Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew ta' l-Investiment iniedu Strument ġdid biex jiffinanzja n-Netwerk tat-Trasport Ewropew

European Commission - IP/08/31   11/01/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/08/31

Brussell, 11 ta' Jannar 2008

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew ta' l-Investiment iniedu Strument ġdid biex jiffinanzja n-Netwerk tat-Trasport Ewropew

Illum il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI) iffirmaw Ftehim ta' Kooperazzjoni li jistabbilixxi Strument ta' Garanzija ta' Self għal proġetti tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (LGTT). Dan l-istrument ġdid se jiffaċilita parteċipazzjoni akbar mis-settur privat fl-iffinanzjar ta' infrastruttura tat-trasport li għandha sinifikat Ewropew, speċjalment għal investimenti fi proġetti TENs fejn hemm livell għoli ta' riskju fid-dħul fil-perjodu operattiv tal-bidu tal-proġett. L-LGTT, li jagħmel parti mill-programm tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew (TEN-T) u l-inizjattiva tal-BEI Azzjoni għal Tkabbir, se jkunu qed ikopru parzjalment dan ir-riskju u għalhekk se jkunu qed itejbu b'mod sinifikattiv il-vijabbiltà finanzjarja ta' investiment ta' TENs. Il-kontribuzzjoni tal-kapital ta' € 1 biljun (€ 500 miljun kull wieħed mill-Kummissjoni u l-BEI) hija intenzjonata biex tappoġġja b'sa € 20 biljun ta' investiment kapitali.

"L-LGTT huwa strument ġdid sinifikanti għal finanzjament ta' infrastruttura Ewropea. Mhux biss qegħdin illum nagħmlu dan l-istrument innovattiv disponibbli għas-suq, imma qed intennu wkoll li l-parteċipazzjoni privata fl-iffinanzjar ta' infrastruttura tat-trasport ta' interess Ewropew hija milqugħa u meħtieġa," qal il-Viċi-President tal-Kummissjoni responsabbli mit-trasport Jacques Barrot meta kien qed jiffirma l-ftehim. "Għal xi proġetti, sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat tista' tkun l-aktar mod effiċjenti biex nimxu 'l quddiem. L-istrument il-ġdid ta' garanzija, bir-rilaxx ta' biljuni ta' investiment ġdid għal TEN-T, huwa għodda b'saħħitha li tiffaċilita sħubiji bħal dawn."

"L-LGTT se jipprovdi kapital addizzjonali sinifikanti għal riskju li għandu jiffaċilita u jaċċelera investiment tas-settur privat fit-TENs. Huwa żieda mar-Riżorsi tal-Baġit tat-TENS mill-Kummissjoni u self eżistenti mill-BEI. Huwa wkoll turija ta' kooperazzjoni effettiva ħafna bejn żewġ istituzzjonijiet ta' l-UE biex ikun appoġġjat l-iżvilupp tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew," qal il-President tal-BEI Philippe Maystadt fl-okkażjoni ta' l-iffirmar tal-ftehim. "Biex nikkompletaw il-firxa ta' prodotti finanzjarji disponibbli għal proġetti tan-Netwerk Trans-Ewropew, aħna se ningħaqdu mal-Kummissjoni Ewropea biex ikun iffaċilitat l-involviment tas-settur privat fil-qalba ta' infrastruttura tat-trasport."

Bl-iffirmar tal-Ftehim, il-Viċi-President Barrot u l-President Maystadt nedew uffiċjalment dan l-istrument. Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji Joaquin Almunia, li t-tim tiegħu kkontribwixxa wkoll għall-kunċett ta' l-LGTT, laqa' l-ħolqien ta' l-istrument il-ġdid ta' qsim tar-riskju u esprima l-fiduċja tiegħu fis-suċċess ta' din l-inizjattiva.

L-Istrument ta' Garanzija għal Self għal Proġetti tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew

L-investiment meħtieġ biex jitlesta u jiġi mmodernizzat in-Netwerk Trans-Ewropew, prekundizzjoni għall-kisba ta' suq uniku u integrazzjoni reġjonali tassew, jeċċedi l-kapaċitajiet ta' finanzjament pubbliku. Għall-perjodu 2007-2013 biss, il-ħtiġijiet ta' investment f'infrastrutturi tat-TEN huma mistennija li jlaħħqu total ta' xi € 300 biljun. Hija antiċipata lakuna finanzjarja sinifikanti f'riżorsi tas-settur pubbliku u tingħeleb biss billi jkun immobilizzat investiment privat fi proġetti kbar ta' l-infrastruttura. L-LGTT – garanzija tal-BEI għal dejn subordinat f'forma ta' faċilità ta' likwidità għal-lest biex tkun provduta minn banek kummerċjali – tilqa' għal din il-problema billi tipprovdi sigurtà għar-riskju tal-bidu ta' traffikar ta' dħul matul l-ewwel 5-7 snin ta' tħaddim ta' proġett. L-LGTT jgħin il-proġett ikampa bir-riskju tal-bidu filwaqt li joqgħod fuq il-perspettiva fuq medda twila ta' żmien li l-proġett ikun vijabbli finanzjarjament.

Il-mod kif inhu mfassal l-LGTT, billi jtejjeb l-abbiltà ta' min jissellef biex ikun jista' jiffinanzja dejn akkumulat, isaħħaħ il-kwalità globali tal-kreditu u b'hekk iħeġġeġ tnaqqis fil-marġini tar-riskju applikati għal self akkumulat għall-proġett. Dan l-iffrankar ta' flus għandu jisboq l-ispiża għal min jissellef mill-garanzija, bir-riżultat li jkun hemm valur finanzjarju miżjud għall-proġett. L-inkorporazzjoni ta' LGTT, billi jirrendi aktar attraenti l-investiment tas-settur privat fi proġett u allura irħas, tipprovdi għalhekk benefiċċji għas-soċjetà kollha kemm hi.

L-LGTT se jkun qed jikkumplimenta żewġ strumenti finanzjarji oħra tal-Kummissjoni Ewropea mfassla għal proġetti tat-TEN-T u mmirati biex iżidu l-parteċipazzjoni ta' kapital privat. Il-Faċilità ta' Kapitali għal Riskju toffri kapital għal riskju għal fondi ta' investiment iffukati fuq li jipprovdu ekwità għal proġetti tat-TEN, billi skemi disponibbli għal pagament jistgħu jibbenefikaw minn għotja għall-kostruzzjoni bbażata fuq l-ispiża matul il-fażi operattiva u ta' wara l-kostruzzjoni tal-proġett.

Għal aktar informazzjoni ara wkoll MEMO/08/12

Informazzjoni operattiva dwar LGTT:

AGI – EIB – Matthias Woitok: +352/437 987 336, m.woitok@eib.org

http://ec.europa.eu/ten/index_en.html

www.eib.org


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website