Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/463

Brussell, 19 ta' Marzu 2008

It-trasparenza: sa April 2009 tiġi ppubblikata lista tal-benefiċjarji kollha ta' l-għajnuna agrikola ta' l-UE

Lista dettaljata ta' dawk li jkunu rċevew ħlasijiet agrikoli u ta' l-iżvilupp rurali mingħand l-Unjoni Ewropea sejra tiġi ppubblikata skond regoli ġodda li l-Kummissjoni Ewropea adottathom illum. Sat-30 ta' April 2009, l-isem sħiħ, il-lokalità u, fejn tkun disponibbli, il-kodiċi postali ta' kull benefiċjarju se jkunu ppubblikati b'mod ċar u armonizzat fuq siti ta' l-internet immexxija mill-awtoritajiet nazzjonali, b'għodda tat-tiftix li tħalli lill-pubbliku jara kemm flus tkun irċeviet kull persuna jew kumpanija. L-ammonti se jkunu maqsuma fi ħlasijiet diretti lill-bdiewa u miżuri oħra ta' appoġġ. Għall-politika ta' l-iżvilupp rurali, li jiffinanzjawha flimkien l-UE u l-gvern nazzjonali, l-informazzjoni se tinkludi sew somom mill-UE kif ukoll dawk nazzjonali. Din l-informazzjoni se tkun disponibbli sat-30 ta' April ta' kull sena għas-sena finanzjarja ta' qabel, u jeħtiġilha tibqa' fuq is-sit ta' l-internet għal sentejn mid-data tal-pubblikazzjoni oriġinali tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea sejra żżomm sit tagħha, li se jkun fih links għal kull sit nazzjonali.

"Dan huma flus ta' min iħallas it-taxxi, u għaldaqstant importanti li n-nies tkun taf fiex qed jintefqu," qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. "It-trasparenza għandha ttejjeb ukoll il-ġestjoni ta' dawn il-fondi, billi ssaħħaħ il-kontroll pubbliku fuq l-użu tal-flus. Huwa biss b'hekk li nkunu nistgħu niggarantixxu li jkollna dibattitu infurmat dwar il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni. Sew aħna kif ukoll il-Parlament Ewropew ilna nitħabtu għal dan il-livell ta' trasparenza, u aħna ferħanin li issa għandna qbil dwar kif se taħdem is-sistema."

Ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid, adottat fl-2006, jistipula l-prinċipju li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jippubblikaw lista ta' dawk kollha li jirċievu kwalunkwe forma ta' fondi ta' l-UE għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, għal kull sena finanzjarja. Ir-Regolament tal-Kummissjoni li ġie adottat illum, u li l-Istati Membri tawh l-appoġġ tagħhom, ifisser id-dettalji ta' kif għandha ssir din il-pubblikazzjoni, wara li l-Kunsill kien qabel fuq l-elementi ewlenin f'Novembru li għadda.

Ir-regolament jipprovdi li kull Stat Membru għandu jippubblika l-informazzjoni fuq sit ta' l-internet li permezz tiegħu il-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jfittxu l-benefiċjarji bl-isem, bil-lokalità, bis-somom li jkunu rċevew (u l-valuta kkonċernata), jew b'dawn it-tliet kriterji kkombinati flimkien, u jkunu jistgħu wkoll joħorġu l-informazzjoni bħala sett unit ta' tagħrif. Lill-Istati Membri jobbligahom jgħarrfu lill-benefiċjarji li l-informazzjoni dwarhom tkun sejra tiġi ppubblikata, u li huma jgawdu d-drittijiet li jagħtuhom ir-regoli ta' l-UE dwar il-protezzjoin tad-dejta, biex b'hekk jiżguraw li s-sistema taqdi r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta.

Din l-informazzjoni ser tkun disponibbli sat-30 ta' April tas-sena wara dik li fiha jkun sar il-ħlas, u tibqa' fuq is-sit ta' l-internet għal sentejn wara d-data tal-pubblikazzjoni inizjali. Il-pubblikazzoni ta' l-informazzjoni dwar il-fondi ta' l-iżvilupp rurali se tibda kemmxejn qabel dik dwar il-ħlasijiet agrikoli diretti. Għall-fondi kollha ta' l-iżvilupp rurali minfuqa bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Ottubru 2007, l-informazzjoni se tkun ippubblikata sat-30 ta' Settembru 2008.

Ġaladarba fi ħdan l-UE hemm strutturi organizzattivi differenti, l-Istati Membri nfushom jiddeċiedu min se jkun inkarigat bit-twaqqif u l-manutenzjoni tas-sit ta' l-internet uniku tagħhom. Jistgħu jiddeċiedu wkoll li jippubblikaw informazzjoni aktar dettaljata, jekk jagħżlu hekk. Il-Kummissjoni sejra tieħu ħsieb sit ta' l-internet tagħha stess, li jipprovdi link għas-siti nazzjonali individwali.
Għadd ta' Stati Membri diġà jippubblikaw listi tal-benefiċjarji ta' fondi agrikoli ta' l-UE, u l-Kummissjoni diġà tipprovdi link li permezz tagħha l-pubbliku jista' jsib dawn is-siti nazzjonali.

http://ec.europa.eu/agriculture/funding/index_mt.htm

Id-deċiżjoni tal-lum hija l-aħħar stadju fl-Inizjattiva tal-Kummissjoni favur it-Trasparenza, idea li ilha għaddejja u li timmira li tqawwi l-ftuħ u l-aċċessibbiltà ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE, tqajjem kuxjenza dwar l-użu tal-baġit ta' l-UE u li lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni ġġibhom jagħtu kont aktar lill-pubbliku.
Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/commission_barroso/kallas/transparency_en.htm


Side Bar