IP/08/474
Brussell, it-28 ta' Marzu 2008
Il-linji ta’ l-ajru kollha ta’ l-UE issa jistgħu joperaw titjiriet diretti lejn l-Istati Uniti minn kwalunkwe post fl-Ewropa, u mhux biss minn pajjiżhom. Il-Ftehim ineħħi r-restrizzjonijiet kollha fuq ir-rotot, il-prezzijiet jew l-għadd ta’ titjiriet fil-ġimgħa. Ħafna linji ta’ l-ajru se jżidu l-għadd ta’ titjiriet u destinazzjonijiet nhar il-Ħadd. It-titjiriet bejn Londra-Heathrow u l-Istati Uniti, pereżempju, se jiżdiedu b’madwar 20% meta mqabbla ma’ April 2007.
B’madwar 50 miljun passiġġier fis-sena bejn l-UE u l-Istati Uniti, il-ftehim ikopri dak li huwa bil-qabda l-akbar suq tat-trasport internazzjonali bl-ajru. It-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha fuq l-aċċess għas-suq għandha tistimula l-kompetizzjoni. Il-prezzijiet għat-titjiriet transatlantiċi huma mistennija jonqsu. Il-benefiċċji għall-konsumaturi jistgħu jilħqu sa €12-il biljun matul l-ewwel ħames snin. Il-Ftehim jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ 80 000 impjieg fuq iż-żewġ naħat ta’ l-Atlantiku.
Għall-ewwel darba, dan il-ftehim jistabbilixxi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jiġu indirizzati sfidi ġodda bħas-sigurtà jew l-ambjent. Dan għandu jiffaċilita l-operati tal-linji ta’ l-ajru u l-ajruporti u jnaqqsu l-iskariġġ għall-passiġġieri.
Din il-kooperazzjoni diġà qiegħda tagħti riżultati li jinħassu, pereżempju fil-qasam ta’ l-ambjent: L-Inizjattiva Atlantika għall-Interoperabbiltà biex Jitnaqqsu l-Emissjonijiet (AIRE) hija proġett konġunt biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-titjiriet transatlantiċi. Titjiriet transatlantiċi aktar ekoloġiċi għandhom inaqqsu l-emissjonijiet kull titjira.
Dan il-ftehim, li jibni fuq is-suċċess tas-suq intern Ewropew ta’ l-avjazzjoni, huwa pass tal-bidu importanti lejn l-armonizzazzjoni ta’ l-industrija ta’ l-avjazzjoni internazzjonali. L-għan aħħari ta’ l-Unjoni Ewropea huwa li toħloq Żona Transatlantika ta’ l-Avjazzjoni Miftuħa: suq uniku tat-trasport bl-ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti bi flussi ħielsa ta’ investiment u l-ebda restrizzjonit fuq is-servizzi ta’ l-ajru, inkluż l-aċċess għas-swieq domestiċi taż-żewġ partijiet. Għalhekk, il-ftehim li jidħol fis-seħħ fit-30 ta’ Marzu fih mekkaniżmu b’saħħtu għat-tieni fażi ta’ negozjati bi skeda ċara, li diġà tkun bdiet f’nofs Mejju 2008.
Il-Ftehim ġie ffirmat fit-30 ta’ April 2007 fil-Laqgħa Għolja Transatlantika bejn l-UE u l-Istati Uniti, li saret f'Washington. Jidħol minflok 21 ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti bir-restrizzjonijiet tagħhom fuq bażi ta’ nazzjonalità. Sa issa, il-linji ta’ l-ajru ta’ l-UE ma setgħux joperaw titjiriet lejn l-Istati Uniti minn barra pajiżhom.
MEMO/08/185