Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/425

Brussell, il-11 ta' Marzu 2008

L-UE tipprojbixxi l-bejgħ ta’ lajters tas-sigaretti li ma jkunux reżistenti għat-tfal u lajters “ġugarelli”

Fil-11 ta’ Marzu tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li pprojbiet il-bejgħ ta’ lajters li ma jkunux reżistenti għat-tfal u lajters “ġugarelli” lill-konsumaturi. Id-deċiżjoni ġiet adottata mill-Istati Membri ta' l-UE rrappreżentati fil-Kumitat tad-Direttiva Ġenerali dwar is-Sikurezza tal-Prodotti (GPSD) fit-13 ta’ Frar 2007. Id-Deċiżjoni ttejjeb is-sikurezza tal-konsumaturi billi tirrikjedi li, mill-11 ta' Marzu, il-lajters tas-sigaretti perikolużi għat-tfal ma jkunux jistgħu jinbiegħu lill-konsumaturi Ewropej. It-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni ta’ dawn il-lajters diġà ilhom ipprojbiti mill-11 ta’ Marzu 2007, u l-industrija kellhom sena biex ibiegħu l-istokkijiet tagħhom. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tirrikjedi lill-Gvernijiet jiżguraw li l-lajters komuni tas-sigaretti li jitqiegħdu fis-suq ta’ l-UE jkunu reżistenti għat-tfal. Tipprojbixxi wkoll it-tqegħid fis-suq ta’ lajters li jixbħu oġġetti li huma partikolarment attraenti għat-tfal (imsejħa wkoll “novelty lighters”).

“Jiena nilqa’ d-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-rekwiżiti importanti, li se jżidu s-sikurezza tal-konsumaturi, u partikolarment tat-tfal, fl-Ewropa", qalet il-Kummissarju Ewropew għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi Meglena Kuneva. “Kull min hu involut issa se jkollu jiżgura li l-lajters li ma jkunux konformi ma jkunux jistgħu jispiċċaw għand l-utenti finali. Jiena nħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-infurzar biex jieħdu r-responsabilità tagħhom bis-serjetà u jinfurzaw dawn ir-rekwiżiti bir-reqqa”.

Għaliex hemm bżonn ta’ din id-Deċiżjoni?

L-użu ħażin tal-lajters tas-sigaretti fil-logħob mit-tfal żgħar jikkawża għadd kbir ta’ inċidenti serji ta’ nar. Huwa stmat li madwar 1,500 u 1,900 korriment u 34 sa 40 fatalità jseħħu kull sena fl-UE minħabba aċċidenti marbuta man-nar ikkawżati minn tfal li jilagħbu bil-lajters. Jeżistu mekkaniżmi reżistenti għat-tfal biex jipprevjenu dawn l-aċċidenti, u l-użu tagħhom ilu obbligatorju fl-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja u New Zealand għal madwar 10 snin. L-introduzzjoni ta’ rekwiżiti għar-reżistenza għat-tfal fl-Istati Uniti rriżultat fi tnaqqis ta’ 60 % fl-għadd ta’ inċidenti bħal dawn.Il-lajters tas-sigaretti huma prodotti tal-konsumaturi li fihom infushom huma perikolużi billi jipproduċu fjamma jew sħana, u billi fihom il-fjuwil. Huma ta’ periklu serju f'każ li jsir użu ħażin tagħhom mit-tfal. Dan huwa minnu partikolarment fil-każ ta’ lajters li jintremew u li jinbiegħu fi kwantitajiet kbar, ħafna drabi f'pakketti ta' iktar minn waħda, u jintużaw bħala prodotti ta' valur baxx li jintremew la darba jinħlew. It-tfal jistgħu jilagħbu bihom u aċċidentalment jikkawżaw nirien, korrimenti serji u mwiet.

X'inhu kopert?

Ir-rekwiżit għar-reżistenza għat-tfal tad-Deċiżjoni japplika għal madwar 98 % tal-lajters kollha mibjugħa fl-UE kull sena, inkluż il-lajters li jintremew meta jinħlew, il-lajters tal-plastik u l-lajters tal-metal b'valur baxx. Ċerti lajters mhumiex koperti mir-rekwiżit għar-reżistenza għat-tfal minħabba li mhumiex aċċessibbli daqshekk faċilment mit-tfal.

Madankollu, għandhom jikkonformaw ma’ għadd ta’ rekwiżiti ġenerali ta’ sikurezza kif stipulat fi standard speċifiku dwar is-sikurezza tal-lajters; EN ISO 9994. Biex il-lajters jiġu esklużi mir-rekwiżiti tar-reżistenza għat-tfal għandhom jissodisfaw għadd ta' kriterji tekniċi stipulati fid-Deċiżjoni. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ lajters li jixbħu oġġetti li huma partikolarment attraenti għat-tfal (pereżempju ġugarelli, telefoni mobbli, ikel, karozzi, eċċ.) u għalhekk jirrappreżentaw riskju għoli ta' użu ħażin (l-hekk imsejħa "novelty lighters").

X’inhi “lajter reżistenti għat-tfal”?

Standard Ewropew (EN 13869:2002) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reżistenza għat-tfal tal-lajters. Lajters li huma konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti f’dan l-istandard Ewropew huma preżunti li jikkonformaw mad-Deċiżjoni. Il-konformità hija preżunta wkoll għal dawk il-lajters li jkunu konformi mar-rekwiżiti tar-reżistenza għat-tfal ta’ pajjiżi mhux membri ta’ l-UE jekk dawn ir-rekwiżiti jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti mid-Deċiżjoni (bħal dawk fl-Istati Uniti).

Kif qed taħdem id-Deċiżjoni?

Fuq talba ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, il-manifatturi u l-importaturi għandhom jibagħtu d-dokumenti rilevanti kollha, inklużi r-rapporti tat-testijiet għar-reżistenza għat-tfal. Ir-rapporti tat-testijiet għandhom jinħarġu mill-entitajiet ta' ttestjar li jkunu akkreditati jew rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri. Ir-rapporti tat-testijiet jistgħu wkoll jinħarġu minn entità ta’ l-ittestjar li r-rapporti tagħha jkunu aċċettati minn pajjiżi fejn ikunu fis-seħħ rekwiżiti tar-reżistenza għat-tfal ekwivalenti għal dawk fid-Deċiżjoni (bħal fl-Istati Uniti). Id-distributuri huma obbligati jikkooperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti u, meta jiġu mitluba, għandhom jipprovdu d-dokumentazzjoni neċessarja biex jintraċċaw l-oriġini tal-lajters li jqiegħdu fis-suq. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri huma responsabbli għall-infurzar tar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni u issa għandhom jiċċekkjaw jekk għadx fadal lajters ġugarelli u lajters mhux reżistenti għat-tfal fuq l-ixkafef.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur:

http://ec.europa.eu/consumers/safety/prod_legis/prod_legislation_lighters_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website