Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-UE teħtieġ li "ġugarelli manjetiċi" jkollhom tikketta ta' twissija

European Commission - IP/08/345   28/02/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/08/345

Brussell, 28 ta' Frar 2008

L-UE teħtieġ li "ġugarelli manjetiċi" jkollhom tikketta ta' twissija

Ġugarelli li jkun fihom kalamita jidhru li se jkollhom tikketta ta' twissija obbligatorja madwar l-UE, skond proposta tal-Kummissjoni approvata mill-Istati Membri fil-Kumitat tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Prodotti Ġenerali (GPSD) illum. Il-proposta għal abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni se tkopri "l-ġugarelli manjetiċi kollha" - ġugarelli li fihom jew huma magħmula minn kalamiti maħlulin jew li jistgħu jinqalgħu, jew komponenti manjetiċi ta' daqs u forma tali li jistgħu jinbelgħu mit-tfal. It-tikketta ta' twissija se tkun fuq l-imballaġġ jew tkun b'xi mod ieħor imwaħħla mal-ġugarell. Il-kalamiti huma riskju emerġenti, matul l-aħħar ftit snin saru iżgħar, iktar qawwija u eħfef biex jinqalgħu. Matul l-aħħar sentejn kien hemm għadd ta' inċidenti madwar id-dinja bi tfal jibilgħu kalamiti mill-ġugarelli, flimkien ma' mijiet ta' lmenti mill-konsumaturi, rapporti ta' inċidenti u bosta notifiki RAPEX. L-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumissjoni huwa parti mis-segwitu għall-inventarju ta' kontrolli ta' sigurtà tal-ġugarelli li sar mill-Kummissjoni fil-Ħarifa ta' l-2007, wara sensiela ta' rtirar mis-suq bi profil għoli ta' ġugarelli. Dan huwa konformi ma' miżuri simili li bdew jittieħdu minn Stati Membri bħal Franza u l-Ġermanja minn tmiem is-sena l-oħra. L-abbozz tad-deċiżjoni se jintbagħat lill-Parlament Ewropew qabel ma jiġi ppreżentat lill-Kulleġġ tal-Kummissarji għal deċiżjoni fil-bidu ta' April. L-Istati Membri mbagħad għandhom perjodu ta' 3 xhur biex jiżguraw li l-ġugarelli manjetiċi kollha għandhom it-tikketta ta' twissija.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Konsumaturi, Meglena Kuneva qalet: "Kalamiti żgħar fil-ġugarelli spiss ma jkunux ikbar mid-daqs ta' gomma ta' mal-lapes, imma saru qawwija ħafna. Hemm evidenza dejjem tiżdied tal-korriment reali li jista' jiġi kkawżat meta kalamiti ċkejkna jispiċċaw fi ħluq it-tfal jekk jinħallu u jinbelgħu. Din it-tikketta ta' twissija hija miżura temporanja filwaqt li l-istandard għall-UE kollha qiegħed jiġi rivedut. It-tikketta ta' twissija se tispjega biċ-ċar lill-ġenituri r-riskji potenzjalment serji u tiżgura iżjed attenzjoni."

Il-qagħda bħalissa

Bħalissa ma hemm l-ebda regoli jew standards speċifiċi li jkopru l-ġugarelli manjetiċi. Huma rregolati biss mir-rekwiżit ġenerali ta' l-UE li l-ġugarelli li jitqiegħdu fis-suq ma jponu l-ebda theddida għas-saħħa jew għas-sigurtà.

Il-problema

Minbarra inċident fatali rrappurtat fl-Istati Uniti fl-2006, ġew irrappurtati għexieren ta' drabi meta tfal li belgħu mill-inqas żewġ kalamiti jew kalamita u oġġett metalliku u kellhom bżonn operazzjoni maġġuri (il-kalamiti jattiraw lil xulxin u jistgħu jikkawżaw laċerazzjonijiet fil-mogħdija diġestiva) mill-2006 'l hawn madwar id-dinja. Ġew irrappurtati wkoll mijiet ta' lmenti mill-konsumaturi u rapporti ta' inċidenti, u ntbagħtu bosta notifiki RAPEX ta' miżuri li jikkonċernaw ġugarelli manjetiċi.

Bosta manifatturi ta' ġugarelli reċentement sejħu rtirar maġġuri mis-suq ta' ġugarelli li fihom il-kalamiti, l-iktar prominenti minnhom ikunu Mattel li, matul is-Sajf ta' l-2007, irtiraw mis-suq 18-il miljun ġugarell fuq skala globali.

Il-proposta l-ġdida

Il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Ewropew ta' Standardizzazzjoni (CEN) biex jirrevedi l-istandard Ewropew rilevanti (EN 71-1) biex jiġu koperti r-riskji speċifiċi relatati ma' kalamiti żgħar fil-ġugarelli. Is-CEN ingħata sentejn biex jagħmel dan u għandu jiġi lura bi standard rivedut, b'soluzzjonijiet adatti fil-kostruzzjoni tagħhom għall-manifatturi, fis-Sajf 2009. Sadanittant, permezz tad-Deċiżjoni approvata minn esperti ta' l-Istati Membri llum, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li t-tikketti tat-twissijiet jitpoġġew fuq il-ġugarelli manjetiċi kollha li jistgħu jkunu ta' riskju għat-tfal. It-twissija hija soluzzjoni temporanja biex jitnaqqas il-periklu sakemm is-CEN tipproduċi standard rivedut.

L-abbozz tad-Deċiżjoni maqbul illum ikopri "ġugarelli manjetiċi". Dan ifisser ġugarelli li fihom jew huma magħmula minn kalamiti maħlulin jew li jistgħu jinqalgħu, jew komponenti manjetiċi ta' daqs u forma tali li jistgħu jinbelgħu mit-tfal. Biex jitqiegħdu fis-suq ta' l-UE, dawn il-ġugarelli jridu jiġu mmarkati bi twissija adegwata. Din se tispjega fid-dettall ir-riskji tal-preżenza ta' kalamiti jew komponenti manjetiċi li huma aċċessibbli mit-tfal

L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-ġugarelli manjetiċi fis-suq ta' l-UE jkollhom jidhru l-kliem: "Attenzjoni! Dan il-ġugarell jinkludi kalamiti u komponenti manjetiċi. Kalamiti li jeħlu ma' xulxin jew li jeħlu ma' oġġetti metalliċi ġol-ġisem tal-bniedem jistgħu jikkawżaw korriment serju jew fatali - itlob għajnuna medika minnufih jekk xi kalamiti jinbelgħu jew jiġu aspirati" (jew għażla ta' kliem ekwivalenti). It-twissija trid tkun ċara u tinqara, u viżibbli għall-konsumatur.

Għadd ta' Stati Membri, fosthom Franza u l-Ġermanja diġà introduċew rakkomandazzjonijiet volontarji b'dawn it-twissijiet mill-bidu ta' l-2008.

Il-passi li jmiss

Il-proposta issa sejra għand il-Parlament Ewropew, li għandu dritt ta' skrutinju, u wara tiġi adottata formalment mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni diġà bdiet il-proċess ta' notifika ta' 60 jum meħtieġ mid-WTO, li għandu jispiċċa fl-aħħar ta' Marzu. Fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni mill-Kummissjoni, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-ġugarelli manjetiċi kollha li jitqiegħdu fis-suq ta' l-UE jkunu konformi ma' din il-miżura, u li dawk li mhumiex konformi ma jitħallewx jidħlu jew jiġu rtirati mis-suq.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur:

http://ec.europa.eu/consumers/safety/news/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website