Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-bidla għall-euro f’Ċipru u Malta kważi lesta

European Commission - IP/08/36   14/01/2008

Other available languages: EN FR DE EL

IP/08/36

Brussell, l-14 ta’ Jannar 2008

Il-bidla għall-euro f’Ċipru u Malta kważi lesta

Il-fażi attiva tal-bidla għall-euro issa kważi spiċċat kemm f'Ċipru kif ukoll f'Malta. Bis-saħħa ta’ preparazzjonijiet intensivi u sistematiċi kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva u entużjasta taċ-ċittadini, l-euro ġiet introdotta malajr iżda bla tfixkil fil-ħajja ta’ kuljum tal-popolazzjonijiet Ċiprijotta u Maltija, u l-valuti ta’ qabel issa kważi sparixxew mill-idejn. Mit-tagħlim li ħadna mill-bidliet fl-2002, 2007 u 2008, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni ġdida dwar l-organizzazzjoni ta’ bidliet għall-euro fil-ġejjieni.

Ħmistax wara l-bidu ta’ l-operazzjoni, madwar 90% tal-ħlas bil-flus kontanti fil-ħwienet issa huwa bl-euro kemm f’Ċipru kif ukoll f’Malta[1]. Bejjiegħa bl-imnut f’Malta komplew esklussivament bl-euro fit-tranżazzjonijiet kollha ta’ flus kontanti li kienu jeħtieġu bqija u kważi kollha kemm huma għamlu hekk f’Ċipru (99%).Il-Kummissarju Joaquín Almunia, wara li ġie lura mill-kapitali ta' Malta, Valletta, fejn flimkien mal-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso attenda ċ-ċerimonja uffiċjali li ċċelebrat l-adozzjoni ta’ l-euro, iddikjara: "NIxtieq nifraħ lill-awtoritajiet Maltin u Ċiprijotti tal-preparazzjoni eċċellenti tagħhom, kif ukoll liċ-ċittadini talli laqgħu b’idejhom miftuħin il-munita l-ġdida tagħhom. Bid-daħla taż-żewġ gżejjer ftaħna kapitolu ġdid fl-istorja qasira iżda diġà rikka taż-żona ta’ l-euro. L-awtoritajiet iridu issa jibqgħu impenjati biex jimplimentaw l-istess politiki sodi li kienu meħtieġa għad-daħla fiż-żona ta’ l-euro u li hemm bżonn biex naħsdu l-benefiċċji kollha tagħha”.

Sat-12 ta’ Jannar filgħaxija, disgħa minn kull għaxar ċittadini taż-żewġ pajjiżi, fil-kartieri u l-portmonijiet tagħhom, kellhom biss jew kważi biss flus kontanti euro (għal karti tal-flus: 93% kemm f’Ċipru u f’Malta; għal muniti 87% f’Ċipru u 96% f'Malta). Fiż-żewġ pajjiżi, bosta ċittadini għandhom issa esklussivament karti tal-flus ta’ l-euro (77% f’Ċipru, 81% f’Malta) u muniti ta’ l-euro (74% f’Ċipru, 79% f’Malta) fil-portmonijiet tagħhom.

Matul dawn il-ġimagħtejn li ġiet introdotta l-euro, iċ-ċittadini Maltin u Ċiprijotti wrew il-ħeġġa tagħhom biex ibiddlu il-flus nazzjonali tagħhom f’euro u biex jiġbdu flus kontanti euro. F’għaxart ijiem biss, kien hemm madwar 316 000 ġibda mill-ATM f’Malta u aktar minn 250 000 f’Ċipru. Għadd kbir ta’ nies użaw ukoll il-possibbiltà li jibdlu personalment il-valuta legali fil-banek, bi kważi 230 000 operazzjoni f'Malta u 336 000 operazzjoni f’Ċipru. Jekk nassumu li n-nies marru darba biss il-bank tagħhom, allura eċċezzjoni ta’ 70% tal-Maltin u 54% taċ-Ċiprijotti li għandhom aktar minn 15-il sena kellhom il-kuraġġ jistennew fil-kjus pjuttost twal biex jiksbu l-valuta l-ġdida tagħhom matul biss 8 ġranet ta’ xogħol tal-bank. Bħala paragun, proporzjon simili għal dak osservat f’Malta, kieku jfisser li madwar 70 miljun ruħ fil-Ġermanja jmorru sal-banek tagħhom!

L-awtoritajiet Maltin u Ċiprijotti u/jew assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi fiż-żewġ pajjiżi qed jinvestigaw b’mod sistematiku l-każijiet ta’ kkalkolar ta’ prezzijiet matul dan il-perjodu ta’ bidla għall-euro. Dan il-monitoraġġ mill-qrib ħafna – li sar ukoll għal żieda ta’ ċenteżmu wieħed mhux ġustifikata – f’Malta diġà wassal biex f’bosta każijiet, il-kumpanija jew il-fornitur tas-servizz ikkonċernat ġie mġiegħel ireġġa’ l-prezz għal dak ta’ qabel; jekk jonqos li jagħmel dan, jista’ jeħel multa.

Il-konsumaturi huma mħeġġa biex jibqgħu attenti u biex jirrapportaw kwalunkwe każ ta’ prezz inġust lill-awtoritajiet jew assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi.

Il-President tal-Kummissjoni Barroso u l-Kummissarju Almunia ser jattendu wkoll iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ l-adozzjoni ta’ l-euro fil-kapitali Ċiprijotta Nikosija, il-Ġimgħa 18 ta’ Jannar.

Rakkomandazzjoni ġdida dwar il-bidla għall-euro

Mit-tagħlim miksub mill-bidliet fl-2002, 2007 u 2008, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni ġdida dwar miżuri biex jiffaċilitaw bidliet għal-euro fil-ġejjieni, li jinstabu fi:

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article11032_en.htm

Meta mqabbla mat-test ta’ qabel li kien adottat fl-2000, in-novitajiet ewlenin huma:

  • indikazzjoni ċara tat-tul ta’ żmien ta’ wiri doppju (minn 6 xhur sa sena wara l-ġurnata-€) u tal-ħtieġa li jitneħħa l-wiri doppju fi tmiem dan il-perjodu.
  • forniment sinifikanti minn qabel lill-banek u sottoforniment lis-settur tal-bejgħ bl-imnut bi flus kontanti euro u liċ-ċittadini (għal muniti). B'mod partikolari, il-banek u l-ħwienet għandhom ikunu mħeġġa li jipparteċipaw permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ debitu diferit attraenti finanzjarjament.
  • forniment ta’ karti ta’ flus ta’ valur żgħir għal ġbid ta’ flus li jsir personalment il-bank matul il-ġimagħtejn ta’ qabel u wara il-bidla.
  • ftuħ ta’ l-uffiċċji bankarji ewlenin matul l-ewwel jiem tal-bidla, kif ukoll ħinijiet ta’ xogħol estiżi matul il-perjodu tal-bidla sabiex l-iskambju jkun faċilitat.
  • pakkett ta’ miżuri li jipprevjenu abbużi u perċezzjonijiet żbaljati dwar l-evoluzzjoni ta’ prezzijiet (ftehimiet dwar ipprezzar ġust, monitoraġġ mill-qrib ta’ prezzijiet, politika ta’ "semmi u stmerr" jew multi f’każ ta’ abbużi...).

Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll lill-Istati Membri li l-liġi nazzjonali għandha tipprevedi wiri doppju ta’ prezzijiet obbligatorju wara l-adozzjoni uffiċjali tar-rata tal-kambju; wiri separat obbligatorju tal-ħlasijiet possibbli għal pagament bl-euro matul il-perjodu ta’ bejn l-istipular tar-rata tal-kambju u tad-data uffiċjali ta’ l-introduzzjoni ta’ l-euro; u użu obbligatorju ta’ l-euro bħala bqija fi tranżazzjonijiet fi ħwienet tal-bejgħ mill-ewwel ġurnata tal-bidla.

For more information see DG Ecfin's website

http://ec.europa.eu/economy_finance/the_euro/

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article10547_en.htm

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article10547_el.htm

(in Greek)

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article10547_mt.htm

(in Maltese)

The Cypriot government has established a toll-free telephone line for questions on the euro: 8000 2008; e-mail: info@euro.cy; website http://www.euro.cy

The Maltese government has set up a national euro helpline: Linja Ewro 154; e-mail: euro@gov.mt; website: http://www.euro.gov.mt/


[1] Qiegħed isir stħarriġ f’intervalli regolari sat-tmiem il-perjodu taċ-ċirkulazzjoni doppja (il-31 ta’ Jannar 2008). Ir-riżultati huma disponibbli fi

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article10547_en.htm.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website