Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/08/392

Brussell, is-6 ta’ Marzu 2008

"Jinħtieġu aktar nisa fl-industrija Ewropea ta’ l-ICT"

Sikwit wieħed jaħseb li l-karrieri fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) huma limitati għall-irġiel, iżda din ix-xorta ta' stereotip hija 'l bogħod ħafna mill-verità. Għalkemm il-proporzjon ta’ nisa li jiggradwaw fl-inġinerija jew fl-informatika għadu ferm baxx, in-nisa żgħażagħ jistgħu jistennew li jkollhom karriera ta’ suċċess u ta’ sodisfazzjon fis-settur ta’ l-ICT. Dan is-suġġett huwa l-qofol ta' konferenza li ġiet organizzata llum fi Brussell bħala preludju għall-Jum Internazzjonali tal-Mara (it-8 ta’ Marzu), u li fiha l-Kummissjoni Ewropea se tħeġġeġ lin-nisa żgħażagħ fl-Ewropa biex "Joħorġu mid-dell u jaħtfu l-opportunITà".

"Huwa inaċċettabbli li l-Ewropa għandha nuqqas ta’ persunal ikkwalifikat fl-ICT. Jekk ma naffrontawx dan in-nuqqas ta' informatiċi u inġiniera, se jispiċċa jrażżan it-tkabbir ekonomiku Ewropew, u l-Ewropa tissogra li tibqa' lura meta mqabbla mal-kompetituri tagħha fl-Ażja", qalet Viviane Reding, il-Kummissarju ta’ l-UE għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u l-Mezzi ta' Komunikazzjoni. "Jeħtiġilna negħlbu l-istereotipi komuni li jpinġu l-karrieri fl-ICT bħala nojjużi u tekniċi wisq għan-nisa, u minflok, għandna nħeġġu lin-nisa biex jiksbu suċċess f'dan is-settur eċċitanti, innovattiv u mill-aktar divers."

L-industrija ta’ l-ICT tirrappreżenta kwart tat-tkabbir totali ta’ l-UE u 4% ta’ l-impjiegi tagħha, iżda hemm nuqqas ta' madwar 300 000 impjegat ikkwalifikat. Għaldaqstant, huwa ta’ l-akbar importanza li ż-żgħażagħ –inklużi n-nisa– jitħeġġew jagħżlu karriera f'dan is-settur. Jekk nonqsu milli nagħmlu dan, il-kompetittività Ewropea se tbati.

Minkejja li l-għadd ta’ studenti li ggradwaw fl-inġinerija żdied b'mod sinifikanti madwar l-UE-27, minn 150 965 fl-1998 għal 320 950 fl-2004, ir-rata ta’ tkabbir annwali qiegħda tonqos b'mod esponenzjali, minn 60% fl-1998 għal 10% fl-2004. Din il-qagħda tixbah kemmxejn lil dik ta' l-Istati Uniti, fejn il-perċentwal ta’ l-istudenti fl-ewwel sena ta’ l-università li jindikaw l-informatika bħala l-ewwel għażla tagħhom għal-lawrja naqas minn kważi 4% għal 1%, li hija l-aktar rata baxxa għall-informatika mill-1977!

Is-sitwazzjoni għan-nisa hija ta’ tħassib saħansitra akbar.

Minn naħa, il-proporzjon tan-nisa li jiggradwaw mill-università żdied fi kważi kull qasam fl-Ewropa; iżda min-naħa l-oħra, dan il-proporzjon għadu baxx għal-lawrji fl-inġinerija, fejn 19% biss mill-iggradwati fl-2004 kienu nisa. F'ċerti pajjiżi, bħall-Awstrija, il-Portugall u l-Polonja, l-għadd ta’ nisa li ggradwaw fl-informatika anki naqas b'mod sinifikanti mill-1998 sa l-2005.

In-nisa huma dejjem aktar preżenti fil-livell tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f'kumpaniji ewlenin ta’ l-ICT, iżda għadhom mhumiex rappreżentati b'mod sodisfaċenti. Skond analiżi li saret f'Ottubru 2007 f'150 kumpanija Ewropea fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, instab li l-perċentwal medju tan-nisa fil-bordijiet tad-diretturi kien ta’ 6%. Din hija prova ċara li għad fadal ħafna ħidma xi ssir biex in-nisa jinġibdu lejn karrieri twal fis-settur ta’ l-ICT.

Il-Kummissjoni Ewropea bdiet l-eżerċizzju pilota tagħha sentejn ilu bl-inizjattiva ta’ “l-osservazzjoni fid-dell” ("Shadowing"), bil-għan li tixpruna l-interess ta’ aktar nisa żgħażagħ li waslu biex jieħdu deċiżjoni fuq il-karriera futura tagħhom. Din l-iskema toffri lin-nisa żgħażagħ l-esperjenza li jakkumpanjaw lil direttriċi f’kariga għolja li taħdem fis-settur ta’ l-ICT matul ġurnata tipika tax-xogħol. Bħala preludju għall-Jum Internazzjonali tal-Mara din is-sena, il-Kummissjoni llum qiegħda tippreżenta r-riżultati ta’ “l-Inizjattiva tax-Shadowing" fi Brussell. Din il-konferenza tinkludi workshops dwar kif aktar nisa jistgħu jinġibdu lejn karrieri fis-settur ta’ l-ICT. Fl-2007, dan il-proġett ta lil aktar minn 50 mara żagħżugħa ċ-ċans li tiskopri kif ikun ix-xogħol fl-ICT, f'20 kumpanija ewlenija madwar l-Ewropa.

Fid-dawl tas-suċċess miksub fis-snin ta’ qabel, il-Kummissarju Viviane Reding din is-sena tixtieq tmur pass ieħor 'il quddiem. Id f'id ma’ l-industrija, ser tibda "Kodiċi Ewropew ta' l-Aqwa Prassi għan-Nisa fl-ICT". L-għan huwa li jwaqqaf il-fenomenu tal-"leaky pipeline", fejn in-nisa x'aktarx jiżvijaw mit-triq tal-karriera minħabba raġunijiet varji, kif ukoll li jwarrab uħud mill-istereotipi rigward ix-xogħol f'dan is-settur. L-industrija mistennija tilħaq ftehim dwar dan il-Kodiċi sa Jum il-Mara 2009.

Għal aktar tagħrif:

Fis-sit li ġej, issib il-"vidjows tax-Shadowing" ta’ 6 nisa żgħażagħ li kull waħda minnhom takkumpanja mara mlaħħqa fis-settur ta’ l-Informatika fl-2007:
http://ec.europa.eu/itgirls

Dwar il-Jum Internazzjonali tal-Mara:
http://www.internationalwomensday.com/

Anness

Lista tal-kumpaniji u ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-IT parteċipanti
fl-“Inizjattiva tax-Shadowing" 2008

Athens Information Technology — AIT

Consorzio per il Centro di Biomedicina Molecolare Scarl — CBM

European Organization for Nuclear Research — CERN

Fraunhofer Institute

Fujitsu

FUTURtec

HOLOGRAFICA

IKERLAN

IMT

INRIA

INTRACOM

Joint Research Centre — JRC

L’OREAL

MOTOROLA

NOKIA

Portugal Telecom

Thales Alenia Space
University of Southampton


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website