Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/464

Brussell, id-19 ta' Marzu 2008

Aktar sikurezza fit-toroq tagħna, l-istess trattament għas-sewwieqa residenti u dawk fi tranżitu

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat abbozz ta' direttiva maħsuba biex tiffaċilita s-segwitu transkonfinali tal-każijiet ta' ksur tal-kodiċi tas-sewqan li l-aktar li jipperikolaw is-sikurezza. L-għan huwa li nimplimentaw il-mekkaniżmi tekniċi u l-istrumenti legali li jħallu li sewwieq Ewropew li jkun wettaq ksur fi Stat Membru għajr dak li fih tkun irreġistrata l-vettura tiegħu jkun jista' jiġi identifikat, u għalhekk ikun jista' wkoll jiġi ssanzjonat. Din il-miżura sejra ttejjeb sostanzjalment is-sikurezza fit-toroq Ewropej, billi ġġib magħha bidla pożittiva fl-aġir sew fost is-sewwieqa fi tranżitu kif ukoll dawk residenti. Barra minn hekk, sejra ttemm id-differenzi fit-trattament li spiss jeżistu bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta' utenti tat-triq.

"Is-sikurezza fit-toroq hija affari ta' kulħadd, u hija prijorità għall-Kummissjoni. Fl-2001 stabbilixxejna l-mira li f'għaxar snin innaqqsu bin-nofs l-għadd ta' mwiet fit-toroq tagħna. Biex naslu għal dan, jeħtiġilna nagħmlu aktar sforzi llum. Id-direttiva li għadna kemm adottajna hija aspett importanti ħafna tal-ġabra ta' miżuri li ttieħdu biex tittejjeb il-qagħda tas-sikurezza fit-toroq ta' l-Ewropa", qal Jacques Barrot, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għat-trasport.

Illum sewwieq li jikser il-kodiċi tas-sewqan b'vettura rreġistrata f'pajjiż ieħor ta' l-Unjoni Ewropea jeħlisha lixxa, għajr fi ftit każijiet eċċezzjonali, minħabba li ma jkunx jista' jiġi identifikat, jew li ma jkunx jista' jiġi verifikat l-indirizz fejn tkun irreġistrata l-vettura. Din l-impunità mhux biss tipperikola s-sikurezza fit-toroq, iżda hija wkoll diskriminatorja fir-rigward tar-residenti, li jiġu ssanzjonati meta jwettqu ksur.

Biex tirranġa din il-qagħda, il-Kummissjoni trid timplimenta sistema fi ħdan l-UE li tiffaċilita s-segwitu transkonfinali tal-ksur li l-aktar jikkawża inċidenti tat-triq. Netwerk Ewropew għall-iskambju elettroniku ta' l-informazzjoni sejjer jippermetti li ċ-ċitazzjonijiet jintbagħtu barra mill-pajjiż. Min-naħa ta' l-Istati Membri, dan sejjer jirrikjedi l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti amministrattivi adegwati, imma se jkun wisq aktar sempliċi mit-tiftix manwali ta' llum.

Id-direttiva proposta sejra tkopri erba' tipi ta' ksur tal-kodiċi tas-sewqan: veloċità għolja wisq, is-sewqan taħt l-influwenza ta' l-alkoħol, in-nuqqas ta' l-użu taċ-ċinturin tas-sikurezza u s-sewqan minkejja d-dwal ħomor. Dawn l-erba' tipi ta' ksur huma dawk li prinċipalment jikkawżaw l-inċidenti tat-triq u l-imwiet: jikkawżaw kważi 70% ta' l-imwiet fit-toroq.

Mill-2001 'l hawn, il-mira ta' l-UE fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq hija li tnaqqas b'nofs l-għadd ta' vittmi ta' inċidenti mortali. Fl-2001, 54 000 persuna nqatlu fit-toroq tas-27 pajiż li llum huma Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea. Fl-2007, għall-ewwel darba wara l-2001, ma rreġistrajna l-ebda progress fit-tnaqqis ta' l-imwiet fit-toroq, li baqgħu jammontaw għal 43 000. Dan bħallikieku fl-Ewropa kull ġimgħa kellhom jikkraxxjaw ħames ajruplani ta' daqs medju. Matul il-perjodu 2001-2007, l-għadd ta' l-imwiet fit-toroq naqas b'20%, filwaqt li biex titnlaħaq il-mira sa l-2010, kellu jkun hemm tnaqqis ta' 37%.
F'Ottubru 2003, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar l-aħjar prattiki f'dak li jirrigwarda l-kontroll ta' l-applikazzjoni tar-regoli tat-traffiku (2004/345/KE). Ix-xejra osservata fl-iżviluppi ta' l-inċidenti tat-traffiku turi li dan l-istrument mhux obbligatorju mhuweix biżżejjed biex jintlaħqu r-riżultati. Bi ftit eċċezzjonijiet, il-ftehimiet bilaterali eżistenti ma ħallewx frott. L-implimentazzjoni ta' sistema effikaċi ta' segwitu transkonfinali tal-ksur jista' jnaqqas sostanzjalment l-għadd preżenti ta' mwiet fl-inċidenti tat-toroq.

http://ec.europa.eu/transport/roadsafety/index_mt.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website