Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tressaq proposti lill-Kunsill Ewropew dwar il-fondi sovrani (sovereign wealth funds) u l-istabbiltà finanzjarja

European Commission - IP/08/313   27/02/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/08/313

Brussell, 27 ta’ Frar 2008

Il-Kummissjoni tressaq proposti lill-Kunsill Ewropew dwar il-fondi sovrani (sovereign wealth funds) u l-istabbiltà finanzjarja

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat komunikazzjonijiet dwar il-fondi sovrani u dwar l-adattament tas-sistemi finanzjari Ewropej u globali għal promozzjoni aħjar ta’ l-istabbiltà finanzjarja. Dawn il-komunikazzjonijiet huma l-kontribut tal-Kummissjoni għad-diskussjonijiet tal-mexxejja ta' l-UE dwar dawn is-suġġetti fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa li se jsir fit-13 u l-14 ta' Marzu. B'rabta mal-fondi sovrani (SWFs). il-Kummissjoni qed tipproponi li l-mexxejja ta’ l-UE japprovaw metodu komuni ta’ l-UE biex tiżdied it-trasparenza, il-previdibbiltà u r-responsabbiltà ta’ l-SWFs. Dan il-metodu komuni se jsaħħaħ il-leħen ta’ l-Ewropa f’diskussjonijiet internazzjonali li għandhom l-għan li jistabbilixxu kodiċi ta’ kondotta li jinkludi standards fl-oqsma tat-trasparenza u t-tmexxija. Fir-rigward ta’ l-istabbiltà finanzjarja, il-Kummissjoni tixtieq li l-Kunsill Ewropew jikkonferma l-prinċipji li se jiggwidaw l-isforzi ta’ l-UE għat-titjib tat-trasparenza finanzjarja u t-trasparenza tas-suq u għat-tisħiħ tal-kontroll prudenzjali u l-ġestjoni tar-riskju, u biex jistabbilixxi l-linji ġenerali ta’ l-azzjoni li se tittieħed.

Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso qal: “L-Ewropa trid tibqa’ miftuħa għall-investimenti interni. Il-Fondi sovrani mhumiex xi kelb feroċi li qed jistenniena wara l-kantuniera. Huma injettaw likwidità u għenu biex jistabbilizzaw is-swieq finanzjarji. Jistgħu joffru investimenti affidabbli fuq termini twal li l-kumpaniji tagħna jeħtieġu. Sabiex dan jiġi żgurat, neħtieġu ftehim globali dwar kodiċi ta’ kondotta volontarju – u għalhekk qed nagħtu kontribut illum. Huwa għandu jevita li l-fondi jiġi ġestiti b’manjiera xejn trasparenti jew li jintużaw għal għanijiet li mhumiex ekonomiċi. L-UE għandha jkollha metodu komuni, mingħajr reazzjonijiet differenti mill-Istati Membri, biex b'hekk jiġi evitat ir-riskju tal-frammentazzjoni tas-suq uniku. Diġà ċċarajt il-fatt li aħna nistgħu nipproponu leġiżlazzjoni Ewropea jekk ma nkunux nistgħu niksbu riżultati permezz ta' mezzi volontarji. Dwar is-swieq finanzjarji internazzjonali b’mod ġenerali, aħna qegħdin nitolbu lill-mexxejja ta’ l-UE biex jikkonfermaw b’vuċi soda u mingħajr tlaqliq li l-Ewropa se tagħżel metodu komuni effettiv biex tegħleb in-nuqqasijiet li ħarġu fid-dieher mill-inkwiet finanzjarju reċenti.".

Fondi sovrani (sovereign wealth funds)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fondi sovrani tipproponi lill-mexxejja ta’ l-UE metodu komuni ta’ l-UE li jkun bilanċjat kif ukoll proporzjonali, li jħares l-interessi ta’ politika leġittimi mingħajr ma jaqa’ fin-nasba tal-protezzjoniżmu.

L-għan ġenerali huwa ż-żamma ta’ ambjent ta’ investiment miftuħ filwaqt li tissaħħaħ it-trasparenza, il-previdibbiltà u r-responsabbiltà ta’ l-investimenti tal-SWFs. Biex jintlaħaq dan il-għan huma meħtieġa aktar ċarezza u intwizzjoni fit-tmexxija tas-SWFs u t-titjib tal-kwalità ta’ l-informazzjoni li jagħtu lis-swieq dwar id-daqs, l-għanijiet ta’ investiment, l-istrateġiji u l-għejun tar-riżorsi tagħhom.

L-UE għandha tixpruna ħidma internazzjonali ulterjuri f’dan ir-rigward. F’Ottubru ta’ l-2007 l-Ministri tal-Finanzi tal-G7 stiednu organizzazzjonijiet internazzjonali, prinċipalment l-IMF u l-OECD, sabiex titnieda riflessjoni dwar l-SWFs. L-IMF qed tiżviluppa kodiċi ta’ kondotta għall-SWFs, b’kooperazzjoni mal-proprjetarji tagħhom. L-OECD qed tidentifika l-aħjar prassi għall-pajjiżi li jirċievu. Il-metodu komuni stabbilit fil-komunikazzjoni għandu jkun il-kontribut ta’ l-UE għal dawn l-isforzi internazzjonali.

Il-komunikazzjoni tiġbor fiha ħames prinċipji:

  • l-impenn lejn ambjent ta’ investiment miftuħ kemm fl-UE u fi mkejjen oħra, inkluż f'pajjiżi terzi li joperaw l-SWFs;
  • is-sostenn għall-ħidma multilaterali, f'organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-IMF u l-OECD;
  • l-użu ta’ strumenti eżistenti fil-livell ta’ l-UE u ta’ l-Istati Membri;
  • ir-rispett għall-obbligi tat-Trattat tal-KE u impenji internazzjonali, pereżempju fil-qafas tad-WTO;
  • il-proporzjonalità u t-trasparenza.

Barra minn hekk il-Komunikazzjoni tfisser ċerti standards bażiċi ta' tmexxija u trasparenza li għandhom jiġu inklużi f'kodiċi ta' kondotta volontarju għall-SWFs li għandu jintlaħaq ftehim dwarhom fil-livell internazzjonali, u tibni fuq il-ħidma kurrenti li twettqet mill-IMF. Kodiċi ta’ kondotta volontarju miftiehem fil-livell internazzjonali huwa l-aktar mod effettiv u proporzjonat biex jiġi indirizzat it-tħassib b’rabta mar-riskju possibbli li l-operazzjonijiet transkonfinali ta' xi SWFs jistgħu jinterferixxu ma' l-iffunzjonar normali ta' l-ekonomiji tas-suq.

Fost it-tħassib li qed jipprevali hemm il-fatt li xi SWFs joperaw b’manjiera xejn trasparenti, mingħajr ma jikxfu, pereżempju, il-valur ta' l-assi tagħhom, l-għanijiet ta' investiment u n-natura tas-sistemi tagħhom ta' ġestjoni tar-riskju. Hemm ukoll tħassib li l-proprjetarji ta’ SWFs jużawhom biex, minflok ma jiżviluppaw l-interessi kummerċjali normali, jiżviluppaw l-interessi strateġiċi tagħhom ulterjorment, u b’hekk barra milli joħolqu distorsjoni fis-swieq, jesponu lill-UE u l-Istati Membri tagħha għal problemi potenzjali b'rabta mas-sigurtà.

Il-metodu komuni mressaq mill-Kummissjoni jevita sensiela xejn koordinata ta’ risponsi nazzjonali li jifframmentaw is-suq intern u jikkawżaw dannu lill-ekonomija Ewropea b’mod ġenerali. Barra minn hekk ikun ta’ għajnuna għall-għan kummerċjali ta' l-UE li tiftaħ is-swieq ta' pajjiżi terzi għal investituri mill-UE. Dan ma jintlaħaqx kif ġieb u laħaq jekk l-UE tagħti l-impressjoni li qed timponi ostakli inġustifikati fl-Ewropa. Il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill Ewropew biex japprova dan il-metodu u jużah bħala l-bażi biex jinkoraġġixxi lill-pajjiżi li jirċievu biex iżommu s-suq tagħhom miftuħ u jipprovdi linji gwida ċari għall-aċċess għall-investiment u biex il-proprjetarji ta’ SWF jilħqu ftehim dwar kodiċi ta’ kondotta, preferibbilment sa tmiem l-2008.

Stabbiltà finanzjarja

F’Ottubru ta’ l-2007 l-Kunsill ECOFIN laħaq ftehim dwar programm għat-tisħiħ tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja Ewropea u globali biex jingħelbu n-nuqqasijiet li ħarġu fid-dieher wara l-kriżi fis-settur sub-prime fl-Istati Uniti. Il-programm huwa msejjes fuq erba’ oqsma ewlenin ta’ ħidma: it-titjib tat-trasparenza; il-valutazzjoni ta’ prodotti finanzjarji, it-tisħiħ tar-rekwiżiti prudenzjali u l-iffunzjonar aħjar tas-swieq.

Il-komunikazzjoni tal-lum tal-Kummissjoni dwar l-istabbiltà finanzjarja titlob lill-mexxejja ta' l-UE fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa sabiex jibnu fuq dan il-programm u “jmorru pass lil hinn” billi jikkonfermaw, fil-livell ta’ kap ta’ Stat u gvern, il-prinċipji li se jmexxu ’l-UE kemm internament kif ukoll f’fora internazzjonali.

Dawk il-prinċipji għandhom jinkludu: ir-respnsabbiltà primarja għall-ġestjoni tar-riskju taqa’ fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji individwali u l-investituri; l-oqfsa regolatorji u superviżorji nazzjonali għandhom ikunu b’saħħithom biżżejjed biex ilaħħqu mat-tibdil u l-innovjazzjoni rapidi fi prodotti finanzjarji; il-kooperazjoni bejn awtoritajiet regolatorji fl-UE u fil-livell globali għandhom jingħataw spinta ’l quddiem.

Il-Kummissjoni tixitieq ukoll li l-Kunsill Ewropew japprova sensiela ta’ linji ta’ azzjoni kemm f’termini ta’ politika interna kif ukoll f’fora internazzjonali. Dawn jinkludu:

  • it-titjib ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-aġenziji tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu (credit ratings agencies), billi jittieħdu miżuri regolatorji jekk l-aġenziji ma jiħdux azzjonijiet volontarjament.
  • l-aġġornament tar-regoli tal-kontabbiltà u l-valutazzjoni, biex l-informazzjoni sħiħa dwar l-esponiment tal-banek u ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra għal strumenti li ma jiġux inklużi fuq il-karta tal-bilanċ isiru disponibbli.
  • l-inkoraġġiment f'waqtu għall-għoti sħiħ ta' informazzjoni dwar it-telf ta' istituzzjonijiet finanzjarji;
  • it-titjib ta’ sistemi ta’ twissija bikrija dwar l-istabbiltà finanzjarja;
  • it-trawwim ta’ l-effettività ta’ netwerks ta’ l-UE ta' superviżuri finanzjarji u l-iżgurar ta' superviżjoni b'saħħitha u effettiva ta' gruppi bejn fruntiera u oħra;
  • titwettaq ħidma fuq qafas komuni għall-valutazzjoni ta' l-implikazzjonijiet sistematiċi ta' kriżi potenzjali.

Il-Kummissjoni trid tilħaq ftehim politiku mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew sabiex twassal it-tibdil leġiżlattiv meħtieġ qabel April ta’ l-2009.

Il-Komunikazzjoni tenfasizza li filwaqt li l-azzjoni fl-oqsma msemmija hawn fuq hija essenzjali, l-ekonomija Ewropea qiegħda tirrispondi b’mod relattivament tajjeb għall-inkwiet fis-swieq finanzjarji, it-tnaqqis ekonomiku ta’ l-Istati Uniti u l-prezzijiet għolja kemm ta’ l-enerġija kif ukoll tal-prodotti kummerċjali. Minkejja r-reviżjoni negattiva fit-tbassir eknomiku temporanju li ħarġet il-Kummissjoni dan l-aħħar, it-tkabbir previst fl-UE għadu ta’ 2%. Ir-riformi taħt l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi wasslu biex l-ekonomiji Ewropej huma aktar flessibbli. Iċ-ċiklu li jmiss ta’ l-Istrateġija ta' Liżbona, li huwa mistenni li jiġi approvat mill-Kunsill Ewropew, se jagħti sigurtà addizzjonali kontra kwalunkwe inkwiet fis-swieq internazzjonali li jista' jseħħ fil-ġejjieni.

Aktar dettalji dwar iż-żewġ komunikazzjonijiet tinstab fil-MEMO/08/123 u MEMO/08/126 u t-testi se jkunu disponibbli kemm jista' jkun malajr fuq: http://ec.europa.eu/commission_barroso/president/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website