IP/08/406
Brussell, 10 ta’ Marzu 2008
Il-Kummissarju Kuneva qalet: “Billi qed noqorbu lejn il-Jum Ewropew tal-Konsumatur, għandi messaġġ għal 490 miljun konsumatur Ewropew. Għandkom drittijiet ċari daqs il-kristall u ma għandkomx toqogħdu taħsbuha biex tużawhom. Huma l-konsumaturi li jmexxu s-suq. Huma l-konsumaturi li jkabbru l-kompetizzjoni. Għalhekk, tibżgħux tagħżlu, tibdlu, tistaqsu u tfittxu kumpens. Kuntenta li qed isir tant sforz fl-Istati Membri biex jiġi promoss dan il-messaġġ, bħalma jidher f'dawn il-kampanji li tassew jimpressjonaw."
Għażla ta’ kampanji nazzjonali li jispikkaw
Bi tħejjija għal Jum il-Konsumatur, l-Istati Membri (u n-Norveġja u l-Iżlanda) ġew mistiedna jorganizzaw kompetizzjonijiet għall-aħjar kampanja dwar il-konsumatur tas-sena, u biex jippreżentaw ir-rebbieħa lill-Kummissjoni għal “gran finali” Ewropew. Din il-kompetizzjoni ma’ l-UE kollha kienet opportunità biex jingħata rikonoxximent xieraq lix-xogħol magħmul minn organizzazzjonijiet nazzjonali u indipendenti biex jiġu promossi d-drittijiet tal-konsumaturi. Din tat ukoll l-opportunità lill-Istati Membri biex jagħrfu l-aktar kwistjonijiet rilevanti li għandhom x'jaqsmu mal-konsumaturi għaċ-ċittadini tagħhom, u biex jaqsmu l-ideat dwar kif għandhom ikabbru l-għarfien tad-drittijiet tal-konsumaturi. Il-kompetizzjonijiet kienu kkoordinati fil-livell nazzjonali miċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC). Il-kampanji rebbieħa kienu dawk li b’mod wiesa’ wasslu l-messaġġ li l-konsumaturi għandhom "ikunu jafu drittijiethom u jużawhom” fit-tranżazzjonijiet ta’ kuljum tagħhom. Fl-istess waqt, intużat firxa impressjonanti ta’ temi u avviċinamenti biex jitwassal dan il-messaġġ.
Ċampjins tal-Konsumaturi Ewropej
Ir-rebbieħa Ewropej ingħażlu minn bord indipendenti, abbażi tal-livell għoli ta’ oriġinalità, u ta’ rilevanza u effettività fil-kampanji tagħhom.
L-ewwel premju ngħata lill-Finlandja (l-Aġenzija Finlandiża tal-Konsumaturi) għal "Galactor and the Code-breakers”. Din il-kampanja kellha l-għan li teduka ż-żgħażagħ adulti dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-konsumaturi, b'mod partikulari f'dak li jikkonċerna l-internet u x-xiri bit-telefown ċellulari, permezz ta' logħba moderna u stimulanti fuq il-web. Is-suċċess ta’ din il-kampanja rriżulta bil-firxa tagħha f'għadd ta' Stati Membri oħra.
Il-kampanja tar-Renju Unit rebħet il-premju fil-kategorija “l-aktar oriġinali” permezz tal-“Consumer Challenge Quiz” tagħha, maħluq biex jgħin liż-żgħażagħ b’diffikultajiet biex jitgħallmu sabiex ikunu konsumaturi aktar informati u kunfidenti. L-Irlanda rċeviet il-premju għall-"aħjar kampanja finanzjarja” għal profil għoli ta’ promozzjoni ta’ websajt għal finanzi personali, imfassal biex jassisti l-konsumaturi biex jieħdu deċiżjonijiet dwar il-finanzi personali b'mod aktar informat. "L-aħjar premju għat-tfal" ingħata lill-Ungerija, għal kompetizzjoni mal-pajjiż kollu fl-iskejjel primarji li kellha bħala temi 3 kwistjonijiet dwar il-konsumaturi. Il-Bord ta’ ġurija ta wkoll premjijiet speċjali ta’ mertu lin-Norveġja għall-kampanja tagħha “iTunes” u lill-Estonja għall-kampanja “Make Responsible Credit Decisions”, li tmexxiet minn bank indipendenti.
Niċċelebraw Jum il-Konsumatur mal-konsumaturi
Il-Kummissarju Kuneva se tiftaħ wirja pubblika tal-kampanji nazzjonali
fil-Galeries de la Reine (fiċ-ċentru ta' Brussell) b'laqgħa
qasir għall-ġurnalisti fl-14.00 illum. Il-wirja se tkun
miftuħa mill-10 -11 ta' Marzu, sabiex xerrejja "ta' vera"
jistgħu jieħdu gost u jitgħallmu mill-messaġġi li qed
jipprovaw jgħaddu l-kampanji. Il-Kummissarju se tippreżenta wkoll
ir-rebbieħa Ewropej bil-premjijiet tagħhom f’ċerimonja
uffiċjali li se jattendu għaliha diversi partijiet interessati
fil-Galeries illum wara nofsinhar.
Għal informazzjoni dwar il-kampanji
rebbieħa nazzjonali u ta' l-UE, ara:
http://ec.europa.eu/consumers/ecd/index_en.htm
Għal
aktar tagħrif, ara:
http://ec.europa.eu/consumers/index_en.htm