Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: prijorità għall-Ewropej

European Commission - IP/08/445   13/03/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/08/445

Brussell, it-13 ta’ Marzu 2008

L-ambjent: prijorità għall-Ewropej

Skond stħarriġ ta’ l-Ewrobarometru, ippubblikat illum, ’il fuq minn żewġ terzi mill-Ewropej jippreferu li d-deċiżjonijiet politiċi dwar l-ambjent jittieħdu fil-livell ta’ l-Unjoni Ewropea. Ir-rapport juri wkoll li l-Ewropej qegħdin isiru dejjem aktar konxji tar-rwol li għandu l-ambjent fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Aktar minn 95% taċ-ċittadini Ewropej iħossu li huwa importanti li jitħares l-ambjent. Xi 80% jħossu wkoll li l-ambjent jinfluwenza l-kwalità tal-ħajja tagħhom u jikkunsidraw li għandhom rwol x’joffru biex iħarsuh. It-tibdil fil-klima jiġi fuqnett fil-lista tal-kwistjonijiet ambjentali ta’ l-Ewropej, u warajh jiġu t-tniġġis u d-diżastri kkawżati mill-bniedem.

Stavros Dimas, il-Kummissarju għall-Ambjent, qal: "Il-biċċa l-kbira mill-Ewropej jgħidu li l-Unjoni Ewropea għandha tistinka aktar favur l-ambjent u li d-deċiżjonijiet dwar l-ambjent l-aħjar li jittieħdu fuq livell Ewropew. Maġġoranza assoluta ta’ l-Ewropej iqisu li l-leġiżlazzjoni Ewropea armonizzata dwar l-ambjent hija meħtieġa, u jemmnu li l-UE għandha tgħin pajjiżi oħra biex itejbu l-istandards ambjentali tagħhom."

L-Ewropej imħassba dwar l-OMĠ

Filwaqt li l-istħarriġ ta’ l-Ewrobarometru juri li l-ħames kwistjonijiet ambjentali ewlenin li l-Ewropej huma l-aktar imħassba dwarhom huma t-tibdil fil-klima, it-tniġġis ta’ l-ilma u ta’ l-arja, id-diżastri kkawżati mill-bniedem, u l-użu ta’ kimiċi fil-prodotti ta’ kuljum, maġġoranza minnhom huma wkoll inċerti dwar l-użu ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (OMĠ) fl-agrikoltura. Madwar 58% taċ-ċittadini Ewropej jistqarru li jibżgħu mill-użu ta’ l-OMĠ u 21% jgħidu li jappoġġawhom.

L-Ewropej lesti li jixtru prodotti ekoloġiċi

Iċ-ċittadini Ewropej juru ħeġġa liema bħalha għax-xiri ta’ prodotti ekoloġiċi. Madwar tliet kwarti mill-Ewropej jiddikjaraw li huma lesti jagħmlu dan, anke jekk dan ifisser li jridu jħallsu ftit aktar. Bħala medja, 17% ta’ l-Ewropej biss qalu li kienu xtraw prodotti ekoloġiċi matul l-aħħar xahar. Dan ifisser li kważi 60% ta’ l-Ewropej jgħidu li lesti li jaqilbu għall-konsum ta’ prodotti ekoloġiċi, iżda għadhom ma għamlux dan. Il-maġġoranza ta’ l-Ewropej (52%) jgħidu li ser ikunu kapaċi jagħrfu prodott ġenwinament ekoloġiku mit-tikketta tiegħu.

Il-ħarsien ambjentali ma jfixkilx l-ekonomija

Dwar jekk il-ħarsien ambjentali huwiex ostaklu jew le għat-tkabbir ekonomiku, jew jekk jixprunax l-innovazzjoni, kważi żewġ terzi mill-Ewropej iħossu li l-ħarsien ta’ l-ambjent huwa aktar inċentiv għall-innovazzjoni (63%) milli ostaklu għall-ekonomija (16%). Madwar l-istess proporzjon ta' l-Ewropej (64%), iħossu li l-ħarsien ta’ l-ambjent għandu jingħata prijorità fuq il-kompetittività ekonomika, filwaqt li 18% jħossu li l-kompetittività hija aktar importanti.

Aktar minn żewġ terżi miċ-ċittadini Ewropej huma wkoll konvinti li l-progress ta’ pajjiżi individwali għandu jitkejjel permezz ta’ indikaturi soċjali, ambjentali u ekonomiċi, waqt li minoranza (15%) jemmnu li l-progress għandu jkun msejjes l-aktar fuq indikaturi monetarji u ekonomiċi.

Tweġibiet globali għal problemi globali

Madwar żewġ terzi miċ-ċittadini Ewropej jippreferu li jaraw id-deċiżjonijiet dwar l-ambjent jittieħdu b’mod konġunt fi ħdan l-Unjoni Ewropea milli fuq livell nazzjonali. Proporzjon kbir ta’ l-Ewropej igħidu wkoll li jqisu li l-leġiżlazzjoni Ewropea armonizzata dwar l-ambjent hija meħtieġa (82%), li l-UE għandha tgħin pajjiżi li mhumiex fl-UE biex itejbu l-istandards ambjentali tagħhom (80%), u li l-UE għandha talloka aktar flus għall-ħarsien ta’ l-ambjent (78%).

Madwar 78% ta’ l-Ewropej jikkunsidraw ukoll li jkun siewi l-ħolqien ta’ korp Ewropew tal-protezzjoni ċivili li jieħu ħsieb diżastri naturali fil-pajjiż tagħhom.

Għal aktar tagħrif:
Ewrobarometru: Attitudes of European citizens towards the environment (L-Attitudnijiet taċ-ċittadini Ewropej lejn l-ambjent)

http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm
Individual Member State fact sheets (Ġabriet ta’ tagħrif dwar Stati Membri individwali)

http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm
Ir-Rapport ta’ l-Ewrobarometru jista’ jitniżżel mill-paġna ewlenija tas-sit tal-Kummissarju Dimas:

http://ec.europa.eu/commission_barroso/dimas/index_en.htm
Il-websajt dwar l-ambjent tal-Kummissjoni Ewropea

http://ec.europa.eu/environment/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website