brussell, is-7 ta' April 2008

Il-Kummissjoni twitti t-triq għall-użu tal-mobiles matul it-titjiriet madwar l-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea llum daħħlet regoli biex tarmonizza l-kundizzjonijiet sabiex jingħata bidu għas-servizzi tal-komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji ta' l-ajru madwar l-Ewropa. Dawn is-servizzi jippermettu li n-negozjanti u l-konsumaturi jirċievu telefonati u messaġġi u wkoll iċemplu u jibagħtu l-messaġġi b’mod sikur permezz tal-mobiles tagħhom waqt li jkunu qed itiru minn fuq l-Ewropa. Dan ifisser li d-90% tal-passiġġieri ta' l-ajru Ewropej li diġà jżommu l-mobiles fuqhom meta jitiqlgħu fuq ajruplan issa jistgħu jibqgħu aċċessibbli matul it-titjiriet.

“Is-servizzi pan-Ewropej tat-telekomunikazzjoni, bħat-telefonija matul it-titjiriet, jeħtieġu ‘punt uniku ta’ servizz’ regolatorju, biex joperaw madwar l-Ewropa u huwa għalhekk li l-Kummissjoni ħadet azzjoni llum. Biex dan is-servizz jidħol fis-seħħ kienet meħtieġa deċiżjoni regolatorja waħda għall-ispazju ta l-Ajru Ewropew kollu kemm hu,” qalet Viviane Reding, il-Kummissarju ta’ l-UE għat-Telekomunikazzjoni. “Issa nistennew li l-operaturi jkunu trasparenti u innovattivi fil-prezzijiet li joffru. Servizzi tat-telefonija mobbli waqt it-titjiriet jistgħu ikunu interessanti ferm, speċjalment għal dawk li jivvjaġġaw fuq xogħol u li jeħtieġ li jkunu aċċessibbli kulfejn ikunu, kulfejn imorru. Madankollu, jekk il-konsumaturi jirċievu kontijiet li jaħsduhom, is-servizz ma jaqbadx. Nappella wkoll lil-linji ta' l-ajru u lill-operaturi biex joħolqu l-kundizzjonijiet tajbin abbord l-inġenji ta' l-ajru biex jiżguraw li dawk li jixtiequ jużaw is-servizzi ta' komunikazzjoni matul it-titjira ma jiddisturbawx lill-passiġġieri l-oħra."

Il-miżuri li ħabbret il-Kummissjoni llum se jarmonizzaw ir-rekwiżiti tekniċi u ta' liċenzjar għall-użu tal-mobiles abbord l-inġenji ta' l-ajru. Il-mobiles tal-passiġġieri jaqbdu ma’ netwerk ċellulari abbord li mbagħad jaqbad man-netwerk terrestri permezz tas-satelliti. Fl-istess ħin is-sistema ma tħallix li l-mobiles jaqbdu direttament man-netwerks tat-telefonija mobbli terrestri. Dan jiżgura li t-trażmissjonijiet jinżammu baxxi biżżejjed biex il-mobiles ikunu jistgħu jintużaw mingħajr ma jaffettwaw is-sikurezza ta’ l-apparat ta’ l-ajruplan jew l-operat normali tan-netwerks terrestri tat-telefonija mobbli.

L-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi għall-użu sikur tas-servizzi tal-komunikazzjoni mobbli matul it-titjiriet se tippermetti li l-liċenzji nazzjonali jingħataw lil linji ta’ l-ajru individwali mill-Istat Membri li fih jinsabu rreġistrati, ikunu rikonoxxuti madwar l-UE. Pereżempju, inġenju ta’ l-ajru rreġistrat fi Franza jew Spanja jkun jista’ joffri servizzi tal-komunikazzjoni mobbli fuq inġenji ta’ l-ajru għall-passiġġieri matul titjiriet minn fuq il-Ġermanja jew l-Ungerija mingħajr proċeduri addizzjonali ta’ liċenzjar.

Hija u tipproponi regoli għal wieħed mis-servizzi tat-telekomunikazzjoni tassew panEwropej, il-Kummissjoni Ewropea qed tindirizza d-domanda mill-passiġġieri ta' l-ajru biex jużaw il-mobiles tagħhom matul it-titjiriet, kif ukoll mill-industrija, li tixtieq taqdi din id-domanda Wara t-testjar tas-servizzi tal-komunikazzjoni mobbli matul it-titjiriet f’ċerti pajjiżi (notevolment fi Franza u l-Awstralja), għadd ta’ operaturi tat-telekomunikazzjoni u linji ta’ l-ajru biħsiebhom jiftħu dan is-servizz matul l-2008, u jdaħħlu l-konnettività f’waħda mill-ftit stiwazzjonijiet fil-ħajja ta’ kuljum li fih l-komunikazzjoni sa issa kienet għada limitata ferm.

OFCOM, ir-regolatur tat-telekomunikazzjoni fir-Renju Unit, fis-26 ta' Marzu ħabbret li se tippermetti lil-linji ta' l-ajru joffru komunikazzjonijiet mobbli abbord l-ajruplani f'konformità ma' l-approċċ komuni Ewropew (http://www.ofcom.org.uk/consult/condocs/mca/statement/).

Sfond

Servizzi tal-Komunikazzjoni Mobbli abbord l-inġenji ta’ l-ajru huwa servizzi tat-telekomunikazzjoni pan-Ewropej. Illum il-Kummissjoni adottatt żewġ miżuri:

  • Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal approċċ armonizzat lejn il-ħruġ tal-liċenzji, li għandha tippromwovi r-rikonoxximent reċiproku bejn l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali għas-servizzi tal-komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji ta' l-ajru.
  • Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistipula l-parametri tekniċi armonizzati tat-tagħmir li jinġarr abbord għall-użu tal-mobiles matul it-titjiriet madwar l-UE, li se jippermettu lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-liċenzji ta’ xulxin għall-komunikazzjonijiet mobbli abbord l-inġenji ta’ l-ajru mingħajr riskju għan-netwerks tal-mobiles fuq l-art.

Minbarra dawn il-miżuri, l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza ta’ l-Avjazzjoni u l-awtoritajiet ta’ l-avjazzjoni ċivili jindirizzaw kwistjonijiet tas-sikurezza ta' l-ajru permezz ta' proċeduri għall-“approvazzjoni għall-ajru” tat-tagħmir għall-użu tal-mobiles matul it-titjiriet, għall-UE kollha kemm hi, biex jiġi żgurat l-użu sikur tat-teknoloġija fil-kabina ta’ l-inġenju ta’ l-ajru. Konsiderazzjonijiet tas-sigurtà marbuta ma’ l-użu tal-mobiles waqt it-titjiriet qed jiġu indirizzati wkoll mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-ġustizzja u l-affarijiet interni.

Kunsiderazzjonijiet kummerċjali, bħall-ipprezzar ta’ l-użu tal-mobiles matul it-titjiriet għadhom mhux indirizzati fil-miżuri li ħadet illum il-Kummissjoni Ewropea, fid-dawl tal-fatt li dawn is-servizzi għadhom qed jitwieldu. Ir-Regolament ta’ l-UE dwar ir-Roaming (ara IP/07/870), li se jiġi rivedut qabel tmiem is-sena, jittratta r-roaming fuq in-netwerks terrestri biss. It-tariffi tal-komunikazzjoni mobbli abbord l-inġenji ta’ l-ajru għalhekk huma f’idejn, l-ewwel u qabel kollox, il-fornitur tas-servizz. Il-Kummissjoni Ewropea madankollu se tissorvelja mill-qrib il-livelli u t-trasparenza tal-prezzijiet li jintalbu l-konsumaturi.

F’Awwissu 2007, il-Kummissjoni diġà kienet ipproponiet regoli armonizzati b’appoġġ għal applikazzjoni oħra pan-Ewropea, is-servizzi mobbli tas-satellita (IP/07/1243). Dan juri li, fid-dawl ta’ l-iżviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi fl-Ewropa, id-domanda għas-servizzi pan-Ewropej qed tikber. Madankollu, ir-Regoli ta' l-UE dwar il-Telekomunikazzjoni, li ġew riveduti l-aħħar fl-2002 ma laħħqux ma' dan l-iżvilupp. Huwa għalhekk li l-proposti tal-Kumissjoni tat-13 ta’ Novembru 2007 biex ir-Regoli ta l-UE dwar it-Telekomunikazzjoni (IP/07/1677) jkunu riformati, huma mmirati lejn l-iżvilupp ta’ Suq Uniku tat-Telekomunikazzjoni li jkun tassew integrat. Bħalissa qed jiġu diskussi fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Ir-riforma għandha tippermetti koordinazzjoni eqreb bejn l-Istati Membri ta’ l-UE u fost ir-regolaturi nazzjonali huma u jħejju l-kundizzjonijiet regolatorji għat-tnedija ta’ servizzi transnazzjonali jew panEwropej fl-Unjoni Ewropea.

Għal aktar tagħrif:

It-test tad-Deċiżjonijiet tal-lum mill-Kummissjoni:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/radio_spectrum/ref_documents/index_en.htm
MEMO/08/220


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website