Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/509

Brussell, il-3 ta' April 2008

L-UE ssaħħaħ ir-rabtiet mal-ġirien tagħha u tappoġġja r-riformi tagħhom

Matul is-sena li għaddiet, l-Unjoni Ewropea saħħet ir-relazzjonijiet tagħha mal-ġirien b’mod sostanzjali u appoġġjat l-isforzi ta’ riforma demokratika u ekonomika tagħhom permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). Dokument ta’ politika adottat mill-Kummissjoni Ewropea llum jagħti ħarsa lejn il-progress konkret li sar mill-pajjiżi sħab f’numru kbir ta' oqsma, mill-kooperazzjoni politika għall-kummerċ, il-migrazzjoni u l-iffaċilitar tal-viżi, mill-enerġija, it-trasport, ir-riċerka u l-innovazzjoni għall-mobbiltà ta' l-istudenti u ż-żgħażagħ[1]. Il-Kummissjoni tidentifika wkoll oqsma fejn huma meħtieġa iktar sforzi, u tħeġġeġ tisħiħ immirat u differenzjat tar-relazzjonijiet ma' sħab magħżula li wrew ambizzjoni u ħila partikolari. Dan il-proċess diġà beda ma’ l-Ukrajna u l-Kummissjoni issa tipproponi li l-kooperazzjoni tiġi intensifikata iktar ma’ l-Iżrael, mal-Moldova u mal-Marokk. Rapporti maħruġa għal kull pajjiż flimkien ma' Pjan ta' Azzjoni tal-PEV u rapport settorjali huma mehmuża mad-dokument ta’ politika[2].

Il-politika tal-viċinat tagħna hija storja ta’ suċċess. Aħna naħdmu fil-viċin ma' sħabna biex ngħinuhom jimxu ‘l quddiem fir-riformi strutturali tagħhom u biex inressquhom iktar viċin l-Unjoni tagħna. Il-progress fil-post matul l-aħħar sena kien notevoli f’bosta pajjiżi u r-relazzjonijiet tagħna mal-ġirien fin-Nofsinhar u l-Lvant qed isiru dejjem iktar intensi u jagħtu l-frott iktar ma jgħaddi ż-żmien.” qalet Benita Ferrero-Waldner, il-Kummissarju għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat. U żiedet: "DIn hija sħubija mfassla għar-riforma, għall-benefiċċju ta' sħabna u ċ-ċittadini. Kull pajjiż ifassal ir-relazzjoni tiegħu magħna individwalment. B’dan il-mod, issa qed nikkunsidraw li nsaħħu speċifikament ir-rabtiet tagħna ma’ erba’ pajjiżi li wrew progress u ambizzjoni partikolari.”

Mill-aħħar ta’ l-2006 ...

L-integrazzjoni ekonomika qed timxi 'l quddiem

  • Ġew imnedija negozjati ma’ l-Ukrajna dwar Ftehim Imtejjeb Ġdid inkluż dwar Żona ta’ Kummerċ Ħieles imsaħħa u kompresiva.
  • L-Eġittu, il-Marokk u t-Tuneżija bdew negozjati bilaterali dwar il-liberalizzazzjoni tas-servizzi u l-istabbilment. L-Iżrael dalwaqt isegwi.
  • Ġew offruti preferenzi kummerċjali awtonomi lill-Moldova.
  • Studji li jesploraw il-possibbiltà ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mal-Ġeorġja u l-Armenja ser jiġu konklużi dalwaqt.

Ġiet iffaċilitata l-mobbiltà ma’ ċerti pajjiżi

  • Il-ftehimiet ta’ rijammissjoni u faċilitar tal-viżi ma’ l-Ukrajna u l-Moldova issa daħlu fis-seħħ.
  • Il-Moldova ntgħażel bħala s-sede ta’ l-ewwel ċentru konġunt għall-applikazzjoni tal-viżi ta’ l-UE kif ukoll bħala pajjiż pilota li miegħu jista’ jiġi żviluppat “partenarjat għall-mobbiltà”, sabiex tiġi ffaċilitata l-migrazzjoni legali filwaqt li tkompli l-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali.

Il-Kooperazzjoni fil-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata żdiedet

  • Biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali fil-Mediterran, ġew stabbiliti skemi ta' taħriġ għall-imħallfin, il-prosekuturi, l-avukati u l-uffiċjali għolja tal-pulizija. Kważi1,000 professjonista mis-sħab Mediterranji tal-PEV diġà ġew imħarrġa.
  • L-Ukrajna bdiet riforma tas-sistema legali u ġudizzjarja tagħha inkluż ir-riforma tal-liġi tal-kumpaniji u t-tneħħija ta' l-inkonsistenzi bejn atti leġiżlativi differenti sabiex tiżgura klima tan-negozju iktar prevedibbli u trasparenti.

Il-kooperazzjoni fl-Enerġija tikkontribwixxi għal iktar sigurtà fl-enerġija

  • L-UE ffirmat Memoranda ta’ Ftehim dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija mal-produttur ta’ l-enerġija l-Ażerbajġan u l-pajjiż ta’ tranżitu l-Ukrajna u hija mistennija tikkonkludi ftehimiet simili mal-produtturi ewlenin l-Alġerija u l-Eġittu.
  • Ġew iffirmati dikjarazzjonijiet konġunti dwar l-enerġija mal-Marokk u mal-Ġordan.
  • Bosta sistemi ta’ pajpijiet u interkonnessjonijiet għaż-żejt u l-gass li jikkollegaw l-UE, il-pajjiżi kandidati u l-imsieħba tal-PEV qed jiġu żviluppati u ser iwasslu għal sigurtà msaħħa fl-enerġija għaċ-ċittadini tagħhom.

Jissaħħu l-kollegamenti ta' Trasport

  • Ftehim fl-avjazzjoni ffirmat mal-Marokk għal ftuħ gradwali tas-suq, allinjament estensiv mal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE u żieda fit-traffiku ta’ l-ajru (b’17% fl-2007). Dan inaqqas il-prezz tal-biljetti u jtejjeb l-għażla għat-turisti, filwaqt li jgħin fil-bini ta’ l-industrija tat-turiżmu u jipprovdi l-impjieg.
  • F’Jannar 2008 ġew imnedija negozjati dwar ftehim simili ma’ l-Ukrajna.

U iktar ...

  • L-imsieħba tal-PEV għandhom il-possibbiltà li jallinjaw il-pożizzjonijiet tagħhom mal-pożizzjonijiet tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (CFSP) ta’ l-UE. L-Ukrajna, il-Moldova, l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja għażlu li jagħmlu dan regolarment u l-Marokk u l-Ġordan reċentament iddeċidew li jagħmlu l-istess.
  • Il-pajjiżi msieħba komplew iħejju proġetti ta’ investiment biex jippromwovu l-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Kyoto dwar it-tibdil fil-klima. Il-pajjiżi msħieħba tan-Nofsinhar ħadmu flimkien biex jistabbilixxu 44 proġett ta’ prijorità biex jeliminaw it-tniġġiż fil-Baħar Mediterran.
  • L-imsieħba tal-PEV jistgħu jipparteċipaw fil-programmi u l-aġenziji tal-Komunità. L-Iżrael huwa l-ewwel wieħed li pparteċipa fis-CIP ta’ l-UE - il-Programm ta’ Imprenditorjat u Innovazzjoni.
  • L-Iżrael (bħala membru assoċjat), l-Eġittu, il-Ġordan u l-Marokk, b’mod partikolari, kienu parteċipanti fl-ewwel sejħiet taħt is-7 Programm Qafas ta’ Riċerka.
  • In-numru ta’ studenti mill-imsieħba tal-PEV li ħadu sehem fil-programm Erasmus Mundus fl-2007 żdied b’iktar minn 40%. Żdied ukoll b'erba’ darbiet in-numru ta’ żgħażagħ mill-pajjiżi tal-PEV f’azzjonijiet ta’ servizzi volontarji taħt il-Programm ta’ Azzjoni ta’ l-UE Żgħażagħ (Youth in Action Programme).
  • L-għajnuna ta’ l-UE lill-imsieħba tal-PEV żdiedet b’mod konsiderevoli: €1.65 biljun ġew impenjati fl-2007. L-ispiża annwali għall-baġit ta’ l-UE hi ta’ ftit iktar minn €3 għal kull ċittadin ta’ l-UE.

Mijiet ta’ esperti mill-UE kollha jistgħu jaħdmu kuljum mal-kontropartijiet tagħhom fil-pajjiżi sħab, biex jgħinuhom javvanzaw fir-riformi tagħhom u biex jaqsmu magħhom l-għarfien ta’ l-UE u l-aħjar prattiki f’oqsma varji.

Memos li jagħtu sommarju tas-sitwazzjoni ta’ kull pajjiż huma disponibbli fuq

Armenja European Neighbourhood Policy - ARMENIA

Ażerbajġan European Neighbourhood Policy - AZERBAIJAN

Eġittu European Neighbourhood Policy – EGYPT

Ġeorġja European Neighbourhood Policy – GEORGIA

Iżrael European Neighbourhood Policy – ISRAEL

Ġordan European Neighbourhood Policy – JORDAN

Libanu European Neighbourhood Policy – LEBANON

Marokk Politique Européenne de Voisinage – MAROC

Moldova European Neighbourhood Policy - MOLDOVA
It-territorju Palestinjan okkupat

European Neighbourhood Policy – THE OCCUPIED PALESTINIAN TERRITORY

Tuneżija Politique Européenne de Voisinage – TUNISIE

Ukrajna European Neighbourhood Policy - UKRAINE
Għal iktar tagħrif dwar il-PEV

http://ec.europa.eu/world/enp/index_en.htm


[1] Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill “Implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2007", it-3 ta’ April 2008.
http://ec.europa.eu/world/enp/documents_en.htm

[2] Ir-rapporti tal-Pajjiżi għall-Armenja, l-Ażerbajġan, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, il-Moldova, it-territorju Palestinjan okkupat, it-Tuneżija u l-Ukrajna u r-rapport settorjali huma disponibbli fuq

http://ec.europa.eu/world/enp/documents_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website